Minn Olimpja għal Sydney
ĦAFNA jikkunsidraw il-Logħob Olimpiku bħala l-iktar kompetizzjoni importanti taʼ l-atletika fid-dinja. The World Book Encyclopedia tgħid: “L-ebda avveniment sportiv ieħor ma joħloq daqshekk interess.” Din iżżid: “Diversi miljuni taʼ nies jattendu għal dan il-logħob, u mijiet taʼ miljuni madwar id-dinja jarawh fuq it-televixin.”
L-Istorja Tiegħu Fuq Fuq
Il-Logħob Olimpiku beda eluf taʼ snin ilu. Il-Griegi taʼ l-antik kienu jemmnu li l-ispirti tal-mejtin kienu jieħdu gost bl-atletika. Għalhekk, kienu jagħmlu festi nazzjonali li kienu taħlita taʼ reliġjon u sport. Dawn kienu jinkludu l-logħob Istmiku, Nemjan, Olimpiku u Pitjan. Il-logħob Olimpiku kienu jqisuh bħala l-iktar wieħed prestiġjuż minn dawn kollha, għax kien jagħti ġieħ lil Żews, meqjus mill-Griegi bħala s-sultan taʼ l-allat.
Milli jidher, fl-Olimpijadi tal-bidu kienet issir biss tellieqa bil-ġiri. Imbagħad maż-żmien daħlu wkoll kompetizzjonijiet oħrajn, bħat-tlielaq bil-karrijiet, u l-provi ibsin taʼ saħħa. Għal din l-okkażjoni kienu jiġu bosta nies minn kullimkien. Fil-fatt, minħabba s-sigurtà tagħhom kwalunkwe gwerra kienet tieqaf bi ftehim għal ftit taż-żmien, sew qabel u sew wara l-Olimpijadi.
Meta Ruma ħadet il-qawwa, l-Olimpijadi bdew sejrin lura bħal granċ. Fil-fatt, ħafna Rumani sa ċertu punt ma kinux jaħmluha l-atletika. Lill-Imperatur Neruni biss kienet togħġob. Fis-sena 67 E.K. daħal f’dan il-logħob u rebaħ kull parti li ħa sehem fiha. Milli jidher, kulmin ħa sehem kien jaf li kien jaqbillu jħallih jirbaħ! Xorta waħda, sas-sena 394 E.K., l-Olimpijadi kienu waqfu.
L-Olimpijadi Jitfaċċaw mill-Ġdid
Xi 15-il seklu wara, arkeoloġi Ġermaniżi sabu xi affarijiet fuq il-wita taʼ Olimpja tal-qedem li reġgħu qajmu l-interess f’dan il-logħob. Imbagħad, il-Baruni Pierre de Coubertin, Franċiż taʼ 29 sena, issuġġerixxa li dan l-avveniment jerġaʼ jingħata l-ħajja. Għalhekk, fl-1896 sar l-ewwel Logħob Olimpiku modern f’Ateni. Minn dakinhar ’l hawn, l-Olimpijadi bdew isiru kull erbaʼ snin b’xi eċċezzjoni ’l hemm u ’l hawn.
Illum ħafna nies iħarsu ’l quddiem lejn dan il-logħob meta jkun se jsir. Din is-sena, se jsir f’Sydney, l-Awstralja, mill-15 taʼ Settembru sa l-1 t’Ottubru. Dan se jkun jinkludi 28 sport differenti, 292 avveniment u 635 sessjoni, u iktar minn 10,300 atleta se jieħdu sehem fih.
Madankollu, f’dawn l-aħħar snin inqalgħu kontroversji kbar minħabba l-Olimpijadi. Ħafna nies saħansitra qed jgħidu li l-prinċipji tajbin taʼ l-Olimpijadi sejrin il-baħar. Jekk nagħtu daqqa t’għajn wara l-kwinti se niskopru xi affarijiet u nibqgħu mistagħġbin b’oħrajn.
[Sors tal-istampa f’paġna 3]
Scala/Art Resource, NY