Kapitlu 23
L-Organizzazzjoni Viżibbli T’Alla
1. X’tgħid il-Bibbja dwar l-organizzazzjoni inviżibbli t’Alla?
GĦALA NISTGĦU nkunu ċerti li Alla għandu organizzazzjoni viżibbli? Raġuni waħda hija li għandu organizzazzjoni inviżibbli. Jehovah ħalaq il-kerubini, is-serafini u ħafna anġli oħrajn biex jagħmlu r-rieda tiegħu fis-smewwiet. (Ġenesi 3:24; Isaija 6:2, 3; Salm 103:20) Ġesù Kristu hu l-Arkanġlu fuq dawn kollha. (1 Tessalonkin 4:16; Ġuda 9; Rivelazzjoni 12:7) Il-Bibbja tiddeskrivi l-anġli bħala li huma organizzati fi “tronijiet jew stati taʼ mulej jew gvernijiet jew awtoritajiet.” (Kolossin 1:16; Efesin 1:21) Kollha kemm huma jaqdu għall-kmand taʼ Jehovah, magħqudin f’li jagħmlu x-xogħol li hu għandu għalihom.—Danjel 7:9, 10; Ġob 1:6; 2:1.
2. Il-mod li bih Alla ħalaq l-univers materjali tagħna kif juri li hu jagħti importanza kbira lil organizzazzjoni?
2 Nieħdu wkoll idea dwar l-importanza li Alla jagħti lill-organizzazzjoni meta nikkunsidraw il-ħolqien materjali tiegħu. Per eżempju, hemm eluf taʼ biljuni taʼ kwiekeb fl-univers li huma rranġati fi gruppi kbar ħafna msejħin galassi. Dawn il-galassi jivvjaġġaw fl-ispazju bl-ordni, u hekk ukoll jagħmlu l-kwiekeb u l-pjaneti individwali f’dawn il-galassi. Il-pjaneta tagħna Art, per eżempju, kull sena tagħmel vjaġġ madwar ix-xemx, li hija l-eqreb kewkba għalina, f’eżattament 365 jum, 5 sigħat, 48 minuta u 45.51 sekonda. Iva, l-univers materjali huwa organizzat għall-aħħar!
3. L-organizzazzjoni mill-isbaħ fost il-ħolqien inviżibbli t’Alla u fl-univers materjali tiegħu x’tgħallimna?
3 Tgħallimna xi ħaġa din l-organizzazzjoni meraviljuża fost il-ħolqien inviżibbli t’Alla u fl-univers materjali tiegħu? Iva, tgħallimna li Jehovah hu Alla t’organizzazzjoni. Żgur, allura, li dan Alla mhux se jħalli l-bnedmin fuq l-art li verament iħobbuh mingħajr gwida u organizzazzjoni.
L-ORGANIZZAZZJONI VIŻIBBLI T’ALLA—FL-IMGĦODDI U FIL-PREŻENT
4, 5. Kif nafu li Alla mexxa lill-poplu tiegħu b’mod organizzat fi żmien Abraham u fi żmien il-ġens taʼ Iżrael?
4 Il-Bibbja turi li Jehovah minn dejjem iggwida lill-qaddejja tiegħu b’mod organizzat. Per eżempju, irġiel taʼ fidi bħal Abraham mexxew lill-familji u lill-qaddejja tagħhom f’li jqimu lil Jehovah. Jehovah għarraf ir-rieda tiegħu għal Abraham billi tkellem miegħu. (Ġenesi 12:1) U Alla tah struzzjoni biex jgħaddi dan it-tagħrif lil oħrajn, billi qal: “Jien sirt midħla tiegħu [t’Abraham] sabiex hu jkun jistaʼ jikkmanda lil uliedu subjien u lin-nies taʼ daru warajh sabiex iżommu l-mogħdija taʼ Jehovah.” (Ġenesi 18:19) Hawnhekk jidher arranġament bl-ordni għal grupp taʼ nies biex iqimu lil Jehovah b’mod xieraq.
