Jistaʼ Dan il-Ktieb Ikun Fdat?
“Jien insib iktar indikazzjonijiet ċerti t’awtentiċità fil-Bibbja milli fi kwalunkwe storja profana tkun liema tkun.”—Sir Isaac Newton, xjenzat magħruf Ingliż.1
JISTAʼ dan il-ktieb—il-Bibbja—ikun fdat? Jirreferi dan għal nies li għexu tassew, postijiet li attwalment eżistew, u ġrajjiet li seħħew verament? Jekk inhu hekk, għandu jkun hemm evidenza li dan ġie miktub minn kittieba attenti u onesti. Evidenza fil-fatt teżisti. Ħafna minnha nstabet midfuna fl-art, u jerġaʼ hemm iktar ġewwa l-ktieb innifsu.
Tħaffir Għall-Evidenza
Is-sejba taʼ fdalijiet tal-qedem midfunin fl-artijiet imsemmijin fil-Bibbja appoġġjat l-eżattezza storika u ġeografika tal-Bibbja. Ikkunsidra biss ftit mill-evidenza li qalgħu l-arkeoloġi minn taħt l-art.
David, ir-ragħaj żagħżugħ u kuraġġuż li sar sultan taʼ Iżrael, hu magħruf sew mal-qarrejja tal-Bibbja. Ismu jidher 1,138 darba fil-Bibbja, u l-espressjoni “Dar taʼ David”—li spiss tirreferi għad-dinastija tiegħu—tidher 25 darba. (1 Samwel 16:13; 20:16) Sa ftit taż-żmien ilu, iżda, ma kienx hemm evidenza ċara barra mill-Bibbja li David eżista. Kien David sempliċement xi karattru fittizju?
Fl-1993 tim t’arkeoloġi, immexxi mill-Professur Avraham Biran, għamel sejba taʼ l-għaġeb, li ġiet irrapportata fl-Israel Exploration Journal. Fil-lok fejn jinsab gozz ġebel antik imsejjaħ Tel Dan, fil-parti taʼ fuq taʼ Iżrael, huma kixfu ġebla tal-bażalt. Imnaqqxin ġol-ġebla hemm il-kelmiet “Dar taʼ David” u “Sultan taʼ Iżrael.”2 L-iskrizzjoni, ikkalkulata li tappartjeni lid-disaʼ seklu Q.E.K., jingħad li hija parti minn monument tar-rebħa mwaqqaf mill-Arameani—għedewwa taʼ Iżrael li kienu jgħixu lejn il-Lvant. Għala hija din l-iskrizzjoni daqshekk sinjifikanti?
Ibbażat fuq rapport mill-Professur Biran u l-kollega tiegħu, il-Professur Joseph Naveh, artiklu fil-Biblical Archaeology Review stqarr: “Din hija l-ewwel darba li nstab l-isem David f’xi skrizzjoni antika barra mill-Bibbja.”3a Hemm xi ħaġa oħra taʼ min jinnotaha dwar din l-iskrizzjoni. L-espressjoni “Dar taʼ David” hija miktuba bħala kelma waħda. L-espert tal-lingwi, il-Professur Anson Rainey, jispjega: “L-ispazju li jifred il-kliem . . . spiss jitħalla barra, speċjalment jekk il-ġabra tal-kliem tkun isem partikulari stabbilit sewwa. ‘Id-Dar taʼ David’ ċertament li kien isem politiku u ġeografiku partikulari bħal dan f’nofs id-disaʼ seklu Q.E.K.”5 Mela s-Sultan David u d-dinastija tiegħu mid-dehra kienu magħrufin sew fid-dinja tal-qedem.
Ninwè—il-belt kbira taʼ l-Assirja msemmija fil-Bibbja—eżistiet tassew? Sa ftit taż-żmien ilu, għall-bidu tas-seklu 19 biex inkunu eżatti, xi kritiċi tal-Bibbja ma ridux jemmnuh dan. Imma fl-1849, Sir Austen Henry Layard sab ir-rovini tal-palazz tas-Sultan Sanħerib f’Kuyunjik, sit li rriżulta li kien parti minn Ninwè tal-qedem. Il-kritiċi kellhom b’hekk jagħlqu ħalqhom fuq dan il-punt. Imma dawn ir-rovini kellhom iżjed x’jikxfu. Fuq il-ħitan taʼ waħda mill-kmamar li kienet ippreservata tajjeb kien hemm tpinġija li kienet turi l-waqgħa taʼ belt li kienet iffortifikata tajjeb, bil-priġunieri qegħdin jinġagħlu jimmarċjaw quddiem is-sultan invażur. Fuq ras is-sultan hemm din l-iskrizzjoni: “Sanħerib, sultan tad-dinja, sultan taʼ l-Assirja, poġġa fuq tron taʼ nîmedu u spezzjona formalment il-buttin (meħud) minn Lakis (La-ki-su).”6
Din it-tpinġija u skrizzjoni, li wieħed jistaʼ jaraha fil-British Museum, taqbel mar-rakkont tal-Bibbja dwar il-waqgħa tal-belt Ġudeana taʼ Lakis f’idejn Sanħerib, bħalma nsibu fit-2 Slaten 18:13, 14. Waqt li kkummenta fuq is-sinjifikat taʼ din is-sejba, Layard kiteb: “Min qatt kien jemmen li dan setaʼ jkun probabbli jew possibbli, qabel ma saru dawn is-sejbiet, li taħt il-gozz ġebel u żibel li kien jindika s-sit taʼ Ninwè, kellu jinstab ir-rakkont storiku tal-gwerer bejn Ħeżekija [sultan taʼ Ġuda] u Sanħerib, miktub minn Sanħerib innifsu fl-istess żmien li seħħew, u li jikkonferma saħansitra fl-iċken dettall ir-rakkont tal-Bibbja?”7
L-arkeoloġi qalgħu ħafna fdalijiet oħrajn minn taħt l-art—fuħħar, rovini taʼ bini, twavel tat-tafal, muniti, dokumenti, monumenti, u skrizzjonijiet—li jikkonfermaw l-eżattezza tal-Bibbja. Skavaturi skoprew il-belt Kaldeana taʼ Ur, iċ-ċentru kummerċjali u reliġjuż fejn għex Abraham.8 (Ġenesi 11:27-31) Il-Kronaka taʼ Nabonidus, li nstabet fis-seklu 19, tiddeskrivi l-waqgħa taʼ Babilonja f’idejn Ċiru l-Kbir fis-sena 539 Q.E.K., ġrajja rakkontata f’Danjel kapitlu 5.9 Skrizzjoni (li frammenti minnha huma ppreservati fil-British Museum) misjuba fuq arkata f’Tessalonika tal-qedem fiha l-ismijiet taʼ ħakkiema tal-belt deskritti bħala “politarki,” kelma li ma kinitx magħrufa fil-letteratura Griega klassika imma wżata mill-kittieb tal-Bibbja Luqa.10 (Atti 17:6, nota taʼ taħt New World Translation of the Holy Scriptures—With References) L-eżattezza taʼ Luqa b’hekk ġiet ivvindikata f’dan id-dettall—bħalma diġà kienet f’dettalji oħrajn.—Qabbel Luqa 1:3.
L-arkeoloġi, madankollu, mhux dejjem jaqblu maʼ xulxin, aħseb u ara mal-Bibbja. Minkejja dan, fil-Bibbja nfisha hemm evidenza qawwija li hija ktieb taʼ min jafdah.
Ippreżentata B’Sinċerità
Kittieba onesti taʼ l-istorja kienu jiddokumentaw mhux biss ir-rebħiet (bħall-iskrizzjoni rigward il-waqgħa taʼ Lakis f’idejn Sanħerib) imma wkoll it-telfiet, mhux biss is-suċċessi imma wkoll il-fallimenti, mhux biss il-qawwiet imma wkoll id-dgħjufijiet. Ftit huma r-rakkonti sekulari li jirriflettu onestà bħal din.
Rigward il-kittieba taʼ l-istorja Assirjani, Daniel D. Luckenbill jispjega: “Taʼ spiss jidher ċar li l-vanità rjali kienet tesiġi li jinkiteb biss dak li jdoqq għall-widnejn fejn kien jirrigwardja l-eżattezza storika.”11 Bħala turija taʼ “vanità rjali” bħal din, l-annali tas-Sultan Assirjan Axurnasirpal jiftaħru: “Jien irjali, jien nobbli, jien eżaltat, jien setgħan, jien onorat, jien igglorifikat, jien ogħla minn kulħadd, jien potenti, jien qalbieni, jien għandi kuraġġ taʼ ljun, u jien eroj!”12 Kont int taċċetta kulma taqra f’annali bħal dawn bħala storja eżatta?
B’kuntrast, il-kittieba tal-Bibbja wrew sinċerità rifreskanti. Mosè, il-mexxej taʼ Iżrael, irrapporta bla tlaqliq in-nuqqasijiet taʼ ħuh Aron, t’oħtu Mirjam, tan-neputijiet tiegħu Nadab u Abiħu, u tal-poplu tiegħu, kif ukoll l-iżbalji tiegħu stess. (Eżodu 14:11, 12; 32:1-6; Levitiku 10:1, 2; Numri 12:1-3; 20:9-12; 27:12-14) L-iżbalji serji tas-Sultan David ma ġewx misturin imma tniżżlu bil-miktub—u dan meta David kien għadu qiegħed jaħkem bħala sultan. (2 Samwel, kapitli 11 u 24) Mattew, il-kittieb tal-ktieb li jġorr ismu, jgħid kif l-appostli (li hu kien wieħed minnhom) tlewmu dwar l-importanza persunali tagħhom u kif abbandunaw lil Ġesù fil-lejl taʼ l-arrest tiegħu. (Mattew 20:20-24; 26:56) Il-kittieba taʼ l-ittri taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana ammettew bla tlaqliq il-problemi, li kienu jinkludu immoralità sesswali u tilwim, f’xi wħud mill-kongregazzjonijiet Kristjani bikrin. U ma qagħdux iduru mal-lewża f’li jittrattaw maʼ dawk il-problemi.—1 Korintin 1:10-13; 5:1-13.
Rapportar onest u miftuħ bħal dan jindika tħassib sinċier dwar il-verità. Ladarba l-kittieba tal-Bibbja kienu lesti li jirrapportaw informazzjoni xejn favorevoli dwar il-maħbubin tagħhom, nieshom, u saħansitra dwarhom infushom, m’għandniex aħna raġuni tajba biex nafdaw kitbiethom?
Korretta Fid-Dettalji
Fil-kawżi tal-qrati l-kredibilità tat-testimonjanza taʼ xhud tistaʼ spiss tiġi ddeterminata fuq il-bażi taʼ fatti taʼ importanza żgħira. Qbil fuq dettalji żgħar għandu mnejn jittimbra t-testimonjanza bħala eżatta u onesta, fil-waqt li diskrepanzi serji jistgħu jesponuha bħala falzità. Mill-banda l-oħra, rakkont pulit iżżejjed—wieħed li fih hemm irranġati bil-galbu d-dettalji kollha sa l-inqas wieħed—jistaʼ wkoll jikxef testimonjanza falza.
It-“testimonjanza” tal-kittieba tal-Bibbja kif tipparaguna f’dan ir-rigward? Il-kittieba tal-Bibbja wrew konsistenza straordinarja. Hemm qbil kbir saħansitra dwar dettalji taʼ ftit importanza. Madankollu, l-armonija m’hijiex irranġata deliberatament, għax dan kien iqajjem suspetti taʼ ftehim bejniethom. Huwa ovvju li fejn hemm il-koinċidenzi dawn ma kinux ippjanati, billi l-kittieba spiss kienu fi qbil bla ma jafu kif. Ikkunsidra xi eżempji.
Mattew, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, kiteb: “Ġesù mar fid-dar taʼ Pietru, u ra li omm il-mara taʼ Pietru kienet mixħuta bid-deni.” (Korsiv tagħna.) (Mattew 8:14) Mattew hawnhekk ipprovda dettall interessanti imma mhux essenzjali: Pietru kien miżżewweġ. Dan il-fatt taʼ ftit importanza huwa appoġġjat minn Pawlu, li kiteb: “Ma għandniex id-dritt li jkollna mara nisranija magħna bħall-appostli l-oħra u . . . Kefa?”b (1 Korintin 9:5) Il-kuntest jindika li Pawlu kien qiegħed jiddefendi lilu nnifsu kontra kritika bla bżonn. (1 Korintin 9:1-4) Jidher ċar li dan id-dettall ċkejken—il fatt li Pietru kien miżżewweġ—m’huwiex qiegħed jitressaq minn Pawlu biex jappoġġja l-eżattezza tar-rakkont taʼ Mattew imma qiegħed hemm b’kumbinazzjoni.
L-erbaʼ kittieba tal-Vanġeli—Mattew, Mark, Luqa, u Ġwanni—jiddokumentaw li fil-lejl taʼ l-arrest taʼ Ġesù, wieħed mid-dixxipli tiegħu silet sejf u xejjirha lil wieħed irsir tal-qassis il-kbir, u qatagħlu widintu. Il-Vanġelu taʼ Ġwanni biss jirrapporta dettall li ma tantx jidher neċessarju: “Dan il-qaddej kien jismu Malku.” (Ġwann 18:10, 26) Għala huwa Ġwanni biss li jagħti isem ir-raġel? Ftit versi iktar ’l isfel ir-rakkont jipprovdi fatt taʼ ftit importanza li ma nsibuh imkien iżjed: Ġwanni “kien midħla tal-qassis il-kbir.” Kien ukoll jaf lin-nies taʼ dar il-qassis il-kbir; il-qaddejja kienu midħla tiegħu, u hu tagħhom. (Ġwann 18:15, 16) Kienet ħaġa naturali, allura, li Ġwanni jsemmi isem ir-raġel ferut, fil-waqt li l-kittieba l-oħrajn tal-Vanġeli, li għalihom dak ir-raġel kien stranġier, ma jsemmuhx.
Xi drabi, spjegazzjonijiet dettaljati jitħallew barra minn rakkont wieħed imma jiġu pprovduti x’imkien ieħor minn stqarrijiet każwali. Per eżempju, ir-rakkont taʼ Mattew dwar il-proċess taʼ Ġesù quddiem is-Sinedriju Lhudi jgħid li xi nies li kienu preżenti “tawh bil-ħarta, u qalulu: ‘Aqtaʼ min tahielek, Messija, din id-daqqa!’” (Korsiv tagħna.) (Mattew 26:67, 68) Għala kellhom jgħidu lil Ġesù biex ‘jaqtaʼ’ min kien tah bil-ħarta, meta dak li tahielu kien jinsab wieqaf hemmhekk quddiemu? Mattew ma jispjegax. Imma tnejn mill-kittieba l-oħrajn tal-Vanġeli jfornu d-dettall li kien hemm nieqes: il-persekuturi taʼ Ġesù għattewlu wiċċu qabel ma ngħata d-daqqa taʼ ħarta. (Mark 14:65; Luqa 22:64) Mattew jippreżenta l-materjal tiegħu bla ma jħabbel rasu jekk kienx hemm id-dettalji kollha sa l-inqas wieħed.
Il-Vanġelu taʼ Ġwanni jgħid dwar okkażjoni meta folla mdaqqsa nġabret biex tismaʼ lil Ġesù jgħallem. Skond ir-rakkont, meta Ġesù osserva l-folla, “qal lil Filippu: ‘Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?’” (Korsiv tagħna.) (Ġwann 6:5) Minn dawk id-dixxipli kollha li kien hemm, Ġesù għala staqsa lil Filippu minn fejn setgħu jixtru ftit ħobż? Il-kittieb ma jgħidx. Fir-rakkont parallel, iżda, Luqa jirrapporta li l-inċident seħħ qrib Betsajda, belt fuq ix-xtut tat-Tramuntana tal-Baħar tal-Galilija, u iktar kmieni fil-Vanġelu taʼ Ġwanni jintqal li “Filippu kien minn Betsajda.” (Ġwann 1:44; Luqa 9:10) Mela Ġesù loġikament staqsa lil persuna li kienet tiġi minn dawk l-inħawi. Il-qbil bejn id-dettalji huwa straordinarju, u madankollu jidher ċar li kien aċċidentali.
F’xi każi meta ċerti dettalji jitħallew barra dan iktar iżid il-kredibilità tal-kittieb tal-Bibbja. Per eżempju, dak li kiteb l-1 Slaten jgħid dwar nixfa qalila f’Iżrael. Kienet tant qalila li s-sultan ma setax isib ilma u ħaxix biżżejjed biex iżomm liż-żwiemel u lill-bgħula tiegħu ħajjin. (1 Slaten 17:7; 18:5) Madankollu, l-istess rakkont jirrapporta li l-profeta Elija ordna li jinġieblu ilma biżżejjed fuq il-Muntanja Karmel (biex jintuża f’konnessjoni maʼ sagrifiċċju) biex jimla trinka li kienet tiċċirkonda medda taʼ madwar 10,000 pied kwadru. (1 Slaten 18:33-35) Fl-eqqel taʼ dik in-nixfa, minn fejn ġie dak l-ilma kollu? Il-kittieb taʼ l-1 Slaten ma qagħadx iħabbel rasu biex jispjega. Madankollu, kull min kien jgħix f’Iżrael kien jaf li l-Karmel kienet fuq il-kosta tal-Baħar Mediterran, bħalma tindika rimarka aċċidentali iktar tard fir-rakkont. (1 Slaten 18:43) B’hekk, ilma baħar kien hemm kemm trid. Li kieku dan il-ktieb, li f’aspetti oħrajn huwa ddettaljat, kien sempliċement ħrejjef jilagħbuha taʼ fatti, il-kittieb tiegħu, li f’dak il-każ kien ikun imbroljun makakk, għala kien se jħalli inkonsistenza ovvja bħal dik fit-test?
Mela tistaʼ l-Bibbja tkun fdata? L-arkeoloġi tellgħu biżżejjed fdalijiet antiki biex jikkonfermaw li l-Bibbja tirreferi għal nies reali, postijiet reali, u ġrajjiet reali. Iktar konvinċenti, madankollu, hemm l-evidenza misjuba fil-Bibbja nfisha. Kittieba onesti ma ħafruha lil ħadd—lanqas lilhom infushom—fl-iddokumentar tal-fatti kif ġraw. Il-konsistenza ġewwinija tal-kitbiet, inklużi l-kumbinazzjonijiet, tagħti lit-“testimonjanza” dehra ċara taʼ verità. B’“sinjali ċerti t’awtentiċità” bħal dawn, il-Bibbja hija, tabilħaqq, ktieb li tistaʼ tafdah.
[Noti taʼtaħt]
a Wara dik is-sejba, il-Professur André Lemaire irrapporta li rikostruzzjoni ġdida taʼ vers li kien ġarrab xi ħsara, fuq il-Mesha stela (magħrufa wkoll bħala l-Ġebla Moabita) li kienet instabet fl-1868, tirrivela li din ukoll fiha referenza għad-“Dar taʼ David.”4
b “Kefa” huwa l-ekwivalenti Semitiku taʼ “Pietru.”—Ġwann 1:42.
[Stampa f’paġna 15]
Il-framment taʼ Tel Dan
[Stampa f’paġna 16, 17]
Skultura Assirjana fuq ħajt li turi l-assedju taʼ Lakis, imsemmi fit-2 Slaten 18:13, 14