LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • ba pp. 27-29
  • Ktieb taʼ Profeziji

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ktieb taʼ Profeziji
  • Ktieb Għan-Nies Kollha
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mhux Biss Konklużjonijiet Tan-​Nies
  • Kellha ‘Tinkines Bl-​Ixkupa Tal-​Qerda’
  • ‘Mingħajr Battalja’
  • L-​Istorja Tilgħabha Taʼ Profezija?
  • “Qatt Aktar Ma Titgħammar”
  • Profeziji Li Seħħew
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
  • Jehovah Jumilja Belt Arroganti
    Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I
  • Il-​Bibbja​—Ktieb Mingħand Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Ir-Reliġjon Falza —It-Tmiem Drammatiku Tagħha Jidher minn Qabel
    Il-Profezija ta’ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha II
Ara Iżjed
Ktieb Għan-Nies Kollha
ba pp. 27-29

Ktieb taʼ Profeziji

In-​nies huma interessati fil-​futur. Ifittxu għal tbassir taʼ min jorbot fuqu rigward ħafna suġġetti, minn tbassir tat-​temp sa indikaturi ekonomiċi. Meta jaġixxu fuq dawn it-​tbassiriet, madankollu, spiss joħorġu ddiżappuntati. Il-​Bibbja fiha ħafna tbassiriet, jew profeziji. Kemm huma preċiżi dawn il-​profeziji? Huma dawn xi rakkonti storiċi miktubin bil-​quddiem? Jew huma rakkonti storiċi taparsi profeziji?

L-​ISTATISTA Ruman Cato (234-​149 Q.E.K.) huwa rrapportat li qal: “Niskanta kif bassâr ma jinfaqax jidħak meta jara bassâr ieħor.”1 Tabilħaqq, sal-​ġurnata tal-​lum ħafna nies huma xettiċi dwar dawk li jaqraw ix-​xorti, astrologi, u bassara oħrajn. Spiss it-​tbassiriet tagħhom jintqalu b’termini vagi u suġġetti għal varjetà kbira taʼ interpretazzjonijiet.

Xi ngħidu, iżda, dwar il-​profeziji tal-​Bibbja? Hemm lok għal xettiċiżmu? Jew hemm bażi għal fiduċja?

Mhux Biss Konklużjonijiet Tan-​Nies

Nies taʼ ċerta intelliġenza għandhom mnejn jipprovaw jużaw xejriet li wieħed jistaʼ josserva biex jagħmlu spekulazzjonijiet eżatti rigward il-​futur, imma qatt m’għandhom raġun il-​ħin kollu. Il-​ktieb Future Shock jinnota: “Kull soċjetà tiffaċċja mhux biss suċċessjoni taʼ futuri probabbli, imma sensiela taʼ futuri possibbli, u konflitt fuq futuri preferibbli.” Dan iżid: “M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma jistaʼ jkun ‘jaf’ il-​futur fi kwalunkwe sens assolut. Aħna nistgħu biss nissistematizzaw u nipprofondixxu s-​suppożizzjonijiet tagħna u nittantaw li nassenjawlhom probabbiltajiet.”2

Imma l-​kittieba tal-​Bibbja mhux sempliċement “assenjaw probabbiltajiet” lis-​“suppożizzjonijiet” dwar il-​futur. Lanqas ma jistgħu t-​tbassiriet tagħhom jitqiesu bħala stqarrijiet vagi suġġetti għal varjetà kbira taʼ interpretazzjonijiet. Għall-​kuntrarju, ħafna mill-​profeziji tagħhom kienu mistqarrin b’ċarezza straordinarja u kienu speċifiċi għall-​aħħar, billi taʼ spiss kienu jbassru preċiż il-​kuntrarju taʼ dak li setaʼ kien mistenni. Ħu bħala eżempju dak li l-​Bibbja qalet bil-​quddiem dwar il-​belt antika taʼ Babilonja.

Kellha ‘Tinkines Bl-​Ixkupa Tal-​Qerda’

Babilonja tal-​qedem saret “il-​ġawhra taʼ l-​imperi.” (Isaija 13:19) Din il-​belt imdaqqsa kienet f’pożizzjoni strateġika fuq ir-​rotta kummerċjali mill-​Golf Persjan sal-​Baħar Mediterran, billi qdiet bħala stazzjon kummerċjali kemm għan-​negozju taʼ fuq l-​art u kemm għal dak taʼ fuq il-​baħar bejn il-​Lvant u l-​Punent.

Sas-sebaʼ seklu Q.E.K., Babilonja kienet il-​kapitali li donnu ħadd ma setaʼ jegħlibha taʼ l-​Imperu Babilonjan. Il-​belt kellha x-​xmara Ewfrat għaddejja minn ġo nofsha, u l-​ilmijiet tax-​xmara kienu jintużaw biex jiġu fformati foss wiesaʼ u fond u kannizzata taʼ kanali. Iżjed minn hekk, il-​belt kienet protetta permezz taʼ sistema ġganteska taʼ swar doppji, imsaħħin minn għadd kbir taʼ torrijiet taʼ difiża. Mhux taʼ b’xejn li l-​abitanti tagħha ħassewhom fis-​sigurtà.

Minkejja dan, fit-​tmien seklu Q.E.K., qabel ma Babilonja laħqet il-​quċċata tal-​glorja tagħha, il-​profeta Isaija bassar li Babilonja kellha ‘tinkines bl-​ixkupa tal-​qerda.’ (Isaija 13:19; 14:22, 23) Isaija ddeskriva wkoll il-​manjiera attwali li biha kellha taqaʼ Babilonja. L-​invażuri kellhom ‘inixxfu’ x-​xmajjar tagħha​—is-​sors tad-​difiża tagħha f’għamla taʼ foss—u b’hekk jagħmlu l-​belt vulnerabbli. Isaija saħansitra ssupplixxa l-​isem tal-​konkwistatur​—“Ċiru,” sultan kbir Persjan, li ‘quddiemu kellhom jinfetħu l-​bibien u ebda bieb ma jibqaʼ magħluq.’​—Isaija 44:27–​45:2.

Dawn kienu tbassiriet kuraġġużi. Imma seħħew? L-​istorja twieġeb.

‘Mingħajr Battalja’

Żewġ sekli wara li Isaija ddokumenta l-​profezija tiegħu, fil-​lejl tal-​5 t’Ottubru, fis-​sena 539 Q.E.K., l-​armati tal-​Medo-Persja taħt il-​kmand taʼ Ċiru l-​Kbir kienu kkampjati qrib Babilonja. Imma l-​Babilonjani kienu kunfidenti. Skond Erodotus, il-​kittieb Grieg taʼ l-​istorja (il-ħames seklu Q.E.K.), huma kellhom provisti biżżejjed maħżunin biex iservuhom għal snin sħaħ.3 Kellhom ukoll ix-​xmara Ewfrat u s-​swar setgħanin taʼ Babilonja biex jipproteġuhom. Minkejja dak kollu, dak il-​lejl stess, skond il-​kronaka taʼ Nabonidus, “l-​armata taʼ Ċiru daħlet f’Babilonja mingħajr battalja.”4 Dan kif kien possibbli?

Erodotus jispjega li ġewwa l-​belt, in-​nies “kienu qegħdin jiżfnu u jixxalaw waqt festa.”5 Barra, madankollu, Ċiru kien dawwar ir-​rotta taʼ l-​ilmijiet taʼ l-​Ewfrat. Hekk kif il-​livell taʼ l-​ilma tbaxxa, l-​armata tiegħu ċafalset matul il-​qiegħ tax-​xmara, bl-​ilma jilħaq sa koxxtejhom. Huma mmarċjaw minn maġenb is-​swar għoljin u daħlu minn ġo dawk li Erodotus sejħilhom “ir-​rixtelli li kienu jagħtu għax-​xmara,” rixtelli li bi traskuraġni kienu tħallew miftuħin.6 (Qabbel Danjel 5:​1-4; Ġeremija 50:24; 51:31, 32.) Kittieba oħrajn taʼ l-​istorja, inkluż Xenofon (ċ. 431–​ċ. 352 Q.E.K.), kif ukoll twavel b’kitbiet kunejformi misjubin minn arkeoloġi, jikkonfermaw il-​waqgħa f’salt taʼ Babilonja f’idejn Ċiru.7

Il-profezija taʼ Isaija dwar Babilonja ġiet b’hekk imwettqa. Jew forsi ma kienet profezija xejn? Jistaʼ jkun li din ma kienet tbassira xejn imma fil-​fatt inkitbet wara li seħħ il-​fatt? Tabilħaqq, l-​istess jistaʼ jiġi mistoqsi dwar profeziji oħrajn tal-​Bibbja.