5 Iktar tard, meta l-Iżraeliti żdiedu fin-numru u saru miljuni, Jehovah ma ħalliex lil kull wieħed iqim kif irid hu, isseparat minn kwalunkwe arranġament organizzat. Le, l-Iżraeliti ġew ifformati f’ġens t’adoraturi organizzati. Il-ġens taʼ Iżrael kien imsejjaħ il-“kongregazzjoni taʼ Jehovah.” (Numri 20:4; 1 Kronaki 28:8) Kieku kont adoratur veru taʼ Jehovah f’dak iż-żmien, int ridt tkun parti minn dik il-kongregazzjoni t’adoraturi, mhux isseparat minnha.—Salm 147:19, 20.
6. (a) Alla kif wera li l-favur tiegħu kien fuq is-segwaċi taʼ Kristu? (b) X’evidenza hemm li l-Kristjani kienu organizzati għall-qima?
6 X’kienet is-sitwazzjoni fl-ewwel seklu? Il-Bibbja turi li l-favur taʼ Jehovah kien fuq is-segwaċi taʼ Ibnu Ġesù Kristu. Jehovah ferraʼ l-ispirtu qaddis tiegħu fuqhom. Biex juri li issa kien qiegħed juża lil din l-organizzazzjoni Kristjana minflok il-ġens taʼ Iżrael, hu ta lil ċerti Kristjani bikrin il-qawwa biex ifejqu lill-morda, iqajmu lill-mejtin u biex iwettqu mirakli oħrajn. Ma tistax taqra l-Iskrittura Griega Kristjana mingħajr ma tiġi impressjonat mill-fatt li l-Kristjani kienu organizzati għall-qima. Fil-fatt, kienu kkmandati biex jiltaqgħu flimkien għal dan l-iskop. (Ebrej 10:24, 25) Mela kieku kont adoratur veru taʼ Jehovah fl-ewwel seklu, int ridt tkun parti mill-organizzazzjoni Kristjana tiegħu.
7. Kif nafu li Jehovah ma wżax iktar minn organizzazzjoni waħda f’xi perijodu partikulari?
7 Jehovah qatt uża iktar minn organizzazzjoni waħda matul kwalunkwe perijodu taʼ żmien? Fi żmien Noè kien biss Noè u dawk li kienu miegħu ġewwa l-arka li kellhom il-protezzjoni t’Alla u salvaw mill-ilmijiet tad-dilluvju. (1 Pietru 3:20) Ukoll, fl-ewwel seklu ma kienx hemm żewġ jew iktar organizzazzjonijiet Kristjani. Alla ttratta maʼ waħda biss. Kien hemm biss “Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda.” (Efesin 4:5) Bl-istess mod fi żmienna Ġesù Kristu bassar li kellu jkun hemm biss sors wieħed taʼ tagħlim spiritwali għall-poplu t’Alla.
8. Ġesù kif wera li kellu jkun hemm biss organizzazzjoni viżibbli waħda t’Alla fuq l-art fi żmienna?
8 Meta tkellem dwar il-preżenza tiegħu fil-qawwa tas-Saltna, Ġesù qal: “Min tassew hu l-irsir leali u diskret li sidu ħatru fuq in-nies taʼ daru, biex jagħtihom l-ikel tagħhom fiż-żmien xieraq? Hieni hu dak l-irsir jekk sidu malli jasal isibu jagħmel hekk. Verament ngħidilkom, Hu se jaħtru fuq dak kollu li jippossjedi.” (Mattew 24:45-47) Meta ġie lura fil-poter tas-Saltna fis-sena 1914, sab Kristu klassi taʼ l-“irsir leali u diskret” tipprovdi “ikel” jew tagħrif spiritwali? Iva, hu sab “irsir” bħal dan ifformat mill-uħud li kien fadal fuq l-art mill-144,000 “aħwa” tiegħu. (Rivelazzjoni 12:10; 14:1, 3) U mill-1914 ’l hawn miljuni taʼ persuni aċċettaw l-“ikel” li jipprovdu dawn, u bdew jipprattikaw il-vera reliġjon flimkien magħhom. Din l-organizzazzjoni taʼ qaddejja t’Alla hija magħrufa bħala x-Xhieda taʼ Jehovah.
9. (a) Il-qaddejja t’Alla għala jġorru l-isem Xhieda taʼ Jehovah? (b) Għala jsejħu l-postijiet tagħhom għall-qima Swali tas-Saltna?
9 Ix-Xhieda taʼ Jehovah iħarsu lejn Alla u l-Kelma tiegħu għal direzzjoni f’kulma jagħmlu. L-istess isimhom Xhieda taʼ Jehovah juri li l-attività prinċipali tagħhom hija li jagħtu xiehda dwar l-isem u s-saltna t’Alla Jehovah, saħansitra bħalma għamel Ġesù. (Ġwann 17:6; Rivelazzjoni 1:5) Ukoll, huma jsejħu l-post fejn jiltaqgħu għall-qima s-Sala tas-Saltna għaliex is-saltna t’Alla bil-Messija, jew Kristu, hija t-tema tal-Bibbja kollha. Ladarba jidher ċar li l-Kristjanità taʼ l-ewwel seklu kellha l-approvazzjoni t’Alla, ix-Xhieda taʼ Jehovah ifasslu l-organizzazzjoni tagħhom fuqha. Ejjew nagħtu daqqa t’għajn ħafifa lejn dik l-organizzazzjoni Kristjana bikrija u mbagħad ninnotaw ix-xebh maʼ l-organizzazzjoni viżibbli t’Alla llum.
IL-MUDELL TAʼ L-EWWEL SEKLU
10. Liema kienu xi aspetti taʼ l-organizzazzjoni Kristjana fl-ewwel seklu?
10 Kull fejn kien hemm Kristjani fl-ewwel seklu, dawn inġabru flimkien fi gruppi għall-qima. Dawn il-kongregazzjonijiet iltaqgħu regolarment għas-sħubija u għall-istudju. (Ebrej 10:24, 25) L-attività prinċipali tagħhom kienet li jippridkaw u jgħallmu dwar is-saltna t’Alla, saħansitra bħalma għamel Kristu. (Mattew 4:17; 28:19, 20) Jekk membru tal-kongregazzjoni kien idur lejn mod taʼ ħajja ħażin, kien jitkeċċa mill-kongregazzjoni.—1 Korintin 5:9-13; 2 Ġwann 10, 11.
11, 12. (a) Liema ħaġa tagħti prova li l-kongregazzjonijiet Kristjani bikrin irċevew gwida u direzzjoni mill-appostli u “rġiel ixjeħ” f’Ġerusalemm? (b) Direzzjoni “teokratika” xi tfisser? (ċ) X’kien ir-riżultat taʼ li l-kongregazzjonijiet laqgħu din id-direzzjoni?
11 Kienu dawk il-kongregazzjonijiet Kristjani fl-ewwel seklu indipendenti minn xulxin, b’kull waħda minnhom tieħu deċiżjonijiet għaliha nfisha dwar dak li kien jinqalaʼ? Le, il-Bibbja turi li kienu magħqudin fil-fidi waħda Kristjana. Il-kongregazzjonijiet kollha rċevew gwida u direzzjoni mill-istess sors. B’hekk, meta qamet tilwima fuq il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni, il-kongregazzjonijiet jew l-individwi ma ddeċidewx għalihom infushom x’jagħmlu. Le, imma, minflok, l-appostlu Pawlu, Barnabas u oħrajn ġew imqabbdin ‘jitilgħu għand l-appostli u l-irġiel ixjeħ f’Ġerusalemm rigward din it-tilwima.’ Meta dawn l-irġiel maturi, bil-għajnuna mill-Kelma t’Alla u mill-“ispirtu qaddis” tiegħu, ħadu d-deċiżjoni tagħhom, bagħtu lil irġiel leali biex jinfurmaw lill-kongregazzjonijiet.—Atti 15:2, 27-29.
