Il-Verità dwar ir-Ruħ Tagħmel Differenza Kbira
“Tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.”—ĠWANN 8:32.
1. Għala huwa importanti li neżaminaw it-twemmin tagħna dwar ir-ruħ u l-mewt?
T WEMMIN dwar ir-ruħ u d-Dinja l-oħra jirriżulta fil-biċċa l-kbira mill-isfond reliġjuż u kulturali taʼ dak li jkun. Bħalma rajna, dan jikkonsisti f’varjetà taʼ ideat li jibdew mill-konvinzjoni li r-ruħ tikseb il-mira finali tagħha biss wara għadd taʼ twelid mill-ġdid u jispiċċaw fl-idea li ħajja waħda tiddetermina d-destin finali taʼ dak li jkun. Għaldaqstant, wieħed għandu mnejn iħossu fiduċjuż li finalment se jsir ħaġa waħda mar-realtà aħħarija malli jmut, ieħor li se jikseb in-Nirvana, u jerġaʼ ieħor li se jieħu premju taʼ ħajja fis-sema. Liema hi, allura, il-verità? Ladarba dak li nemmnu jinfluwenza l-attitudnijiet, l-azzjonijiet, u d-deċiżjonijiet tagħna, m’għandniex aħna nkunu kkonċernati biex insibu t-tweġiba għal dik il-mistoqsija?
2, 3. (a) Għala nistgħu npoġġu l-fiduċja tagħna f’dak li tgħid il-Bibbja dwar ir-ruħ? (b) Kif mistqarr fil-Bibbja, x’inhi l-verità dwar ir-ruħ?
2 Il-Bibbja, l-eqdem ktieb fid-dinja, tmur lura fl-istorja tal-bniedem sal-ħolqien taʼ l-ewwel ruħ umana. It-tagħlim tagħha huwa ħieles mill-filosofiji u t-tradizzjonijiet tal-bnedmin. Il-Bibbja tistqarr b’mod ċar il-verità dwar ir-ruħ: Ruħek hija int, il-mejtin huma kompletament ineżistenti, u dawk fil-memorja t’Alla se jiġu rxoxtati meta jkun il-waqt tiegħu. Li tkun taf dan, x’jistaʼ jfisser għalik?
3 “Tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom,” qal Ġesù Kristu lis-segwaċi tiegħu. (Ġwann 8:32) Iva, il-verità tillibera lil dak li jkun. Imma l-verità dwar ir-ruħ minn liema ħaġa teħlisna?
Ħelsien minn Biżaʼ u Disprament
4, 5. (a) Il-verità dwar ir-ruħ liema biżaʼ tkeċċi? (b) It-tama taʼ l-irxoxt kif imliet bil-kuraġġ lil waħda adolexxenta li kellha marda terminali?
4 “Il-biċċa l-kbira min-nies jibżgħu mill-mewt u jipprovaw jevitaw jaħsbu dwarha,” jgħid The World Book Encyclopedia. “L-istess kelma ‘mewt’ saret kważi ma tistax tissemma fil-Punent,” jinnota wieħed storjografu. U f’xi kulturi, ewfemiżmi bħalma huma “m’għadux magħna” u “ħalliena” jintużaw normalment biex jiddeskrivu l-mewt taʼ persuna. Dan il-biżaʼ mill-mewt huwa attwalment biżaʼ minn dak li ma nafux dwaru, ladarba għall-biċċa l-kbira min-nies il-mewt hija misteru. Li nkunu nafu l-verità dwar x’jiġri meta mmutu jtaffi dan il-biżaʼ.
5 Ikkunsidra, per eżempju, il-mentalità taʼ Michaelyn, tfajla taʼ 15-il sena. Din kellha l-lewkimja u kienet qed tiffaċċja mewta traġika. Paula, ommha, tiftakar: “Michaelyn kienet tgħid li l-mewt ma ddejjaqhiex għaliex kienet taf li l-mewt kienet biss temporanja. Konna nitkellmu fit-tul dwar id-dinja ġdida t’Alla u dwar dawk kollha li se jiġu rxoxtati fiha. Michaelyn kellha fidi tremenda f’Alla Jehovah u fl-irxoxt—lanqas l-iċken ħjiel taʼ dubju.” It-tama taʼ l-irxoxt ħelset lil din it-tfajla kuraġġuża minn biżaʼ tremend mill-mewt.
6, 7. Il-verità dwar ir-ruħ minn liema disprament teħlisna? Agħti eżempju.
6 Il-verità kif effettwat lill-ġenituri taʼ Michaelyn? “Il-mewt taʼ l-għażiża bintna kienet l-iktar ħaġa taʼ dulur li qatt ġratilna,” jgħid Jeff, missierha. “Imma aħna nafdaw għalkollox fil-wegħda taʼ Jehovah dwar l-irxoxt, u nħarsu ’l quddiem lejn dak il-jum meta għal darb’oħra nħaddnu magħna lill-għażiża Michaelyn tagħna. X’riunjoni tkun dik!”
7 Iva, il-verità dwar ir-ruħ teħles lil dak li jkun mid-disprament tal-ġenn li tistaʼ ġġib magħha l-mewt taʼ xi ħadd maħbub. M’għandniex xi ngħidu, m’hemm xejn li jistaʼ jelimina kompletament l-uġigħ u n-niket li jġarrab min imutlu xi ħadd maħbub. It-tama taʼ l-irxoxt, madankollu, ittaffi n-niket u tagħmel l-uġigħ ferm eħfef biex wieħed jissaportih.
8, 9. Il-verità dwar il-kundizzjoni tal-mejtin minn liema biżaʼ teħlisna?
8 Il-verità Skritturali dwar il-kundizzjoni tal-mejtin teħlisna wkoll mill-biżaʼ mill-mejtin. Minn mindu tgħallmu din il-verità, ħafna li darba kienu mxekklin b’ritwali superstizzjużi rigward il-mejtin m’għadhomx jinkwetaw dwar xi saħta, magħmul, oġġetti taʼ seħer, u fetiċċi, u lanqas m’għadhom joffru sagrifiċċji li jiswewlhom ħafna flus biex jikkuntentaw lill-antenati tagħhom u jżommuhom milli jiġu lura biex ibeżżgħu lill-ħajjin. Tabilħaqq, ladarba l-mejtin “ma jafu xejn,” prattiċi bħal dawn huma inutli.—Koħèlet 9:5.
9 Il-verità dwar ir-ruħ, li nsibu fil-Bibbja, tassew li tilliberana u jistħoqqilha l-fiduċja tagħna. Imma ikkunsidra wkoll prospett uniku li testendilek il-Bibbja.
[Kumment f’paġna 29]
Il-verità dwar ir-ruħ teħilsek minn biżaʼ mill-mewt, biżaʼ mill-mejtin, disprament minħabba l-mewt taʼ xi ħadd maħbub