L-​Istorja Tilgħabha Taʼ Profezija?

Jekk il-​profeti tal-​Bibbja​—inkluż Isaija—​sempliċement kitbu mill-​ġdid l-​istorja biex tidher qisha profezija, allura dawn l-​irġiel ma kienu xejn ħlief imposturi makakki. Imma x’kien se jkun il-​motiv tagħhom għal dan l-​ingann? Profeti ġenwini għamluha ċara bla tlaqliq li ma kinux se jaċċettaw tixħim. (1 Samwel 12:3; Danjel 5:​17) U aħna diġà kkunsidrajna evidenza konvinċenti li l-​kittieba tal-​Bibbja (li ħafna minnhom kienu profeti) kienu rġiel taʼ min jafdahom li kienu lesti li jirrivelaw ukoll l-​iżbalji imbarazzanti tagħhom stess. Ma tantx jagħmel sens li rġiel taʼ din ix-​xorta kienu inklinati li jikkommettu inganni elaborati, billi jagħmlu l-​istorja tidher bħala profezija.

Hemm ħaġ’oħra x’nikkunsidraw. Ħafna profeziji tal-​Bibbja kien fihom denunzji jaħarqu dwar il-​poplu tal-​profeti nfushom, li kienu jinkludu lill-​qassisin u lill-​ħakkiema. Isaija, per eżempju, maqdar il-​kundizzjoni morali skandaluża taʼ l-​Iżraeliti​—kemm il-​mexxejja u kemm in-​nies—​taʼ żmienu. (Isaija 1:​2-​10) Profeti oħrajn kixfu bil-​qawwa kollha d-​dnubiet tal-​qassisin. (Sofonija 3:4; Malakija 2:​1-9) Ikun diffiċli li wieħed jifhem għala kellhom joqogħdu jivvintaw profeziji li kien fihom l-​iktar ċensura ħarxa immaġinabbli kontra nieshom stess u għala l-​qassisin ikkoperaw f’ingann bħal dan.

Iżjed minn hekk, kif setgħu l-​profeti​—jekk ma kienu xejn ħlief imposturi—​iwettqu falsifikazzjoni bħal din? L-​abbiltà tal-​kitba u tal-​qari kienet inkuraġġita f’Iżrael. Sa minn età żgħira, it-​tfal kienu jiġu mgħallmin kif jaqraw u jiktbu. (Dewteronomju 6:​6-9) Qari privat taʼ l-​Iskrittura kien inkuraġġit. (Salm 1:2) Kien hemm qari pubbliku taʼ l-​Iskrittura fis-​sinagogi f’jum is-​Sabat kull ġimgħa. (Atti 15:21) Jidher improbabbli li nazzjon sħiħ litterat, li kien midħla sew taʼ l-​Iskrittura, setaʼ jiġi ingannat b’qerq taʼ din ix-​xorta.

Barra minn hekk, il-​profezija taʼ Isaija dwar il-​waqgħa taʼ Babilonja, fiha iktar milli għedna s’issa. Inkluż fiha hemm dettall li assolutament ma setax inkiteb wara li twettaq.

“Qatt Aktar Ma Titgħammar”

X’kellu jiġri minn Babilonja wara l-​waqgħa tagħha? Isaija bassar: “Qatt aktar ma titgħammar, minn żmien għal żmien ħadd aktar ma joqgħod fiha. L-​Għarbi ma jtellax l-​għarix fiha, u r-​rgħajja ma jserrħux l-​imrieħel tagħhom.” (Isaija 13:20) Min jaf kemm kien jidher stramb, minn taʼ l-​inqas, li wieħed ibassar li belt li kienet f’pożizzjoni daqshekk vantaġġuża kellha ssir diżabitata b’mod permanenti. Setaʼ l-​kliem taʼ Isaija nkiteb wara li hu kien osserva Babilonja mħarbta u abbandunata?

Wara li ġiet f’idejn Ċiru, Babilonja abitata​—għalkemm inferjuri—​baqgħet tkarkar għal sekli sħaħ. Ftakar li r-​rombli tal-​Baħar il-​Mejjet jinkludu kopja tal-​ktieb sħiħ taʼ Isaija li tmur lura għat-​tieni seklu Q.E.K. Fiż-​żmien li dak ir-​romblu kien qiegħed jiġi kkopjat, il-​Partjani ħadu kontroll taʼ Babilonja. Fl-​ewwel seklu E.K., kien hemm kolonja taʼ Lhud f’Babilonja, u l-​kittieb Pietru żarhom hemmhekk. (1 Pietru 5:​13) Sa dak iż-​żmien, ir-​romblu tal-​Baħar il-​Mejjet taʼ Isaija kien ilu jeżisti kważi żewġ sekli. Mela, sa l-​ewwel seklu E.K., Babilonja kienet għadha ma saritx ħerba għalkollox, u madankollu l-​ktieb taʼ Isaija kien ilu li tlesta ferm qabel dak iż-​żmien.a

Bħalma kien imbassar, Babilonja eventwalment saret sempliċi “borġ ħerba.” (Ġeremija 51:37) Skond l-​istudjuż Ebrajk Ġirolmu (ir-rabaʼ seklu E.K.), sa żmienu Babilonja kienet art mogħtija għall-​kaċċa li fiha kienu jiġġerrew “bhejjem taʼ kull xorta.”9 Babilonja għadha abbandunata sal-​ġurnata tal-​lum.

Isaija qatt ma rnexxielu jara lil Babilonja ssir diżabitata. Imma r-​rovini taʼ dik li darba kienet belt potenti, madwar 80 kilometru lejn in-​Nofs in-​Nhar taʼ Bagdad, fl-​Iraq taʼ żmienna, jagħtu testimonjanza siekta għat-​twettiq taʼ kliemu: “Qatt aktar ma titgħammar.” Kwalunkwe restawr taʼ Babilonja bħala attrazzjoni għat-​turisti għandu mnejn iħajjar lil xi viżitaturi, imma “nisilha u razzitha” spiċċaw darba għal dejjem.​—Isaija 13:20; 14:22, 23.

Il-profeta Isaija b’hekk ma lissinx tbassiriet vagi li setgħu jiġu applikati għal kwalunkwe ġrajja futura. Lanqas ma kiteb ir-​rakkont storiku mill-​ġdid biex iġagħlu jidher qisu profezija. Aħseb ftit: X’raġuni setaʼ kellu impostur li jissogra “jipprofetizza” xi ħaġa li fuqha ma kellu assolutament ebda kontroll​—li Babilonja s-​setgħana qatt iktar ma kienet se terġaʼ tkun abitata?

Din il-​profezija dwar il-​waqgħa taʼ Babilonja hija biss eżempju wieħed mill-​Bibbja.b Fit-​twettiq tal-​profeziji tagħha, ħafna nies jaraw indikazzjoni li l-​Bibbja bilfors ġejja minn sors ogħla mill-​bniedem. Għandek mnejn taqbel li, minn taʼ l-​inqas, ikun vallapena li dan il-​ktieb taʼ profeziji jiġi eżaminat. Ħaġa waħda hija ċerta: Hemm differenza vasta bejn it-​tbassiriet imċajprin jew sensazzjonali tal-​bassara moderni u l-​profeziji ċari, serji, u speċifiċi tal-​Bibbja.

[Noti taʼ taħt]

a Hemm evidenza soda li l-​kotba taʼ l-​Iskrittura Ebrajka​—inkluż Isaija—​kienu nkitbu ferm qabel l-​ewwel seklu E.K. Il-​kittieb taʼ l-​istorja Josefus (l-ewwel seklu E.K.) indika li l-​kanoni taʼ l-​Iskrittura Ebrajka kienu ġew stabbiliti ferm qabel żmienu.8 Iżjed minn hekk, is-​Settwaġinta Griega, traduzzjoni taʼ l-​Iskrittura Ebrajka għall-​Grieg, kienet inbdiet fit-​tielet seklu Q.E.K. u tlestiet sat-​tieni seklu Q.E.K.

b Għal iktar diskussjoni dwar il-​profeziji tal-​Bibbja u l-​fatti storiċi li jiddokumentaw it-​twettiq tagħhom, jekk jogħġbok ara l-​ktieb The Bible​—God’s Word or Man’s?, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., paġni 117-​33.

[Kumment f’paġna 28]

Kienu l-​kittieba tal-​Bibbja profeti preċiżi jew qarreqin makakki?

[Stampa f’paġna 29]

Ir-​rovini taʼ Babilonja tal-​qedem

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja