LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 10/09 pp. 28-31
  • Leali Lejn Alla Għal Iktar Minn 70 Sena

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Leali Lejn Alla Għal Iktar Minn 70 Sena
  • Stenbaħ!—2009
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nitkellem Dwar il-​Fidi Tiegħi
  • Il-​Gwerra Ġġib Magħha l-​Provi
  • Iktar Provi tal-​Fidi
  • Nippritkaw il-​Libertà Vera
  • Projbiti mill-​Ġdid
  • Ħajja Meraviljuża!
  • Ħajja Sinifikanti Hija Verament Possibbli?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Xi Ngħidu Jekk Għandi Problema taʼ Saħħa? (L-1 Parti)
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Kelli Ħajja Premjanti Ħafna
    Stenbaħ!—2011
  • Nistinka Biex Inkun “Ħaddiem li m’Għandux Mniex Jistħi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2009
g 10/09 pp. 28-31

Leali Lejn Alla Għal Iktar Minn 70 Sena

Kif rakkontata minn Josephine Elias

“Toqgħodx tinkwieta,” qalli żewġi b’leħen baxx minn bejn il-​ħadid taċ-​ċella tal-​ħabs. “Sew jekk joqtluni u sew jekk jeħilsuni, jien se nibqaʼ leali lejn Ġeħova.” Jien ukoll kont determinata li nibqaʼ leali. Illum għadni nħossni l-​istess.

JIEN twilidt fl-​1916 f’Sukabumi, belt żgħira fl-​għoljiet taʼ Ġava tal-​Punent, l-​Indoneżja. Il-​ġenituri tiegħi kienu Ċiniżi sinjuri li kienu jgħixu f’dar kbira bil-​qaddejja. Kelli ħames aħwa subien, tlieta akbar minni u tnejn iżgħar. Jien kont l-​unika tifla, u sirt vera mqarba. Kont inħobb nixxabbat mal-​bjut tad-​djar u nieħu sehem fl-​isports. Madankollu, kien hemm xi ħaġa li kienet tinkwetani ħafna.

Il-ħsieb li ninħaraq fl-​infern kien iwerwirni. L-​għalliema tiegħi kienu jgħidu li t-​tfal imqarbin imorru l-​infern. U peress li jien kont imqarba kont inħoss li hemmhekk se nispiċċa. Iktar tard, waqt li kont qed nattendi l-​iskola sekondarja f’Ġakarta (dak iż-​żmien Batavia) imradt. It-​tabib ħaseb li se mmut, u għalhekk sidt il-​kera pprovat tfarraġni billi tgħidli li dalwaqt kont se nkun fis-​sema. Imma jien bżajt li d-​destin tiegħi kien għall-​infern.

Ħija l-​kbir Dodo u ommi, Kang Nio, ġew malajr Ġakarta biex jiħduni d-​dar. Aħna u sejrin id-​dar, Dodo staqsieni, “Kont taf li l-​Bibbja ma tgħallimx li jeżisti n-​nar tal-​infern?”

“Kif taf?” staqsejtu. Ommi qratli xi skritturi mill-​Bibbja li juru li l-​mejtin ma jafu xejn u qed jistennew l-​irxoxt. (Ekkleżjasti 9:5, 10; Ġwanni 5:28, 29) “Dawn l-​affarijiet tgħallimniehom mix-​Xhieda taʼ Ġeħova,” spjegawli. Imbagħad tawni ktejjeb żgħir jismu Where Are the Dead? (Fejn Qegħdin il-​Mejtin?) u bdejt naqrah mill-​ewwel.a Qabel wasalna d-​dar għedtilhom, “Din hi l-​verità!”

Nitkellem Dwar il-​Fidi Tiegħi

Sa dak iż-​żmien il-​familja tiegħi kienet laħqet marret toqgħod Bandung, belt kbira f’Ġava tal-​Punent. Hemmhekk irkuprajt mill-​marda tiegħi bil-​mod il-​mod. F’Marzu tal-​1937 ġie jżurna Clem Deschamp, Xhud Awstraljan li kien qed jaqdi f’Ġakarta. Matul iż-​żjara tiegħu, jien, ommi, u ħuti l-​kbar—Felix, Dodo, u Peng—tgħammidna bħala simbolu tad-​dedikazzjoni tagħna lil Alla. Iktar tard, ħuti ż-​żgħar, Hartanto u Jusak, u missieri, Tan Gim Hok, ukoll saru Xhieda.b

Wara li tgħammidna, ngħaqadna maʼ Clem f’kampanja speċjali taʼ ppritkar taʼ disat ijiem. Hu wriena kif nippritkaw billi nużaw kard tat-​testimonjanza li kien fiha messaġġ sempliċi mill-​Bibbja bi tliet lingwi. Tajna xhieda wkoll b’mod informali lill-​qraba u l-​ħbieb tagħna. Il-​grupp żgħir tagħna f’Bandung ma damx ma sar kongregazzjoni, it-​tieni waħda fl-​Indoneżja.

Iktar tard dik is-​sena, il-​familja tagħna marret toqgħod Ġakarta biex tipprietka liċ-​Ċiniżi li kienu joqogħdu hemmhekk, 80,000 abitant. Jien, ommi, u Felix dħalna fil-​ministeru Kristjan full-time bħala pijunieri. Jien mort nipprietka wkoll f’Bandung, Surabaya, u postijiet oħrajn. Fil-​biċċa l-​kbira kont nipprietka waħdi. Kont żgħira, b’saħħti, u ferħana naqdi lil Alla. Madankollu, is-​sħab tal-​gwerra kien qed ifiġġ fuq ix-​xefaq, u l-​fidi tiegħi dalwaqt kienet se tgħaddi minn prova.

Il-​Gwerra Ġġib Magħha l-​Provi

F’Diċembru tal-​1941, il-​kaos tat-​tieni gwerra dinjija ħakem l-​Asja f’daqqa. L-​Armata Imperjali tal-​Ġappun ħatfet l-​Indoneżja bħal morsa taħt idejha. Il-​letteratura Biblika tagħna ġiet projbita, u ma stajniex nippritkaw bil-​miftuħ. Meta kont inżur lin-​nies interessati fi djarhom kont inġorr il-​logħba taċ-​ċess miegħi sabiex oħrajn jaħsbu li konna sempliċement qed nilagħbu ċ-​ċess.

Fl-1943 iżżewwiġt lil André, pijunier qalbieni b’vuċi soda u qawwija li kienet tiġbed l-​attenzjoni. Flimkien konna ndaħħlu bil-​moħbi l-​letteratura tal-​Bibbja għax-​Xhieda f’Ġava. Kieku kellhom jaqbduna kienu jittorturawna u joqtluna. Ħafna drabi bil-​ħniena ħlisnieha.

Darba minnhom meta konna se nirkbu ferrovija f’Sukabumi, jien u André ġejna mwaqqfin mill-​Kempeitai, il-​pulizija militari Ġappuniżi li kulħadd kien jibżaʼ minnhom. Jien kont qed inġorr xi letteratura projbita fil-​qiegħ tal-​basket tiegħi. “X’għandek fil-​basket?” ried ikun jaf pulizija minnhom.

“Ħwejjeġ,” wieġeb André.

“U x’hemm taħt il-​ħwejjeġ?” staqsa hu.

“Iktar ħwejjeġ,” qal André.

“Imma x’hemm fil-​qiegħ tal-​basket?” reġaʼ staqsa l-​pulizija. Qalbi bdiet ittaqtaq u tlabt lil Ġeħova minn taħt l-​ilsien. “Aħjar tiċċekkja int,” wieġbu André.

L-assistent tal-​pulizija deffes idu fil-​fond tal-​basket. F’daqqa waħda, werżaq twerżiqa bl-​uġigħ u fil-​pront ħareġ idu mill-​basket. Kien tniggeż b’labra. L-​uffiċjal avvilit malajr ordnalna nagħlqu l-​basket u nirkbu l-​ferrovija.

Matul vjaġġ ieħor lejn Sukabumi, il-​Kempeitai indunaw li kont Xhud, u ordnawli biex immur fil-​kwartieri ġenerali lokali tagħhom. André u ħija Felix ġew miegħi. Hemmhekk André ġie interrogat l-​ewwel. Fajrulu mistoqsijiet diffiċli waħda wara l-​oħra. “Min huma x-​Xhieda taʼ Ġeħova? Int kontra l-​gvern Ġappuniż? Int spija?”

“Aħna qaddejja t’Alla li Jistaʼ Kollox u m’għamilna xejn ħażin,” wieġeb André. Il-​kmandant ħataf sejf taʼ samuraj minn mal-​ħajt u żammu merfugħ fl-​għoli.

“Xi tgħid jekk noqtlok issa?” qal irrabjat. André serraħ rasu fuq l-​iskrivanija u talab f’qalbu. Wara pawsa twila, l-​uffiċjali nfaqgħu jidħqu. “Kuraġġuż int!” qal l-​uffiċjal. Imbagħad bagħat lil André ’l barra u sejjaħ lili u lil Felix. Meta ra li x-​xhieda tagħna kienet taqbel maʼ t’André, l-​uffiċjal għajjat: “Intom m’intomx spiji. Itilqu minn hawn!”

It-tlieta li aħna mxejna lura d-​dar, infaħħru lil Ġeħova bil-​ferħ. Mur għidilna li dalwaqt konna se nġarrbu provi saħansitra iktar diffiċli.

Iktar Provi tal-​Fidi

Xi xhur wara, André ġie akkużat mill-​“aħwa foloz” u l-​Kempeitai tefgħuh il-​ħabs. (2 Korintin 11:26) Jien mort narah il-​ħabs. Kien niexef u dgħajjef. Baqaʼ ħaj għax kien jiekol biċċiet tal-​ikel li laqqat mill-​kanal li kien hemm fiċ-​ċella tiegħu. Il-​gwardjani tal-​ħabs ma kienx irnexxielhom ikissrulu l-​integrità tiegħu. Bħalma semmejt fil-​bidu, hu qalli b’leħen baxx minn bejn il-​ħadid taċ-​ċella: “Toqgħodx tinkwieta. Sew jekk joqtluni u sew jekk jeħilsuni, jien se nibqaʼ leali lejn Ġeħova. Bħala katavru jistgħu joħorġuni minn hawnhekk imma mhux bħala traditur.”

Wara sitt xhur il-​ħabs, André deher quddiem il-​Qorti Superjuri taʼ Ġakarta. Il-​familja u l-​ħbieb tagħna mlew l-​awla. L-​atmosfera kienet mimlija tensjoni.

“Għala ma tridx tidħol fl-​armata Ġappuniża?” ried ikun jaf l-​imħallef.

“Jien suldat għas-​Saltna t’Alla,” wieġeb André, “u suldat ma jistax jaqdi f’żewġ armati f’daqqa.”

“Int tgħid lil oħrajn biex ma jidħlux fl-​armata?” staqsa l-​imħallef.

“Le,” qal André, “dak jarawh huma.”

André kompla jiddefendi ruħu waqt li kkwota ħafna mill-​Bibbja. L-​imħallef, Musulman devot, baqaʼ impressjonat. “It-​twemmin tagħna forsi hu differenti, imma ma se nisforza lil ħadd biex imur kontra l-​kuxjenza tiegħu,” qal l-​imħallef. “Int ħieles.”

Fl-awla nħass serħan kbir, u qalbi bdiet tħabbat bil-​ferħ. André ġie ħdejja u qabadli idi. Il-​familja u l-​ħbieb inġabru madwarna u mimlijin eċċitament bdew jifirħulna.

Nippritkaw il-​Libertà Vera

Wara li spiċċat it-​tieni gwerra dinjija, fl-​Indoneżja bdiet rivoluzzjoni li damet sejra erbaʼ snin kontra l-​ħakma kolonjali Olandiża. Inqatlu eluf taʼ nies, u r-​residenti taʼ rħula sħaħ ħarbu minn djarhom. Nies patrijottiċi pprovaw jisforzawna ngħajtu l-​għajta tagħhom tal-​gwerra “Merdeka,” li tfisser “Libertà.” Imma aħna għednielhom li konna newtrali f’dawn l-​affarijiet politiċi.

Minkejja l-​vjolenza, aħna rġajna qbadna nippritkaw minn dar għal dar. Użajna l-​kards tat-​testimonjanza l-​antiki u l-​letteratura li rnexxielna nsalvaw minn qabel il-​gwerra. F’Mejju tal-​1948, meta battiet il-​vjolenza, jien u André rġajna sirna pijunieri, l-​uniċi pijunieri fl-​Indoneżja. Tliet snin wara tgħidx kemm konna ferħanin li nilqgħu 14-il Xhud f’Ġakarta, ilkoll kemm huma gradwati mill-​Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead) fin-​naħa taʼ fuq tal-​istat taʼ New York, fl-​Istati Uniti. It-​taħriġ li tawna ppreparana għal iktar responsabbiltajiet.

F’Ġunju tal-​1952, jien u André aċċettajna inkarigu bħala pijunieri speċjali fil-​belt taʼ Semarang, fiċ-​ċentru taʼ Ġava. Is-​sena taʼ wara aħna stess attendejna t-​22 klassi taʼ Gilegħad. Wara li ggradwajna rġajna lura l-​Indoneżja u ġejna assenjati f’Kupang, Timor. Inkarigi oħrajn ħaduna fil-​provinċji taʼ Sulawesi t’Isfel u Sulawesi taʼ Fuq. Hemmhekk iffaċċjajna iktar provi tal-​fidi.

Projbiti mill-​Ġdid

Fl-​1965, kolp taʼ stat wassal għall-​mewt taʼ mijiet t’eluf taʼ nies. Xi wħud mill-​kleru tal-​Kristjaneżmu involvew ruħhom u sostnew li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu Komunisti. Fortunatament, l-​awtoritajiet ma ġewx imqarrqin kif ġieb u laħaq. Madankollu, il-​kleru ma qatax qalbu u kompla jattakka lix-​Xhieda bil-​malafama. Fl-​aħħar, fil-​25 taʼ Diċembru, 1976, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ġew projbiti.

Ftit wara li tħabbret il-​projbizzjoni, il-​prosekutur distrettwali f’Manado bagħat għal André biex imur fl-​uffiċċju tiegħu. “Taf li x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma projbiti?” staqsieh.

“Iva,” wieġeb André.

“Lest issa li tbiddel ir-​reliġjon tiegħek?” staqsa l-​uffiċjal.

André miel ’il quddiem u b’mod drammatiku ħabbat fuq sidru. “Tistaʼ taqlagħli qalbi minn ġismi, imma qatt ma tistaʼ ġġegħelni nbiddel ir-​reliġjon tiegħi,” qal b’vuċi soda.

Imbellah, il-​prosekutur staqsa, “X’se nittajpja fir-​rapport tiegħi?”

“Ikteb li jien għadni Xhud taʼ Ġeħova u li m’għamilt xejn ħażin,” qallu André.

“Se niħodlok il-​letteratura kollha,” qal il-​prosekutur.

Dak il-​lejl xi Xhieda żgħażagħ neħħew il-​letteratura mid-​dar tagħna, u ħallew biss kaxxi vojta. Aħna komplejna nippritkaw billi nużaw il-​Bibbja. Qatt ma rġajna smajna mingħand il-​prosekutur distrettwali.

Ħajja Meraviljuża!

Iktar tard, jien u André qdejna bħala pijunieri f’Surabaya, fuq il-​gżira taʼ Ġava, u fuq Bangka, gżira lil hinn mill-​kosta tax-​Xlokk taʼ Sumatra. Imma fl-​1982 minħabba problemi taʼ saħħa kellna nerġgħu lura Ġakarta. Hawnhekk, fis-​sena 2000, André miet taʼ 85 sena, pijunier żeluż sal-​aħħar. Is-​sena taʼ wara li miet, il-​projbizzjoni tneħħiet.

X’ħajja meraviljuża għext! Illum għandi 93 sena, u qattajt iktar minn 70 sena fil-​ministeru taʼ pijunier. Fl-​1937, meta tgħammidt, kien hemm biss 25 Xhud taʼ Ġeħova fl-​Indoneżja. Illum, hemm kważi 22,000. Kemm jien ferħana li ħadt sehem f’dan it-​tkabbir! Imma l-​vjaġġ tiegħi għadu jibda. Jien irrid naqdi lil Alla lealment għal dejjem.

[Noti taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova imma m’għadux jiġi stampat.

b Il-familja kollha baqgħet leali lejn Ġeħova. Josephine u Jusak, l-​uniċi membri li fadal ħajjin, għadhom jaqdu lil Ġeħova b’mod żeluż f’Ġakarta.

[Kumment f’paġna 29]

“Jien suldat għas-​Saltna t’Alla, u suldat ma jistax jaqdi f’żewġ armati f’daqqa”

[Kumment f’paġna 30]

“Tistaʼ taqlagħli qalbi minn ġismi, imma qatt ma tistaʼ ġġegħelni nbiddel ir-​reliġjon tiegħi”

[Mappa f’paġna 31]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara l-​pubblikazzjoni)

Il-​postijiet fejn għexna u ppritkajna

INDONEŻJA

Sulawesi

Manado

Sumatra

Bangka

Ġava

ĠAKARTA

Sukabumi

Bandung

Semarang

Surabaya

Timor

Kupang

[Stampa f’paġna 31]

M’André fis-​snin 70

[Stampi f’paġna 31]

Meta kelli 15-il sena l-​ktejjeb żgħir “Where Are the Dead?” ikkonvinċieni mill-​verità tal-​Bibbja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja