Kapitlu 128
Ġesù Huwa Ħaj!
META n-nisa jsibu l-qabar taʼ Ġesù vojt, Marija Maddalena titlaq tiġri biex tgħid lil Pietru u lil Ġwanni. Madankollu, in-nisa l-oħra b’mod evidenti jibqgħu ħdejn il-qabar. Malajr, jidher anġlu u jistedinhom biex jidħlu ġewwa.
Hawnhekk in-nisa jaraw saħansitra anġlu ieħor, u wieħed mill-anġli jgħidilhom: “Tkunux beżgħanin, għax jien naf li qed tfittxu lil Ġesù li ġie mdendel. M’huwiex hawn, għax ġie mqajjem, bħalma qal hu. Ejjew, araw il-post fejn kien mimdud. U morru malajr u għidu lid-dixxipli tiegħu li hu ġie mqajjem mill-imwiet.” Mela bil-biżaʼ u b’ferħ kbir, dawn in-nisa jitilqu jiġru wkoll.
Sa dan il-ħin, Marija sabet lil Pietru u lil Ġwanni, u tirrapportalhom: “Lill-Mulej ħaduh minn ġol-qabar tal-mafkar, u aħna ma nafux fejn qegħduh.” Minnufih iż-żewġ appostli jitilqu jiġru. Ġwanni huwa l-iktar wieħed li jiġri—b’mod evidenti għax huwa iżgħar—u jasal l-ewwel wieħed ħdejn il-qabar. Sa dan il-ħin in-nisa telqu, u għalhekk m’hemm ħadd hemmhekk. Billi jmil ’il quddiem, Ġwanni jittawwal ġol-qabar u jara l-faxex, imma jibqaʼ barra.
Meta jasal Pietru, hu ma jaħsibhiex darbtejn imma jibqaʼ dieħel dritt ġewwa. Hu jara l-faxex mitluqin hemmhekk u wkoll iċ-ċarruta wżata biex igeżwru ras Ġesù. Hija mgerbba f’post wieħed. Ġwanni issa wkoll jidħol fil-qabar, u jemmen ir-rapport taʼ Marija. Imma la Pietru u lanqas Ġwanni ma jifhmu li Ġesù ġie mqajjem, għalkemm Hu spiss kien qalilhom li hekk kien se jiġri. Imħawdin, it-tnejn li huma jmorru lura d-dar, imma Marija, li ġiet lura lejn il-qabar, tibqaʼ hemm.
Sadanittant, in-nisa l-oħra qed igħaġġlu biex igħidu lid-dixxipli li Ġesù ġie rxoxtat, bħalma l-anġli kkmandawhom biex jagħmlu. Waqt li qed jiġru b’kemm jifilħu, Ġesù jiltaqaʼ magħhom u jgħid: “Il-jum it-tajjeb!” Billi jaqgħu ħdejn saqajh, huma jmilu quddiemu. Imbagħad Ġesù jgħid: “Ħa ma jkollkom ebda biżaʼ! Morru, irrapportaw lil ħuti, biex huma jistgħu jitilqu ġewwa l-Galilija; u hemm se jarawni.”
Iktar kmieni, meta seħħ it-terremot u dehru l-anġli, is-suldati li kienu għassa baqgħu mbellhin u saru bħal bnedmin mejtin. Malli stejqru, huma minnufih marru ġewwa l-belt u lill-qassisin ewlenin qalulhom x’kien ġara. Wara li kkonsultaw mal-“irġiel ixjeħ” tal-Lhud, ittieħdet id-deċiżjoni biex jippruvaw imewtu l-kwistjoni billi jxaħħmu lis-suldati. Huma ngħataw l-istruzzjoni: “Għidu, ‘Id-dixxipli tiegħu ġew bil-lejl u serquh waqt li konna reqdin.’”
Billi s-suldati Rumani jistgħu jiġu kkastigati bil-mewt talli raqdu waqt li kienu għassa, il-qassisin iwiegħdu: “Jekk dan [ir-rapport taʼ li rqadtu] jasal f’widnejn il-gvernatur, aħna se nipperswaduh u se neħilsukom mill-inkwiet.” Ladarba l-ammont tat-tixħim kien kbir biżżejjed, is-suldati jagħmlu kif intqalilhom. Bħala riżultat, ir-rapport falz dwar li l-ġisem taʼ Ġesù ġie misruq infirex sewwa maʼ kullimkien fost il-Lhud.
Marija Maddalena, li tibqaʼ wara ħdejn il-qabar, hija mnikkta ferm. Fejn jistaʼ jkun Ġesù? Billi tmil ’il quddiem biex tħares ġol-qabar, hi tara ż-żewġ anġli lebsin abjad, li reġgħu dehru! Wieħed qiegħed bil-qiegħda ħdejn ir-ras u l-ieħor ħdejn is-sieq taʼ fejn kien ġie mqiegħed il-ġisem taʼ Ġesù. “Mara, għala qed tibki?” jistaqsu huma.
“Lill-Mulej tiegħi ħaduh ’il hemm,” twieġeb Marija, “u jien ma nafx fejn qegħduh.” Imbagħad hi ddur lura u tara lil xi ħadd li jirrepeti l-mistoqsija: “Mara, għala qed tibki?” U dan il-wieħed jistaqsi wkoll: “Lil min qed tfittex?”
Billi timmaġina li din il-persuna hija dak li jieħu ħsieb il-ġnien li fih jinstab il-qabar, hi tgħidlu: “Sinjur, jekk ġarrejtu ’l hemm, għidli fejn qigħedtu, u jien se nieħdu ’l hemm.”
“Marija!” tgħid il-persuna. U minnufih hi tinduna, bil-mod familjari li bih ikellimha, li huwa Ġesù. “Rab·boʹni!” (li tfisser “Għalliem!”) tesklama hi. U b’ferħ bla tarf, hi taqbad qabda miegħu. Imma Ġesù jgħid: “Tibqax imqabbda miegħi. Għax għadni ma tlajtx għand il-Missier. Imma mur fi triqtek lejn ħuti u għidilhom, ‘Jien tielaʼ għand Missieri u Missierkom u għand Alla tiegħi u Alla tagħkom.’”
Marija issa titlaq tiġri lejn fejn huma miġburin l-appostli u sħabhom id-dixxipli. Hi żżid ir-rakkont tagħha mar-rapport li n-nisa l-oħra diġà taw dwar li raw lil Ġesù rxoxtat. Iżda, dawn l-irġiel, li ma emmnux lill-ewwel nisa, mid-dehra lanqas ma jemmnu lil Marija. Mattew 28:3-15; Mark 16:5-8; Luqa 24:4-12; Ġwann 20:2-18.
▪ Wara li ssib il-qabar vojt, Marija Maddalena x’tagħmel, u n-nisa l-oħra x’esperjenza għandhom?
▪ Pietru u Ġwanni kif jirreaġixxu meta jsibu l-qabar vojt?
▪ In-nisa l-oħra maʼ liema ħaġa jiltaqgħu huma u sejrin biex jirrapportaw l-irxoxt taʼ Ġesù lid-dixxipli?
▪ X’kien ġralu s-suldat li kien għassa, u x’kienet ir-risposta għar-rapport li huma għamlu lill-qassisin?
▪ X’jiġri meta Marija Maddalena tkun waħedha fil-qabar, u d-dixxipli kif iwieġbu għar-rapporti tan-nisa?