12 X’kien ir-riżultat meta l-kongregazzjonijiet irċevew din il-gwida u direzzjoni teokratiċi, jew mogħtijin minn Alla? Il-Bibbja tgħid: “Issa huma u jivvjaġġaw [l-appostlu Pawlu u sħabu] minn ġo l-ibliet kienu jqassmu lil dawk hemmhekk għall-osservanza d-digrieti li kienu ġew deċiżi mill-appostli u rġiel ixjeħ li kienu f’Ġerusalemm. Għalhekk, tabilħaqq, il-kongregazzjonijiet komplew jiġu ssodati fil-fidi u jiżdiedu fin-numru minn jum għal jum.” (Atti 16:4, 5) Iva, il-kongregazzjonijiet kollha kkoperaw maʼ dak li dik il-ġemgħa taʼ rġiel ixjeħ f’Ġerusalemm kienet iddeċidiet, u ssaħħew fil-fidi.
DIREZZJONI TEOKRATIKA LLUM
13. (a) L-organizzazzjoni viżibbli t’Alla llum minn liema post fuq l-art u permezz taʼ liema ġemgħa taʼ rġiel tirċievi l-gwida? (b) X’relazzjoni għandha l-ġemgħa li tiggverna maʼ l-“irsir leali u diskret”?
13 L-organizzazzjoni viżibbli t’Alla llum ukoll tirċievi gwida u direzzjoni teokratiċi. Fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn, New York, hemm ġemgħa li tiggverna taʼ rġiel Kristjani ixjeħ minn diversi partijiet taʼ l-art li jagħtu l-indokrar meħtieġ għall-attivitajiet mad-dinja kollha tal-poplu t’Alla. Din il-ġemgħa li tiggverna hija fformata minn membri taʼ l-“irsir leali u diskret.” Din taqdi bħala kelliemi għal dak l-“irsir” leali.
14. Il-ġemgħa li tiggverna tal-poplu t’Alla fuq liema ħaġa tiddependi biex tieħu d-deċiżjonijiet tagħha?
14 L-irġiel taʼ dik il-ġemgħa li tiggverna, bħall-appostli u l-irġiel ixjeħ f’Ġerusalemm, għandhom ħafna snin t’esperjenza fis-servizz t’Alla. Imma ma jistriħux fuq l-għerf uman biex jieħdu d-deċiżjonijiet. Le, billi huma mmexxijin b’mod teokratiku, isegwu l-eżempju tal-ġemgħa li tiggverna bikrija f’Ġerusalemm, li d-deċiżjonijiet tagħha kienu bbażati fuq il-Kelma t’Alla u kienu meħudin taħt id-direzzjoni taʼ l-ispirtu qaddis.—Atti 15:13-17, 28, 29.
JIDDERIEĠU ORGANIZZAZZJONI MAD-DINJA KOLLHA
15. Il-kliem taʼ Ġesù f’Mattew 24:14 għala juri li Alla kellu jkollu organizzazzjoni kbira fuq l-art matul iż-żmien tat-tmiem?
15 Ġesù Kristu ta idea tad-daqs taʼ l-organizzazzjoni li Alla kellu jkollu fuq l-art matul dan iż-żmien tat-tmiem meta qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Aħseb ftit dwar l-ammont tremend taʼ xogħol meħtieġ biex tgħid lill-eluf taʼ miljuni taʼ nies fuq l-art dwar is-saltna stabbilita t’Alla. Hija l-organizzazzjoni Kristjana tal-lum, li tħares lejn il-ġemgħa li tiggverna għall-gwida u d-direzzjoni, mgħammra biex tagħmel dan ix-xogħol kbir?
16. (a) Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala stabbilew ħafna fabbriki taʼ l-istampar kbar ġmielhom? (b) X’jiġi prodott f’dawn il-fabbriki?
16 Ix-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin issa jippridkaw il-messaġġ tas-Saltna f’iktar minn 230 pajjiż u gżira tal-baħar maʼ l-art kollha. Sabiex jgħinu lill-iktar minn 4,900,000 pubblikatur tas-Saltna (fl-1994) biex iwettqu dan ix-xogħol, fabbriki kbar ħafna taʼ l-istampar ġew stabbiliti f’ħafna pajjiżi. Hawnhekk, Bibbji u letteratura Biblika jiġu stampati fi kwantitajiet kbar ħafna. Kull ġurnata tax-xogħol, bħala medja, iktar minn żewġ miljun rivista Watchtower u Awake! jiġu stampati u mibgħutin bil-baħar minn dawn il-fabbriki.
17. (a) Din il-letteratura Biblika għala hija mħejjija? (b) X’int mistieden biex tagħmel?
17 Din il-letteratura Biblika kollha hija ppreparata biex tgħin lil persuni sabiex jikbru fl-għarfien taʼ l-iskopijiet grandjużi taʼ Jehovah. Fil-fatt, il-kliem “Iħabbar Is-Saltna Taʼ Jehovah” huma parti mit-titlu tar-rivista It-Torri Taʼ L-Għassa. Int mistieden li tieħu sehem fit-tqassim taʼ din il-letteratura Biblika u li tispjega lil oħrajn il-veritajiet Bibliċi li fiha. Per eżempju, hemm xi ħadd maʼ min tistaʼ taqsam it-tagħrif vitali li tgħallimt minn dan il-ktieb, Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq l-Art?
18. (a) X’tip t’organizzazzjoni hija l-organizzazzjoni t’Alla llum? (b) In-nies t’Alla issa għala jinħtieġu ħafna inkuraġġiment?
18 Bħal fl-ewwel seklu, l-organizzazzjoni t’Alla llum hija organizzazzjoni taʼ predikaturi tas-Saltna ddedikati u mgħammdin. U hija stabbilita biex tgħin lill-membri tagħha kollha sabiex jieħdu sehem f’din l-attività taʼ pridkar. Dawn il-persuni għandhom bżonn taʼ ħafna inkuraġġiment u tisħiħ spiritwali, ladarba Satana u dawk li lilhom huwa kapaċi jinfluwenza jopponu l-messaġġ tas-Saltna. Persuni li jopponu bħal dawn ikkaġunaw il-qtil taʼ Ġesù talli ppridkah, u l-Bibbja twissi li s-segwaċi tiegħu kellhom ikunu ppersegwitati wkoll.—Ġwann 15:19, 20; 2 Timotew 3:12.
19. (a) Min qiegħed jiġi pprovdut issa biex jgħin u biex isaħħaħ lill-poplu t’Alla? (b) Il-kongregazzjoni kif inhi protetta minn influwenzi ħżiena li jistgħu jikkorrompuha?
19 Bħal fl-ewwel seklu hekk ukoll illum “irġiel ixjeħ,” jew anzjani, jiġu maħturin biex jgħinu u jsaħħu lil kull kongregazzjoni. Huma jistgħu jgħinu lilek ukoll bil-parir mill-Bibbja biex tkampa maʼ diversi problemi. Dawn l-anzjani wkoll jipproteġu lill-“merħla t’Alla.” B’hekk, jekk xi membru tal-kongregazzjoni jdur lejn mod taʼ ħajja ħażin u jirrifjuta li jitbiddel, l-“irġiel ixjeħ” jieħdu ħsieb li dan il-wieħed jiġi mkeċċi, jew maqtugħ mis-sħubija, mill-kongregazzjoni. B’hekk tinżamm kongregazzjoni b’saħħitha, nadifa spiritwalment.—Titus 1:5; 1 Pietru 5:1-3; Isaija 32:1, 2; 1 Korintin 5:13.
20. (a) Min fl-ewwel seklu kien mibgħut mill-ġemgħa li tiggverna ġo Ġerusalemm, u għal liema raġuni? (b) Min jintbagħat illum mill-ġemgħa li tiggverna?
20 Bl-istess mod, sewwa sew bħalma l-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm bagħtet rappreżentanti speċjali, bħal Pawlu u Silas, biex iqassmu l-istruzzjonijiet u jagħtu inkuraġġiment lill-poplu t’Alla, hekk ukoll tagħmel illum il-ġemgħa li tiggverna f’dan iż-żmien tat-tmiem. (Atti 15:24-27, 30-32) Madwar darbtejn f’sena ministru t’esperjenza, imsejjaħ circuit overseer, hu mibgħut biex iqattaʼ ġimgħa maʼ kull kongregazzjoni fis-circuit tiegħu.
21. Is-Circuit Overseer kif jgħin lill-kongregazzjonijiet tal-poplu t’Alla?
21 Hemm iktar minn 75,000 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja, u dawn maqsumin f’circuits taʼ madwar 20 kongregazzjoni kull waħda. Meta jżur il-kongregazzjonijiet fis-circuit tiegħu, is-circuit overseer isaħħaħ lix-xhieda tas-Saltna billi joħroġ magħhom fl-attività tagħhom taʼ l-ippridkar u tat-tagħlim. Barra li jistimulahom b’dan il-mod, joffri suġġerimenti biex jgħinhom jitjiebu fil-ministeru tagħhom.—Atti 20:20, 21.
22. (a) X’arranġament ieħor isir darbtejn fis-sena biex jiġi msaħħaħ il-poplu t’Alla? (b) Liema stedina qiegħda ssirlek?
22 Iktar inkuraġġiment u tisħiħ jiġu pprovduti meta, normalment darbtejn fis-sena, il-kongregazzjonijiet f’kull circuit jiltaqgħu flimkien għal assemblea taʼ jum wieħed jew tnejn. F’dawn l-okkażjonijiet jistaʼ jkun hemm minn tnejn jew tliet mija sa xi 2,000 jew iktar persuni preżenti. Int mistieden biex tattendi għal dik li jmiss li ssir fl-inħawi fejn toqgħod. Aħna nħossuna żguri li int se ssib li l-assemblea taħjik spiritwalment u tibbenefikak personalment.
23. (a) Liema laqgħat oħrajn isiru darba kull sena? (b) Kemm kienet kbira waħda minn dawn il-konvenzjonijiet?
23 Imbagħad, darba fis-sena, tistaʼ tinżamm laqgħa ferm akbar imsejħa konvenzjoni distrettwali li ddum sejra għal diversi ġranet. Għax ma tagħmilx sforz reali biex tattendi u tara għalik innifsek kemm din il-konvenzjoni tistaʼ tkun pjaċevoli u premjanti spiritwalment? F’xi snin, minflok konvenzjonijiet distrettwali, kienu jinżammu konvenzjonijiet akbar nazzjonali jew internazzjonali. L-akbar waħda li qatt inżammet f’post wieħed kienet fil-Yankee Stadium u fil-Polo Grounds ġol-belt taʼ New York għal tmint ijiem fis-sena 1958. F’dik l-okkażjoni 253,922 ruħ kienu preżenti għat-taħdita pubblika “Is-Saltna T’Alla Taħkem—Huwa Tmiem Id-Dinja Qrib?” Minn dak iż-żmien ’l hawn l-ebda post ma nstab li kien kbir biżżejjed biex jesaʼ folol kbar bħal dawn, u għalhekk saru arranġamenti għal faċilitajiet f’ħafna bliet prinċipali biex jintużaw għal konvenzjonijiet kbar.
LAQGĦAT FIL-KONGREGAZZJONIJIET
24. Liema ħames laqgħat fil-ġimgħa jinżammu mill-kongregazzjonijiet tal-poplu t’Alla?
24 Il-ġemgħa li tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah tħejji wkoll il-programm unifikat taʼ tagħlim tal-Bibbja li jinżamm fil-kongregazzjonijiet kollha tal-poplu taʼ Jehovah. Kull kongregazzjoni għandha ħames laqgħat fil-ġimgħa. Dawn huma l-Iskola Teokratika tal-Ministeru, il-Laqgħa tas-Servizz, il-Laqgħa Pubblika, l-istudju tat-Torri Taʼ L-Għassa u l-istudju tal-ktieb tal-kongregazzjoni. Ladarba int għandek mnejn għadek m’intix familjari maʼ dawn il-laqgħat, se niddeskrivuhom fil-qosor.
25, 26. Xi skop jaqdu l-Iskola Teokratika tal-Ministeru u l-Laqgħa tas-Servizz?
25 L-Iskola Teokratika tal-Ministeru hija mfassla biex tgħin lill-istudenti jsiru iktar effettivi meta jitkellmu m’oħrajn dwar is-saltna t’Alla. Minn żmien għal żmien, dawk miktubin fiha jagħtu taħditiet qosra fuq suġġetti Bibliċi lill-grupp kollu. Imbagħad anzjan t’esperjenza joffri xi suġġerimenti għal titjib.
