Kapitlu 127
Midfun il-Ġimgħa—Qabar Vojt il-Ħadd
HUWA issa tard il-Ġimgħa wara nofs in-nhar, u s-Sibt tal-15 taʼ Nisan se jibda f’inżul ix-xemx. Il-ġisem mejjet taʼ Ġesù huwa mdendel bla ħajja fuq iz-zokk, imma ż-żewġ ħallelin li qegħdin ħdejh għadhom ħajjin. Il-Ġimgħa wara nofs in-nhar huwa msejjaħ Tħejjija għaliex dan hu meta n-nies iħejju ikliet u jlestu kwalunkwe xogħol ieħor taʼ bil-fors li ma jistax jistenna sa wara s-Sibt.
Is-Sibt li dalwaqt se jibda mhux biss xi Sibt regulari (is-sebaʼ jum tal-ġimgħa) imma wkoll Sibt doppju, jew “kbir.” Huwa msejjaħ hekk għaliex il-15 taʼ Nisan, li hu l-ewwel jum tal-Festa tal-Ażżmi li ddum sebat ijiem (u huwa dejjem Sibt, jiġi f’liema jum jiġi tal-ġimgħa), jaħbat fl-istess jum bħas-Sibt regulari.
Skond il-Liġi t’Alla, l-iġsma ma jridux jitħallew imdendlin maʼ zokk bil-lejl. Mela l-Lhud jitolbu lil Pilatu li l-mewt taʼ dawk li qed jiġu maqtulin tiġi mgħaġġla billi jiksrulhom riġlejhom. Is-suldati, għalhekk, jiksru r-riġlejn taż-żewġ ħallelin. Imma ladarba Ġesù jidher li hu mejjet, riġlejh ma jinkisrux. Dan iwettaq l-iskrittura: “Lanqas għadma minn tiegħu ma se titfarrak.”
Madankollu, biex ineħħi kull dubju li Ġesù huwa verament mejjet, wieħed mis-suldati idaħħallu lanza f’ġenbu. Il-lanza tinfed lejn fejn hemm qalbu, u minnufih joħroġ demm u ilma. L-appostlu Ġwanni, li ra b’għajnejh, jirrapporta li dan iwettaq skrittura oħra: “Huma se jħarsu lejn Dak li lilu nifdu.”
Preżenti wkoll fl-eżekuzzjoni hemm Ġużeppi mill-belt taʼ Arimatea, membru magħruf sewwa tas-Sinedriju. Hu ma riedx jivvota favur l-azzjoni inġusta tal-qorti għolja kontra Ġesù. Ġużeppi huwa attwalment dixxiplu taʼ Ġesù, għalkemm kien jibżaʼ li jidentifika lilu nnifsu bħala wieħed. Issa, madankollu, irabbi l-kuraġġ u jmur għand Pilatu biex jitlob il-ġisem taʼ Ġesù. Pilatu jsejjaħ lill-fizzjal tal-armata li kien qed jieħu ħsieb, u wara li l-fizzjal jikkonferma li Ġesù huwa mejjet, Pilatu jagħti l-katavru f’idejn ħaddieħor.
Ġużeppi jieħu l-ġisem u jgeżwru f’għażel fin u nadif bi tħejjija għad-difna. Huwa mgħejjun minn Nikodemu, membru ieħor tas-Sinedriju. Nikodemu wkoll naqas li jistqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù minħabba li beżaʼ li jitlef il-pożizzjoni tiegħu. Imma issa hu jġib romblu li fih madwar mitt libbra Rumana taʼ mirra u sabbara li jiswew il-flus. Il-ġisem taʼ Ġesù huwa mgeżwer b’faxex li fihom dawn il-ħwawar, sewwa sew bħalma l-Lhud għandhom id-drawwa li jħejju l-iġsma għad-difna.
Il-ġisem imbagħad jitpoġġa fil-qabar ġdid tal-mafkar taʼ Ġużeppi li huwa mnaqqax fil-blat fil-ġnien fil-qrib. Fl-aħħarnett, ġebla kbira ħafna tiġi mgerbba quddiem il-qabar. Biex id-difna ssir qabel is-Sibt, it-tħejjija tal-ġisem issir bil-għaġla. Għalhekk, Marija Maddalena u Marija omm Ġakbu l-Wieħed Inqas, li forsi kienu qed igħinu fit-tħejjija, igħaġġlu lejn id-dar biex iħejju iktar ħwawar u żjut tal-fwieħa. Wara s-Sibt, huma għandhom il-ħsieb li jikkuraw iktar il-ġisem taʼ Ġesù sabiex jippreservawh għal perijodu itwal taʼ żmien.
Il-għada, li hu s-Sibt, il-qassisin ewlenin u l-Fariżej imorru għand Pilatu u jgħidu: “Sinjur, aħna ftakarna li dak l-impustur qal meta kien għadu ħaj, ‘Wara tlett ijiem għandi niġi mqajjem.’ Għalhekk ikkmanda li l-qabar jintgħamel fis-sigur sat-tielet jum, biex id-dixxipli qatt ma jistgħu jiġu u jisirquh u jgħidu lin-nies, ‘Hu ġie mqajjem mill-imwiet!’ u dan l-impustur tal-aħħar ikun agħar minn tal-ewwel.”
“Għandkom gwardja,” iwieġeb Pilatu. “Morru u agħmluh fis-sigur kif tafu intom.” Mela huma jmorru u jagħmlu l-qabar fis-sigur billi jissiġillaw il-ġebla u jpoġġu suldati Rumani bħala gwardji.
Kmieni l-Ħadd fil-għodu Marija Maddalena u Marija omm Ġesù, flimkien maʼ Salomè, Ġovanna, u nisa oħrajn, iġibu ħwawar lejn il-qabar biex jikkuraw il-ġisem taʼ Ġesù. Fit-triq huma jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbeb il-ġebla minn quddiem il-bieb tal-qabar tal-mafkar għalina?” Imma malli jaslu, huma jsibu li seħħ terremot u li l-anġlu taʼ Jehovah gerbeb il-ġebla ’l hemm. Il-gwardji m’humiex hemm, u l-qabar huwa vojt! Mattew 27:57–28:2; Mark 15:42–16:4; Luqa 23:50–24:3, 10; Ġwann 19:14, Ġwann 19:31–20:1; Ġwann 12:42; Levitiku 23:5-7; Dewteronomju 21:22, 23; Salm 34:20; Żakkarija 12:10.
▪ Il-Ġimgħa għala hi msejħa Tħejjija, u x’inhu Sibt “kbir”?
▪ Liema skritturi huma mwettqin f’konnessjoni mal-ġisem taʼ Ġesù?
▪ Ġużeppi u Nikodemu x’għandhom x’jaqsmu mad-difna taʼ Ġesù, u x’relazzjoni għandhom maʼ Ġesù?
▪ Il-qassisin x’jitolbuh lil Pilatu, u hu kif iwieġeb?
▪ X’jiġri kmieni l-Ħadd fil-għodu?