Kapitlu 13
Nitgħallmu mit-Tentazzjonijiet taʼ Ġesù
IMMEDJATAMENT wara l-magħmudija tiegħu, Ġesu jiġi mmexxi mill-ispirtu t’Alla lejn ix-xagħri tal-Ġudea. Għandu ħafna fuqiex jaħseb, għax mal-magħmudija tiegħu “is-smewwiet infetħu,” biex b’hekk setaʼ jifhem ħwejjeġ tas-sema. Tabilħaqq, għandu ħafna fuqiex jimmedita!
Ġesù jqattaʼ 40 jum u 40 lejl fix-xagħri u ma jiekol xejn matul dan iż-żmien. Imbagħad, meta Ġesù jinsab bil-ġuħ ferm, ix-Xitan jersaq lejh biex jittantah, billi jgħidlu: “Jekk int iben t’Alla, għid lil dawn il-ġebliet biex isiru ħobżiet.” Imma Ġesù jaf li huwa ħażin li juża l-qawwiet mirakolużi tiegħu biex jissodisfa xewqat persunali. Mela jirrifjuta t-tentazzjoni.
Imma x-Xitan ma jaqtax qalbu. Jipprova xi ħaġ’oħra. Hu jisfida lil Ġesù biex jaqbeż minn fuq il-ħajt tat-tempju biex jiġu l-anġli t’Alla u jsalvawh. Imma Ġesù ma jaqax għat-tentazzjoni li jagħmel wirja spettakulari bħal din. Billi jikkwota mill-Iskrittura, Ġesù juri li huwa ħażin li tqiegħed lil Alla fi prova b’dan il-mod.
Fit-tielet tentazzjoni, ix-Xitan juri lil Ġesù s-saltniet kollha tad-dinja b’xi mod mirakoluż u jgħidlu: “Dawn l-affarijiet kollha se nagħtihomlok jekk int taqaʼ u tagħmel att taʼ qima lili.” Imma għal darb’oħra Ġesù jirrifjuta li jċedi għat-tentazzjoni li jagħmel dak li hu ħażin, u jagħżel li jibqaʼ lejali lejn Alla.
Nistgħu nitgħallmu minn dawn it-tentazzjonijiet taʼ Ġesù. Juru, per eżempju, li x-Xitan mhux xi sempliċi kwalità taʼ ħażen, bħalma jsostnu xi wħud, imma huwa persuna vera u inviżibbli. It-tentazzjoni taʼ Ġesù turi wkoll li l-gvernijiet kollha tad-dinja huma l-propjetà tax-Xitan. Għax kif setgħet l-offerta tagħhom mix-Xitan lil Kristu tkun tentazzjoni vera jekk ma kinux verament tiegħu?
U Aħseb dwar dan: Ix-Xitan qal li kien lest jippremja lil Ġesù għal att wieħed taʼ qima, saħansitra billi jagħtih is-saltniet kollha tad-dinja. Ix-Xitan jistaʼ sewwa jittanta lilna bl-istess mod, forsi billi jpoġġi quddiemna opportunitajiet li jħajruna biex niksbu ġid, poter, jew pożizzjoni, fid-dinja. Imma kemm inkunu għaqlin li nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù billi nibqgħu lejali lejn Alla tkun xi tkun it-tentazzjoni! Mattew 3:16; 4:1-11; Mark 1:12, 13; Luqa 4:1-13.
▪ X’inhuma l-affarijiet li mid-dehra Ġesù jimmedita fuqhom matul l-40 jum tiegħu fix-xagħri?
▪ Ix-Xitan kif jipprova jittantah lil Ġesù?
▪ X’nistgħu nitgħallmu mit-tentazzjonijiet taʼ Ġesù?