26 Ġeneralment fl-istess lejla tinżamm ukoll il-Laqgħa tas-Servizz. Il-programm għal din il-laqgħa jiġi ppubblikat fl-Our Kingdom Ministry, pubblikazzjoni taʼ kull xahar li jkun fiha żewġ paġni jew iktar u li hija maħruġa mill-ġemgħa li tiggverna. Matul din il-laqgħa jiġu ppreżentati xi suġġerimenti prattiċi u xi turijiet taʼ modi effettivi kif wieħed jitkellem m’oħrajn dwar il-messaġġ tas-Saltna. Bl-istess mod, Kristu inkuraġġixxa lis-segwaċi tiegħu u tahom struzzjonijiet fuq kif iwettqu l-ministeru tagħhom.—Ġwann 21:15-17; Mattew 10:5-14.
27, 28. X’tip taʼ laqgħat huma l-Laqgħa Pubblika, l-istudju tat-Torri Taʼ L-Għassa u l-istudju tal-ktieb tal-kongregazzjoni?
27 Il-Laqgħa Pubblika u wkoll l-istudju tat-Torri Taʼ L-Għassa normalment isiru l-Ħadd. Isiru sforzi speċjali biex dawk il-persuni ġodda li jkunu qegħdin juru interess jiġu mistednin għal-Laqgħa Pubblika, li hija taħdita fuq il-Bibbja minn ministru kkwalifikat. L-istudju tat-Torri Taʼ L-Għassa huwa diskussjoni permezz taʼ mistoqsijiet u tweġibiet fuq xi artiklu dwar il-Bibbja ppreżentat f’xi ħarġa riċenti tar-rivista Torri Taʼ L-Għassa.
28 Waqt li l-kongregazzjoni kollha tistaʼ tiltaqaʼ f’xi Sala tas-Saltna għal-laqgħat imsemmijin qabel, gruppi iżgħar jiltaqgħu fi djar privati għall-istudju taʼ kull ġimgħa tal-ktieb tal-kongregazzjoni. Xi pubblikazzjoni dwar il-Bibbja, bħalma huwa dan il-ktieb li qiegħed taqra, tintuża bħala bażi għal dik id-diskussjoni fuq il-Bibbja, li tistaʼ ddum sa siegħa.
29. (a) Liema mafkar josservaw il-veri Kristjani kull sena? (b) Min bix-xieraq jieħu mill-ħobż u mill-inbid?
29 Barra minn dawn il-laqgħat regulari, ix-Xhieda taʼ Jehovah iżommu laqgħa speċjali kull sena fl-anniversarju tal-mewt taʼ Ġesù. Meta rranġa l-ewwel darba għal dan il-mafkar tal-mewt tiegħu, Ġesù qal: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19, 20) Waqt ċerimonja sempliċi Ġesù uża nbid u ħobż bla ħmira bħala simboli tal-ħajja li hu kien wasal biex jissagrifika għall-bnedmin. Mela f’din l-ikla tal-Mafkar taʼ kull sena l-uħud li fadal fuq l-art mill-144,000 segwaċi midlukin taʼ Kristu juru t-tama tagħhom għas-sema billi jieħdu sehemhom mill-ħobż u mill-inbid.
30. (a) Min iktar bix-xieraq jattendi għall-Mafkar, u x’inhuma l-prospetti tagħhom? (b) Nies bħal dawn kif huma deskritti minn Ġesù?
30 Il-miljuni t’oħrajn li jattendu għal dan il-Mafkar fi Swali tas-Saltna madwar l-art huma henjin li jkunu osservaturi. Huma jiġu mfakkrin ukoll dwar dak li Alla Jehovah u Ġesù Kristu għamlu biex ikun possibbli l-ħelsien tagħhom mid-dnub u l-mewt. Imma minflok ma jħarsu ’l quddiem lejn ħajja fis-sema, jithennew bil-prospett li jgħixu għal dejjem fil-ġenna fuq l-art. Huma bħal Ġwanni l-Għammied, li tkellem dwaru nnifsu bħala “l-ħabib taʼ l-għarus” minflok bħala parti mill-għarusa komposta taʼ Kristu taʼ 144,000 membru. (Ġwann 3:29) Dawn il-miljuni taʼ persuni huma parti min-“ngħaġ oħrajn” li dwarhom tkellem Ġesù. M’humiex membri tal-“merħla ċkejkna.” Madankollu, bħalma qal Ġesù, jaqdu flimkien maʼ dawk tal-“merħla ċkejkna,” biex b’hekk kollha “jsiru merħla waħda.”—Ġwann 10:16; Luqa 12:32.
NAQDU ’L ALLA MAʼ L-ORGANIZZAZZJONI TIEGĦU
31. X’evidenza hemm li Alla ma japprovax lil dawk li jibqgħu parti mir-reliġjon falza u madankollu jipprovaw ukoll ikunu parti mill-organizzazzjoni tiegħu?
31 Kemm jidher ċar li, bħal fl-imgħoddi, Alla Jehovah għandu organizzazzjoni viżibbli llum! Hu issa qiegħed jużaha biex iħarreġ lin-nies għall-ħajja fis-sistema ġdida tiegħu taʼ tjieba. Madankollu, ma nistgħux inkunu parti mill-organizzazzjoni t’Alla u, fl-istess ħin, inkunu parti mir-reliġjon falza. Il-kelma t’Alla tgħid: “Tintrabtux taħt madmad li m’huwiex indaqs maʼ dawk li ma jemmnux. Għax xi sħubija hemm bejn it-tjieba u l-illegalità? Jew x’għandu x’jaqsam id-dawl mad-dlam? . . . Jew x’sehem għandu wieħed leali maʼ wieħed li ma jemminx?” Mela Alla jikkmanda: “Għalhekk oħorġu minn fosthom, u isseparaw lilkom infuskom.”—2 Korintin 6:14-17.
32. (a) Jekk irridu ‘noħorġu minn ġo nofshom,’ x’irridu nagħmlu? (b) Liema barka se nirċievu jekk nieħdu azzjoni pożittiva biex naqdu ’l Alla maʼ l-organizzazzjoni teokratika u viżibbli tiegħu?
32 X’ifisser li ‘toħroġ minn ġo nofshom’? Sewwa, ma nistgħux inkunu qegħdin nobdu dak il-kmand billi nibqgħu parti minn, jew billi nagħtu appoġġ lil, xi organizzazzjoni reliġjuża oħra barra minn dik li qiegħed juża Alla Jehovah. Mela jekk xi wħud minna għadhom jappartjenu lil xi organizzazzjoni reliġjuża bħal din, hemm bżonn li navżawha li se nirtiraw minn magħha. Jekk aħna issa noħorġu minn fost dawk li jipprattikaw ir-reliġjon falza u nieħdu azzjoni pożittiva biex naqdu ’l Alla maʼ l-organizzazzjoni teokratika u viżibbli tiegħu, se nkunu fost dawk li dwarhom Alla jgħid: “Jien se ngħammar fosthom u nimxi fosthom, u se nkun Alla tagħhom, u huma se jkunu l-poplu tiegħi.”—2 Korintin 6:16.
[Stampa f’paġna 192]
Fi żmien id-Dilluvju, kellu Alla iktar minn organizzazzjoni waħda?
[Stampi f’paġna 196]
KWARTIERI ĠENERALI DINJIN TAX-XHIEDA TAʼ JEHOVAH
L-UFFIĊĊJI EŻEKUTTIVI
Sistemi bil-Kompjuter
STAMPERIJA FI BROOKLYN
Stampar Rotary
Illegar tal-Kotba
Posta bil-Baħar
[Stampi f’paġna 197]
FTIT MILL-ĦAFNA STAMPERIJI OĦRAJN TAL-WATCH TOWER
Brażil
Ingilterra
Afrika t’Isfel
Wallkill, New York
Kanada
[Stampi f’paġna 198]
Ftit mill-253,922 f’konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah fi New York
Polo Grounds
Yankee Stadium
[Stampa f’paġna 201]
Programm taʼ struzzjoni mill-Bibbja huwa gawdut fil-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah