Il-Kanċer tas-Sider—X’Tittama, Kif Tkampa
CONCHITA ma kellhiex fatturi bażiċi taʼ riskju.a Kellha 40 sena, f’saħħitha, u ħadd qabel mill-familja tagħha ma kellu kanċer tas-sider. Il-mammogram li kienet tagħmel bħala rutina ma wera xejn li ma kienx normali. Imma darba waħda meta kienet qed teżamina sidirha fix-xawer ħasset boċċa. Din irriżultat li kienet kanċer. Conchita u żewġha baqgħu bilqiegħda miblugħin filwaqt li t-tabib qagħad jispjega x’għażliet kellha.
Fil-passat, tabib kien jgħid lill-mara li kien ikollha kanċer tas-sider li l-unika tama li kellha kienet li tagħmel mastektomija—operazzjoni xejn pjaċevoli li fiha jitneħħew is-sider flimkien mal-glandoli limfatiċi tas-sider u taʼ taħt l-idejn, u l-muskoli tas-sider. Il-kura permezz tal-kimoterapija jew ir-raġġi spiss kienet iżżid it-tbatija. Wieħed jistaʼ jifhem għala ħafna kienu jibżgħu mill-“kura” iktar milli mill-marda.
Il-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider kienet u għadha taqbida kontinwa bejn il-ħtieġa li tiġi kkurata b’mod aggressiv din il-marda qerrieda u x-xewqa li jiġi evitat li l-persuna tiġi sfigurata bla bżonn kif ukoll li tbati l-effetti tal-kura li jikkaġunaw ħafna wġigħ. Bħal Conchita, il-pazjenti bil-kanċer tas-sider jistaʼ jkollhom diversi għażliet taʼ kura.b Studji mediċi u rapporti kontinwi fuq il-mezzi tax-xandir jagħtu tama li tipi ġodda taʼ kura, testijiet biex jaraw jekk il-persuna tkunx suġġetta għall-kanċer, u dieti bħala protezzjoni fl-aħħar se jegħlbu din il-marda.
Madankollu, minkejja l-avanzi fil-mediċina, il-kanċer tas-sider jibqaʼ wieħed mill-akbar kaġuni taʼ mewt bil-kanċer fin-nisa.c Il-pajjiżi industrijalizzati tal-Amerika taʼ Fuq u l-Ewropa tal-Punent għandhom numru kbir taʼ każi taʼ kanċer, imma fl-Asja u fl-Afrika, li fil-passat kellhom inqas każi, in-numru qed jiżdied. Iktar minn hekk, ir-rati taʼ mwiet fost dawk li nstab li kellhom il-kanċer fl-Asja u fl-Afrika huma ogħla. Għala? “Il-kanċer ma jindunawx bih mill-ewwel,” qal tabib fl-Afrika. “Il-biċċa l-kbira tal-pazjenti jiġu għandna meta l-kanċer ikun diġà fi stat avanzat.”
Ir-riskju jiżdied bl-età. Madwar 80 fil-mija tal-każi huma taʼ nisa ’l fuq minn 50 sena. Imma t-tajjeb hu li l-kanċer fis-sider hu wieħed mill-iktar kanċrijiet li jistgħu jiġu kkurati. Tabilħaqq, 97 fil-mija tan-nisa li l-kanċer taʼ sidirhom ikun fl-ewwel stadju tiegħu u ma jitħalliex jinfirex għadhom ħajjin wara ħames snin li jkunu saru jafu bih. Dan l-aħħar, Conchita, għalqet ħames snin li saret taf bih.
Fatti Dwar il-Kanċer tas-Sider
Bħal fil-każ taʼ Conchita, il-kanċer tas-sider spiss jindunaw bih għax isibu xi boċċa mhux tas-soltu. Iżda, fortunatament madwar 80 fil-mija taʼ dawn il-boċċi huma beninji, jew li ma jinfirxux, u ħafna minnhom sempliċement ikunu boroż mimlijin bil-likwidu magħrufin bħala ċesti.
Il-kanċer tas-sider jibda b’ċellula waħda li tinqasam bla kontroll, u bil-mod il-mod tifforma tumur. Tumur isir malinn, jew kanċeruż, meta ċ-ċelluli tiegħu jinvadu tessuti oħrajn, jiġifieri massa taʼ ċelluli oħrajn. Ċerti tumuri jikbru malajr; oħrajn għandhom mnejn jieħdu sa għaxar snin biex jindunaw bihom.
Biex jittestja jekk Conchita kellhiex kanċer, it-tabib tagħha uża labra rqiqa ħalli jieħu kampjun tat-tessuti mill-boċċa. Din kien fiha ċ-ċelluli tal-kanċer. Għalhekk, Conchita għamlet operazzjoni biex tneħħi t-tumur u t-tessuta tas-sider taʼ madwaru u biex jiġi determinat l-istadju (id-daqs, it-tip, u kemm infirex) u l-grad (b’liema rata kien qed jikber) tat-tumur.
Wara l-operazzjoni, ħafna pazjenti jieħdu iktar kura li tkun immirata biex il-kanċer ma jerġax jitrabba jew jinfirex. Iċ-ċelluli tal-kanċer jistgħu jinfirdu mit-tumur, jivvjaġġaw fid-demm jew fis-sistema limfatika, u jerġgħu jibdew jikbru. Il-metastasi, jew it-tifrix, tal-kanċer għall-organi u t-tessuti vitali—il-moħħ, il-fwied, il-mudullun, jew il-pulmuni—huwa dak li jagħmel il-kanċer fatali.
Conchita kellha tagħmel kemm ir-raġġi u kemm il-kimoterapija biex jinqerdu ċ-ċelluli tal-kanċer li kienu nfirxu madwar il-post fejn oriġina l-kanċer u mal-bqija taʼ ġisimha. Ladarba t-tip taʼ kanċer tagħha kien jikber iktar minħabba l-estroġenu, hi kellha tagħmel terapija anti-ormonali biex tfixkel it-tkabbir taʼ xi kanċer ġdid.
Avanzi fil-kura tal-kanċer tas-sider joffru għażliet oħrajn lill-pazjenti skont l-età u s-saħħa tagħhom, il-fatt jekk kellhomx xi kanċer qabel, kif ukoll il-kanċer li jkun qed jiġi kkurat. Pereżempju, fil-każ taʼ mara jisimha Arlette, bit-testijiet instab il-kanċer tagħha qabel ma nfirex ’il barra mill-kanal tal-ħalib. Għalhekk, hi għamlet operazzjoni biex tneħħi t-tumur, u b’hekk sidirha ġie salvat. Alice għamlet il-kimoterapija qabel l-operazzjoni biex jiċkien it-tumur tagħha. It-tabib taʼ Janice neħħa t-tumur u l-ewwel glandola limfatika li fiha jinżel il-likwidu tat-tumur. La ma kellha ebda ċellula tal-kanċer, glandoli oħrajn ma ntmessewx. Dan naqqas ir-riskju li Janice jkollha lymphedema, nefħa xejn komda fid-driegħ li tistaʼ tiġi meta jitneħħew ħafna glandoli limfatiċi.
Ħafna sar magħruf dwar kif jikber il-kanċer tas-sider, imma jibqaʼ mistoqsija bażika, Għala u kif jibda l-kanċer tas-sider?
Il-Kaġuni?
Il-kaġuni tal-kanċer tas-sider jibqgħu taʼ taħbil il-moħħ. Il-kritiċi jgħidu li ssir iktar riċerka dwar il-kura u t-testijiet—li jrendu profitti kbar—milli fuq il-kaġuni u l-prevenzjoni. Xorta waħda, ix-xjenzati skoprew bosta ħjiel importanti. Xi wħud jemmnu li l-kanċer tas-sider jirriżulta minn proċess komplikat b’ħafna stadji. Dan jibda b’ġene difettuż li jġiegħel liċ-ċelluli jiġġennu—jinqasmu bl-addoċċ, jinvadu tessuti oħrajn, jaħarbu ħalli ma jinqerdux minn ċelluli tal-immunità, u jattakkaw fin fin l-organi vitali.
Minn fejn jiġu l-ġeni li m’għadhomx jaħdmu tajjeb? Bejn 5 u 10 fil-mija tal-każi, in-nisa jitwieldu b’ġeni li jagħmluhom suxxettibbli għall-kanċer tas-sider. Imma milli jidher, f’ħafna każi ġeni f’saħħithom jiġrilhom il-ħsara minn elementi ’l barra mill-ġisem—fost l-iktar suspettużi hemm ir-radjazzjoni u s-sustanzi kimiċi. Studji fil-futur għandhom mnejn jikkonfermaw li dan huwa minnu.
Xi ħaġa oħra li tagħmel ħsara lill-ġeni tinkludi l-ormon tal-estroġenu li jidher li jgħin biex jitrabba ċertu kanċer tas-sider. Għalhekk, ir-riskju taʼ mara jistaʼ jikber (1) jekk hi tkun bdiet il-mestrwazzjoni meta tkun għadha żgħira ħafna, (2) jekk tkun bdiet il-menopawsa iktar tard min-normal, (3) jekk kellha l-ewwel tqala meta kienet kbira fiż-żmien, (4) jekk qatt ma nqabdet tqila, (5) jew jekk ngħatat il-hormone replacement therapy (HRT). Peress li ċ-ċelluli tax-xaħam jipproduċu l-estroġenu, l-obeżità tistaʼ żżid ir-riskju fin-nisa wara l-menopawsa, peress li l-ovarji ma jibqgħux jipproduċu l-ormoni. Fatturi taʼ riskju oħrajn jinkludu l-livelli għoljin tal-ormon tal-insulina u l-livelli baxxi tal-ormon tal-irqad li jissejjaħ melatonina, kundizzjoni li spiss teffettwa lil dawk li jaħdmu bil-lejl.
Huwa possibbli li dalwaqt ikun hemm kura tal-kanċer tas-sider iktar effettiva u inqas trawmatika? Dawk li jagħmlu r-riċerka qed jiżviluppaw terapiji li jinvolvu l-użu tas-sistema tal-immunità tal-ġisem stess u xi drogi li jimmiraw għan-netwerks tal-ġeni u l-proteini li jistimulaw it-tkabbir tal-kanċer. Sadattant, titjib fit-teknoloġiji għandu jgħin lil dawk li jaħdmu fil-kliniki biex jamministraw ir-raġġi b’iktar preċiżjoni u effettività.
Ix-xjenzati qegħdin jitgħallmu wkoll dwar aspetti oħrajn tal-kanċer, inkluż li jsolvu l-misteru tal-metastasi, jeqirdu ċ-ċelluli tal-kanċer li jirreżistu l-kimoterapija, ifixklu l-messaġġi tat-tkabbir taċ-ċelluli, u jagħtu kura speċifika lil tumuri individwali.
Minkejja dan, fid-dinja tal-lum, il-mard qatt ma se jiġi eliminat u l-bnedmin se jkomplu jmutu. (Rumani 5:12) Il-Ħallieq tagħna biss jistaʼ jbiddel din ir-realtà tal-biki. Imma hu hekk se jagħmel? Il-Bibbja twieġeb iva! Din tgħid li se jasal iż-żmien meta “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”d (Isaija 33:24) X’serħan se jkun dan!
[Noti taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
b Stenbaħ! mhuwiex favur xi kura partikulari.
c Il-kanċer tas-sider fl-irġiel huwa pjuttost rari.
d Din il-wegħda hija diskussa b’iktar dettall fil-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? li jintuża bħala għajnuna għall-istudju tal-Bibbja, u li hu pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampa f’paġni 12, 13]
SINJALI LI TRID TOQGĦOD ATTENTA GĦALIHOM
Huwa kruċjali li tinduna minn kmieni, imma xi studji jwissu li testijiet tas-sider u mammograms jistgħu jkunu inqas preċiżi f’nisa iktar żgħażagħ, u dan jirriżulta f’kura u ansjetà bla bżonn. Madankollu, l-esperti jħeġġu ferm lin-nisa biex joqogħdu attenti għal bidliet f’sidirhom u fil-glandoli limfatiċi. Dawn huma xi sinjali li trid toqgħod attenta għalihom:
● Boċċa jew ebusija f’xi parti taħt id-driegħ jew fis-sider
● Kwalunkwe tnixxija minbarra l-ħalib min-nipple
● Kwalunkwe tibdil fil-kulur jew fil-mod kif tinħass il-ġilda
● Nipple li tkun imdaħħla ’l ġewwa b’mod mhux normali jew li tkun sensittiva
[Kaxxa f’paġna 13]
JEKK JINSTAB LI GĦANDEK KANĊER TAS-SIDER
● Stenna li tqattaʼ xi sena jew iktar tiffoka fuq li tieħu l-kura u li tirkupra.
● Meta jkun possibbli, agħżel tobba kompetenti li jirrispettaw il-ħtiġijiet u t-twemmin tiegħek.
● Iddeċiedi flimkien mal-familja tiegħek lil min se tgħid u meta. Dan se jagħti ċans lil ħbiebek biex juru mħabbithom lejk u jitolbu miegħek u għalik.—1 Ġwanni 3:18.
● Kampa mal-istress emozzjonali permezz tal-qari tal-Bibbja, tat-talb, u tal-meditazzjoni li tibnik.—Rumani 15:4; Filippin 4:6, 7.
● Tkellem m’oħrajn li diġà kellhom kanċer tas-sider u li se jinkuraġġuk.—2 Korintin 1:7.
● Ipprova ffoka fuq it-tħassib tal-lum, mhux dak t’għada. Ġesù qal: “Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada, għax l-għada se jkollu l-ansjetajiet tiegħu.”—Mattew 6:34.
● Ippreserva l-enerġija tiegħek. Għandek bżonn ħafna mistrieħ.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 14]
TKELLEM MAT-TABIB TIEGĦEK
● Tgħallem il-vokabolarju mediku bażiku li jintuża fil-kanċer tas-sider.
● Qabel ma tmur għand it-tabib, agħmel lista taʼ mistoqsijiet, u staqsi lil żewġek, jew ħabiba, biex jiġi miegħek ħalli jgħinek tieħu n-noti.
● Jekk it-tabib tiegħek jgħidlek xi ħaġa li ma tifhimhiex, għidlu biex jispjegalek.
● Staqsi lit-tabib tiegħek kemm ittratta każi tat-tip tiegħek.
● Jekk ikun possibbli, ikseb opinjoni oħra.
● Jekk it-tobba tiegħek ma jaqblux bejniethom, iżen l-esperjenza taʼ kull wieħed. Itlobhom biex jikkonsultaw flimkien.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 15]
KIF TKAMPA MAL-EFFETTI TAL-KURA
Ċerti effetti li jiġu wara l-kura tal-kanċer jistgħu jinkludu li tħossok imdardar, jaqagħlek xagħrek, tħoss għeja kbira, uġigħ, jew tħoss saqajk u jdejk inemnmu jew imtarrxin, u jkollok reazzjonijiet fil-ġilda. Il-passi sempliċi li ġejjin għandhom mnejn inaqqsu dawn l-effetti:
● Kul tajjeb sabiex issaħħaħ is-sistema tiegħek tal-immunità.
● Ħu nota tal-livelli tal-enerġija tiegħek u r-reazzjonijiet tiegħek għal ċertu ikel.
● Ara jekk il-medikazzjoni, l-agupuntura, jew il-messaġġi jnaqqsux id-dardir u l-uġigħ.
● Agħmel eżerċizzju bil-moderazzjoni biex iżżid l-istamina, tikkontrolla l-piż, u ttejjeb is-sistema tal-immunità.e
● Strieħ spiss, imma kun af li perijodi twal fis-sodda jistgħu jġegħluk tħossok iktar għajjiena.
● Ħu ħsieb il-ġilda tiegħek u tħallihiex tixxotta. Tilbisx ħwejjeġ issikkati. Inħasel bl-ilma fietel.
[Nota taʼ taħt]
e Il-pazjenti tal-kanċer għandhom ikellmu lit-tabib tagħhom qabel ma jibdew xi programm taʼ eżerċizzju.
[Kaxxa f’paġna 16]
JEKK XI ĦADD MAĦBUB IKOLLU KANĊER
Kif tistaʼ tagħti appoġġ lil xi ħadd maħbub li jkollu kanċer? Applika dan il-prinċipju tal-Bibbja: ‘Ifraħ maʼ min jifraħ; ibki maʼ min jibki.’ (Rumani 12:15) Esprimi l-imħabba u t-tħassib tiegħek permezz taʼ telefonati, ittri, kartolini, e-mails, u żjajjar qosra. Itolbu flimkien, u aqraw skritturi inkuraġġanti mill-Bibbja. “Issemmix lil dawk li mietu bil-kanċer, imma lil dawk li għadhom ħajjin,” tħeġġeġ Beryl. “Sempliċement mur u għannaq lil ħabibtek,” tagħti parir Janice, li kellha tissielet hi nfisha mal-kanċer. “Jekk hi tkun trid titkellem dwar dan, ħalli lilha tibda.” Speċjalment l-irġiel għandhom bżonn jassiguraw lil marthom minn imħabbithom.
“Regolarment kien ikollna ġranet ‘bla kanċer,’” jiftakar Geoff. “Marti kienet determinata li saħħitha ma tkunx l-unika ħaġa li niffokaw fuqha. Għalhekk, iddeċidejna li kultant żmien nagħmlu ġurnata sħiħa ma nitkellmux dwar il-kanċer. Minflok, aħna konna niffokaw fuq l-aspetti pożittivi f’ħajjitna. Kien bħallikieku ħadna vaganza mill-marda.”
[Kaxxa f’paġna 16]
XI NISA JGĦIDU KIF ĦASSEWHOM
Meta Ntqalilhom li Kellhom Kanċer
Sharon: Ħajti nbidlet f’ħakka t’għajn. “Kollox spiċċa,” għedt.
Fl-Iktar Mumenti Diffiċli
Sandra: L-uġigħ mentali huwa agħar mill-kura.
Margaret: Wara t-tieni kura, tgħid, “Verament ma nixtieqx inkompli.” Imma xorta tkompli.
Dwar il-Ħbieb
Arlette: Għedna lil ħbiebna sabiex jitolbu għalina.
Jenny: Ma kien hemm lanqas tbissima, tislima, jew kelma waħda li m’apprezzajnihiex.
Dwar Żwieġhom li Appoġġawhom
Barbara: Iddeċidejt li nqaxxar xagħri qabel ma waqagħli. Colin qal, “U kemm għandha forma sabiħa rasek!” Ġegħelni nidħaq.
Sandra: Ħarisna fil-mera flimkien u f’wiċċ Joe stajt nara kemm kien għadu jħobbni.
Sasha: Karl kien jgħid lin-nies, “Aħna għandna kanċer.”
Jenny: Geoff kien verament iħobbni, u l-ispiritwalità tiegħu kienet inkuraġġanti u bla limitu.
[Dijagramma/Stampa f’paġna 15]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Iċ-ċelluli tal-kanċer ma jobdux il-messaġġi tat-tkabbir normali, u b’hekk jimmultiplikaw u jinvadu tessuti oħrajn
[Dijagramma]
Kanal tal-ħalib b’ċelluli normali
Karċinoma fil-kanal tal-ħalib li ma tinfirixx
Kanċer fil-kanal tal-ħalib li jinfirex
[Stampa f’paġna 16]
Parti vitali fil-kura tal-kanċer hi l-appoġġ bl-imħabba li jingħata lill-pazjenti mill-familja u l-ħbieb