LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bt kap. 4 pp. 28-35
  • “Irġiel Komuni u taʼ Ftit Skola”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Irġiel Komuni u taʼ Ftit Skola”
  • Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mhux “bis-Saħħa Tagħna” (Atti 3:11-26)
  • “Ma Nistgħux Nieqfu Nitkellmu” (Atti 4:1-22)
  • “Huma Talbu lil Alla Flimkien” (Atti 4:23-31)
  • Irridu Nagħtu Kont lil Alla, Mhux lill-Bnedmin (Atti 4:32–5:11)
  • Hu Tgħallem mis-Sid X’Inhi l-Maħfra
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Hu Tgħallem mis-Sid X’Inhi l-Maħfra
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Issielet Kontra l-Biża’ u d-Dubji
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Kien Leali Minkejja l-Provi
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
bt kap. 4 pp. 28-35

KAPITLU 4

“Irġiel Komuni u taʼ Ftit Skola”

L-appostli jieħdu azzjoni qalbiena, u Ġeħova jberikhom

Ibbażat fuq Atti 3:1–5:11

1, 2. Pietru u Ġwanni liema miraklu wettqu ħdejn il-bieb tat-tempju?

IX-XEMX taʼ waranofsinhar tiddi fuq il-geġwiġija taʼ nies. Lhud devoti u dixxipli taʼ Kristu huma deħlin fit-tempju. Dalwaqt se jkun “il-ħin tat-talb.”a (Atti 2:46; 3:1) Fost il-folla, Pietru u Ġwanni jersqu lejn il-bieb tat-tempju li jgħidulu s-Sabiħ. Fuq l-istorbju tan-nies ipaċpċu u l-ħoss tat-tkaxkir tas-saqajn, tallab taʼ mezz’età, magħtub mit-twelid, jgħajjat għall-karità.—Atti 3:2; 4:22.

2 Hekk kif Pietru u Ġwanni jersqu viċin, it-tallab jirripeti s-soltu talba tiegħu għall-flus. L-appostli jieqfu, u jiġbdu l-attenzjoni tar-raġel li qed jittama. “M’għandix fidda u deheb,” jgħid Pietru, “imma se nagħtik dak li għandi. Ngħidlek f’isem Ġesù Kristu n-Nazzarenu, imxi!” Immaġina kemm jibqgħu mbellhin dawk fil-folla hekk kif Pietru jaqbad minn idu lir-raġel magħtub u—għall-ewwel darba f’ħajtu—ir-raġel iqum bilwieqfa! (Atti 3:6, 7) Tistaʼ ġġib quddiem għajnejk lir-raġel iħares ’l isfel lejn saqajh li huma mfejqin hekk kif jieħu l-ewwel passi inċerti tiegħu? Mhux taʼ b’xejn li jibda jaqbeż ’l hemm u ’l hawn u b’leħen għoli jfaħħar lil Alla!

3. Ir-raġel li kien fieq u l-folla, liema għotja setgħu jirċievu?

3 Il-folla ferħana għall-aħħar tiġri lejn Pietru u Ġwanni fil-loġġa taʼ Salamun. Hawnhekk, fl-istess post fejn Ġesù darba qagħad bilwieqfa u għallem, Pietru jinformahom dwar is-sinifikat veru taʼ dak li għadu kif seħħ. (Ġw. 10:23) Hu joffri lill-folla u lir-raġel li kien fejjaq għotja li tiswa iktar mill-fidda jew mid-deheb. Din l-għotja tinvolvi ħafna iktar minn saħħa mġedda. Hija l-opportunità biex jindmu, biex dnubiethom jitħassrulhom, u biex isiru segwaċi taʼ Ġesù Kristu, “il-Mexxej Magħżul” minn Ġeħova.—Atti 3:15.

4. (a) Il-fejqan mirakoluż ħejja t-triq għal liema konfrontazzjoni? (b) Liema żewġ mistoqsijiet se nwieġbu?

4 X’jum rimarkevoli! Bniedem wieħed ġie mfejjaq fiżikament u issa setaʼ jimxi. Eluf oħrajn ngħataw l-opportunità biex jitfejqu spiritwalment sabiex ikunu jistgħu jimxu b’mod li jixraq lil Alla. (Kol. 1:9, 10) Flimkien ma’ dan, il-ġrajjiet taʼ dan il-jum ħejjew it-triq għal konfrontazzjoni bejn is-segwaċi leali taʼ Kristu u n-nies fil-poter li kienu se jipprovaw iwaqqfuhom milli jwettqu l-kmand taʼ Ġesù biex jippritkaw il-messaġġ tas-Saltna. (Atti 1:8) X’nistgħu nitgħallmu mill-metodi li ntużaw minn Pietru u Ġwanni—“rġiel komuni u taʼ ftit skola”—u mill-attitudni li wrew hekk kif taw xhieda lill-folla?b (Atti 4:13) U kif nistgħu nimitaw il-mod kif huma u d-dixxipli l-oħrajn ittrattaw mal-oppożizzjoni?

Mhux “bis-Saħħa Tagħna” (Atti 3:11-26)

5. X’nitgħallmu mill-mod kif Pietru kellem lill-folla?

5 Pietru u Ġwanni qagħdu bilwieqfa quddiem il-folla, avolja kienu jafu li xi wħud hemmhekk reċentement kienu għajtu biex Ġesù jiġi maqtul. (Mk. 15:8-15; Atti 3:13-15) Aħseb dwar il-kuraġġ li wera Pietru hekk kif iddikjara bil-qlubija li r-raġel magħtub ġie mfejjaq f’isem Ġesù. Pietru ma dgħajjifx il-messaġġ tiegħu biex jevita li jfixkel lill-folla. Bla tlaqliq iddikjara li l-folla kellha parti mir-responsabbiltà għall-mewt taʼ Kristu. Imma Pietru ma żammx f’qalbu kontra dawn in-nies, għax huma ‘ma kinux jafu x’qed jagħmlu.’ (Atti 3:17) Hu appella għalihom bħala ħutu u ffoka fuq l-aspetti pożittivi tal-messaġġ tas-Saltna. Kieku kienu lesti biex jindmu u jpoġġu l-fidi fi Kristu, kieku kienu se jirċievu “żmien taʼ serħan” mingħand Ġeħova. (Atti 3:19) Bl-istess mod, aħna rridu nkunu qalbenin u diretti meta niddikjaraw il-ġudizzju li riesaq t’Alla. Fl-istess waqt, qatt m’għandna nkunu aggressivi, ħorox, jew niġġudikaw. Minflok, inqisu lil dawk li nippritkawlhom bħala li jistgħu jkunu ħutna, u bħal Pietru, niffokaw speċjalment fuq l-aspetti pożittivi tal-messaġġ tas-Saltna.

6. Pietru u Ġwanni kif urew l-umiltà u l-modestja?

6 L-appostli kienu rġiel modesti. Ma ħadux il-krettu għall-għemil mirakoluż li kienu wettqu. Pietru qal lill-folla: “Għala qed tistagħġbu u qed tiċċassaw lejna? Jaqaw qed taħsbu li kien bis-saħħa tagħna jew għax naqdu lil Alla b’qalbna kollha li dan qed jimxi?” (Atti 3:12) Pietru u l-appostli l-oħrajn kienu jafu li kwalunkwe ġid li wettqu fil-ministeru tagħhom kien grazzi għall-qawwa t’Alla u mhux tagħhom stess. Minħabba f’hekk, bil-modestja dderiġew lejn Ġeħova u Ġesù t-tifħir kollu għal dak li wettqu.

7, 8. (a) Liema għotja nistgħu noffru lin-nies? (b) Il-wegħda li ġej “żmien li jitranġa kollox” kif qed titwettaq illum?

7 Aħna rridu nuru modestja simili hekk kif nieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna. Huwa minnu li l-ispirtu t’Alla ma jagħtix lill-Kristjani taʼ żmienna l-qawwa biex iwettqu fejqan mirakoluż. Minkejja dan, nistgħu ngħinu lin-nies jiżviluppaw il-fidi f’Alla u fi Kristu u jirċievu l-istess għotja li offra Pietru—l-opportunità li jinħafrulhom dnubiethom u li jirċievu s-serħan mingħand Ġeħova. Kull sena, mijiet t’eluf jaċċettaw din l-offerta u jsiru dixxipli mgħammdin taʼ Kristu.

8 Jidher ċar li aħna qegħdin ngħixu fiż-żmien li Pietru rrefera għalih “żmien li jitranġa kollox.” Is-Saltna t’Alla bdiet tmexxi fis-sema fis-sena 1914, u b’hekk twettqu il-profeziji li “Alla tkellem dwar dan iż-żmien permezz tal-profeti leali tiegħu tal-passat.” (Atti 3:21; Salm 110:1-3; Dan. 4:16, 17) Ftit wara dan, Kristu għen lid-dixxipli tiegħu jirranġaw il-qima vera fuq l-art. B’riżultat taʼ dan, miljuni taʼ wħud iddaħħlu f’ġenna spiritwali, u saru sudditi tas-Saltna t’Alla. Neżgħu l-personalità qadima u mħassra u ‘libsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla.’ (Efes. 4:22-24) Bħal fil-każ tal-fejqan tat-tallab magħtub, dan ix-xogħol tal-għaġeb ma twettaqx bl-isforzi umani, imma bl-ispirtu t’Alla. Bħal Pietru, aħna rridu nużaw il-Kelma t’Alla bil-qlubija u b’mod effettiv biex ngħallmu lil oħrajn. Kwalunkwe suċċess li jistaʼ jkollna f’li ngħinu lin-nies isiru dixxipli taʼ Kristu jsir bil-qawwa t’Alla u mhux b’tagħna stess.

“Ma Nistgħux Nieqfu Nitkellmu” (Atti 4:1-22)

9-11. (a) Il-mexxejja Lhud kif irreaġixxew għall-messaġġ taʼ Pietru u Ġwanni? (b) L-appostli xi ddeċidew li jagħmlu?

9 Id-diskors taʼ Pietru u r-raġel li qabel kien magħtub u li issa kien qed jaqbeż u jgħajjat ikkaġunaw għagħa kbira. Bi tweġiba, il-kmandant tat-tempju—maħtur biex jieħu ħsieb is-sigurtà tal-inħawi tat-tempju—u l-qassisin ewlenin marru jiġru biex jaraw x’kien ġara. Dawn l-irġiel x’aktarx li kienu Sadduċej, setta sinjura u politikament potenti. Din ħadmet biex ikun hemm relazzjonijiet paċifiċi mar-Rumani, ċaħdet il-liġi orali li l-Fariżej tant kienu jħobbuha, u waqqgħet għaċ-ċajt it-twemmin fl-irxoxt.c Kemm ħassewhom irritati meta sabu lil Pietru u lil Ġwanni fit-tempju, jgħallmu bil-qlubija li Ġesù kien ġie rxoxtat!

10 L-opponenti rrabjati tefgħu lil Pietru u lil Ġwanni l-ħabs u l-għada kaxkruhom quddiem il-qorti superjuri Lhudija. Mill-ħarsa tal-ħakkiema li ħassew li kienu ħafna iktar superjuri, Pietru u Ġwanni kienu “rġiel komuni u taʼ ftit skola” u ma kellhom ebda dritt jgħallmu fit-tempju. Ma kienu studjaw f’ebda skola reliġjuża rinomata. Però, id-diskors dirett tagħhom u l-konvinzjoni tagħhom ġiegħlu lill-qorti tistgħaġeb bihom. Pietru u Ġwanni għala kienu daqstant effettivi? Raġuni waħda kienet li “kienu jkunu ma’ Ġesù.” (Atti 4:13) Sidhom kien għallem b’awtorità vera, mhux bħall-iskribi.—Mt. 7:28, 29.

11 Il-qorti ordnat lill-appostli biex jieqfu jippritkaw. F’dik is-soċjetà, il-qorti kellha awtorità kbira. Ftit ġimgħat biss qabel, meta Ġesù kien quddiem l-istess ġemgħa, il-membri tagħha kienu qalu li Ġesù kien “ħaqqu l-mewt.” (Mt. 26:59-66) Xorta waħda, Pietru u Ġwanni ma kinux intimidati. Bilwieqfa quddiem dawn l-irġiel għonja, t’edukazzjoni għolja, u taʼ influwenza kbira, Pietru u Ġwanni bla biżaʼ imma b’rispett iddikjaraw: “Araw intom jekk hux sewwa f’għajnejn Alla li nobdu lilkom minflok lilu. Imma aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.”—Atti 4:19, 20.

IL-QASSIS IL-KBIR U L-QASSISIN EWLENIN

Il-qassis il-kbir kien jirrappreżenta lil niesu quddiem Alla. Fi żmien Ġesù u l-appostli, hu kien ukoll il-kap tas-Sinedriju. Miegħu kien ikun hemm il-qassisin ewlenin li kienu l-mexxejja tal-Lhud. Fosthom kien hemm uħud li qabel kienu qassisin kbar, bħal Anna, u rġiel oħrajn tal-familji—forsi erbaʼ jew ħames familji biss—li minnhom kienu jintgħażlu l-qassisin il-kbar. “Is-sempliċi fatt li dak li jkun kien jappartjeni lil waħda mill-familji privileġġati,” kiteb l-istudjuż Emil Schürer, “żgur li kien jagħmel distinzjoni partikulari” fost il-qassisin.

L-Iskrittura tindika li l-qassisin il-kbar kienu jaqdu tul ħajjithom kollha. (Num. 35:25) Madankollu, matul il-perijodu li jkopri l-ktieb tal-​Atti, gvernaturi Rumani u slaten, li kienu jaħkmu taħt l-awtorità taʼ Ruma, ħatru u neħħew il-qassisin il-kbar kif kien ifettlilhom. Iżda, donnu jidher li dawn il-ħakkiema pagani għażlu lil dawk li kienu jaħtru mil-linja taʼ qassisin dixxendenti t’Aron.

12. X’jistaʼ jgħinna niżviluppaw il-kuraġġ u l-konvinzjoni?

12 Kapaċi int turi kuraġġ simili? Kif tħossok meta jkollok l-opportunità biex tagħti xhieda lill-għonja, lil dawk t’edukazzjoni għolja, jew lil dawk taʼ influwenza kbira fil-komunità tiegħek? Xi ngħidu jekk membri tal-familja, sħabek tal-iskola, jew sħabek tax-xogħol iwaqqgħuk għaċ-ċajt minħabba t-twemmin tiegħek? Tħossok intimidat? Jekk iva, int tistaʼ tegħleb sentimenti bħal dawn. Waqt li kien fuq l-art, Ġesù għallem lill-appostli kif jiddefendu t-twemmin tagħhom b’kunfidenza u b’rispett. (Mt. 10:11-18) Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù wiegħed lid-dixxipli tiegħu li kien se jkompli jkun magħhom “sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.” (Mt. 28:20) Taħt id-direzzjoni taʼ Ġesù, il-klassi tal-ilsir taʼ żmienna tgħallimna kif niddefendu t-twemmin tagħna. (Mt. 24:45-47; 1 Pt. 3:15) Dan isir bl-istruzzjoni li ningħataw fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, bħal pereżempju fil-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna. Ukoll, permezz taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja bħall-artikli “Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin” li nsibu fuq il-website jw.org. Qed tagħmel użu tajjeb minn dawn il-provvedimenti? Jekk tagħmel hekk, il-kuraġġ u l-konvinzjoni tiegħek se jiżdiedu. U, bħall-appostli, ma se tħalli xejn iwaqqfek milli titkellem dwar il-veritajiet spiritwali meraviljużi li rajt u smajt.

Oħt tagħti xhieda lil waħda li taħdem magħha.

Tħalli xejn iwaqqfek milli titkellem dwar il-veritajiet spiritwali meraviljużi li tgħallimt

“Huma Talbu lil Alla Flimkien” (Atti 4:23-31)

13, 14. Jekk niffaċċjaw l-oppożizzjoni, x’għandna nagħmlu, u għala?

13 Immedjatament wara li nħelsu mill-ħabs, Pietru u Ġwanni ltaqgħu mal-kumplament tal-kongregazzjoni. Flimkien, “huma talbu lil Alla” għall-kuraġġ biex jibqgħu jippritkaw. (Atti 4:24) Pietru kien jaf tajjeb kemm hu taʼ bluha li tafda fil-qawwa persunali tiegħek meta tkun qed tipprova tagħmel ir-rieda t’Alla. Ftit ġimgħat biss qabel, hu b’fiduċja fih innifsu qal lil Ġesù: “Anki jekk l-oħrajn jabbandunawk, jien qatt mhu se nabbandunak!” Però, bħalma bassar Ġesù, Pietru ma damx ma ċeda għall-biża’ mill-bniedem u ċaħad lill-ħabib u għalliem tiegħu. Madankollu, Pietru tgħallem mill-iżball tiegħu.—Mt. 26:33, 34, 69-75.

14 Id-determinazzjoni waħedha mhix se ssostnik hekk kif twettaq l-inkarigu tiegħek biex tkun xhud taʼ Kristu. Meta l-opponenti jipprovaw ikissru l-fidi tiegħek jew iwaqqfuk milli tipprietka, segwi l-eżempju taʼ Pietru u Ġwanni. Itlob lil Ġeħova għas-saħħa. Fittex l-appoġġ tal-kongregazzjoni. Għid lill-anzjani u lil oħrajn li huma maturi dwar id-diffikultajiet li tiffaċċja. It-talb t’oħrajn jistaʼ jkun forza qawwija li ssostnik.—Efes. 6:18; Ġak. 5:16.

15. Dawk li darba waqfu milli jippritkaw, għala jistgħu jagħmlu l-qalb?

15 Jekk darba ċedejt għall-pressjoni u waqaft milli tipprietka għal xi żmien, agħmel il-qalb. Ftakar, l-appostli kollha waqfu milli jippritkaw għal xi żmien wara l-mewt taʼ Ġesù, imma ma damux ma reġgħu kienu attivi. (Mt. 26:56; 28:10, 16-20) Minflok ma tħalli żbalji tal-passat itaqqluk, tistaʼ int titgħallem mill-esperjenza u tuża l-lezzjonijiet li tgħallimt biex issaħħaħ lil oħrajn?

16, 17. X’nistgħu nitgħallmu mit-talba li offrew is-segwaċi taʼ Kristu f’Ġerusalemm?

16 Għal xiex għandna nitolbu meta dawk fl-awtorità jaħqruna? Innota, jekk jogħġbok, li d-dixxipli ma talbux biex jiġu meħlusin milli jiffaċċjaw il-provi. Huma ftakru sew l-istqarrija taʼ Ġesù: “Jekk ippersegwitaw lili, se jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Ġw. 15:20) Minflok, dawn id-dixxipli leali talbu lil Ġeħova biex ‘jagħti kas’ it-theddid tal-opponenti. (Atti 4:29) Id-dixxipli raw b’mod ċar l-istampa kollha, u għarfu li l-persekuzzjoni li ffaċċjaw kienet fil-fatt twettiq taʼ profezija. Kienu jafu li, bħalma Ġesù kien għallimhom jitolbu, ir-rieda t’Alla kienet ‘ħa ssir fuq l-art,’ jgħidu x’jgħidu s-sempliċi ħakkiema umani.—Mt. 6:9, 10.

17 Sabiex jagħmlu r-rieda t’Alla, id-dixxipli talbu lil Ġeħova: “Għin lilna, l-ilsiera tiegħek, biex nibqgħu nippritkaw bil-kuraġġ.” X’kienet it-tweġiba immedjata taʼ Ġeħova? “Il-post fejn kienu miġburin theżżeż, u l-ispirtu qaddis ġie fuqhom kollha u bdew jippritkaw il-kelma t’Alla bil-kuraġġ.” (Atti 4:29-31) Xejn ma jistaʼ jwaqqaf lir-rieda t’Alla milli titwettaq. (Is. 55:11) Tidher kemm tidher impossibbli s-sitwazzjoni, u jkun kemm ikun setgħan l-opponent, jekk nitolbu lil Alla, nistgħu nkunu ċerti li hu se jagħtina l-qawwa biex nibqgħu nitkellmu l-kelma tiegħu bil-kuraġġ.

Irridu Nagħtu Kont lil Alla, Mhux lill-Bnedmin (Atti 4:32–5:11)

18. Il-membri tal-kongregazzjoni f’Ġerusalemm x’għamlu għal xulxin?

18 Il-kongregazzjoni li kienet għadha kif ġiet stabbilita f’Ġerusalemm ma damitx ma kibret għal iktar minn 5,000 membru.d Minkejja l-isfondi differenti tagħhom, id-dixxipli kellhom “jaħsbuha l-istess.” Kienu magħqudin b’fehma waħda u bi ħsieb wieħed. (Atti 4:32; 1 Kor. 1:10) Id-dixxipli għamlu iktar milli sempliċement talbu lil Ġeħova biex ibierek l-isforzi tagħhom. Appoġġaw lil xulxin spiritwalment u, meta kien neċessarju, materjalment. (1 Ġw. 3:16-18) Pereżempju, id-dixxiplu Ġużeppi, li l-appostli semmewh ukoll Barnaba, biegħ biċċa art li kienet tiegħu u bla egoiżmu ta l-ammont kollu bħala donazzjoni. Dan għamlu biex jgħin lil dawk minn pajjiżi mbegħdin idumu iżjed f’Ġerusalemm ħalli jkunu jistgħu jitgħallmu iktar dwar il-fidi l-ġdida tagħhom.

19. Ġeħova għala qatel lil Ananija u lil Safira?

19 Koppja jisimhom Ananija u Safira wkoll biegħu biċċa proprjetà u taw kontribuzzjoni. Għamlu tabirruħhom li kienu taw l-ammont kollu; madankollu, ‘żammew xi flus milli qalgħu.’ (Atti 5:2) Ġeħova ma qatilx lil din il-koppja għax l-ammont li taw ma kienx biżżejjed, imma għax il-motiv tagħhom biex jagħtu kien mill-agħar u kienu qarrieqa. Huma ‘ma gidbux lill-bnedmin biss, imma lil Alla wkoll.’ (Atti 5:4) Bħall-ipokriti li kkundanna Ġesù, Ananija u Safira kienu iktar konċernati dwar li jiksbu l-glorja mill-bnedmin milli jiksbu l-approvazzjoni t’Alla.—Matt. 6:1-3.

20. Liema lezzjonijiet nitgħallmu dwar dak li nagħtu lil Ġeħova?

20 Bi spirtu ġeneruż bħal dak tad-dixxipli leali f’Ġerusalemm tal-ewwel seklu, miljuni taʼ Xhieda llum jappoġġaw ix-xogħol tal-ippritkar taʼ madwar id-dinja billi jagħmlu donazzjonijiet volontarji. Ħadd mhu sforzat biex jagħti minn ħinu jew minn flusu biex jappoġġa dan ix-xogħol. Tabilħaqq, Ġeħova ma jridniex naqduh kontra qalbna jew bilfors. (2 Kor. 9:7) Meta nagħtu, Ġeħova mhuwiex interessat fl-ammont, imma fil-motiv tagħna. (Mk. 12:41-44) Qatt ma rridu nkunu bħal Ananija u Safira, billi nħallu s-servizz tagħna lil Alla jkun imqanqal minn interess persunali jew tfittxija għall-glorja. Minflok, bħal Pietru, Ġwanni, u Barnaba, jalla s-servizz tagħna lil Ġeħova jkun dejjem motivat minn imħabba ġenwina għal Alla u għall-proxxmu tagħna.—Mt. 22:37-40.

PIETRU—MINN SAJJIED GĦAL APPOSTLU DINAMIKU

Pietru hu identifikat b’ħames ismijiet fl-Iskrittura. Hu magħruf bħala Simgħon bl-Ebrajk u l-ekwivalenti Grieg tiegħu, Xmun, u bħala Pietru u l-ekwivalenti Semitiku tiegħu, Kefa. L-appostlu hu identifikat ukoll bħala Xmun Pietru, żewġ ismijiet flimkien.—Mt. 10:2; Ġw. 1:42; Atti 15:14.

L-appostlu Pawlu qed iġorr il-ħut.

Pietru kien miżżewweġ u kien jgħix mal-kunjata u maʼ ħuh. (Mk. 1:29-31) Kien sajjied minn Betsajda, belt lejn in-naħa tat-Tramuntana tal-Baħar tal-Galilija. (Ġw. 1:44) Iktar tard kien jgħix f’Kafarnahum, post fil-viċin. (Lq. 4:31, 38) Kien fid-dgħajsa taʼ Pietru li Ġesù qagħad bilqiegħda meta indirizza lil folla taʼ nies li nġabret fuq ix-xatt tal-Baħar tal-Galilija. Immedjatament wara, fi qbil mad-direzzjoni taʼ Ġesù, Pietru tellaʼ qabda mirakoluża taʼ ħut. Pietru niżel għarkopptejh bil-biżaʼ, imma Ġesù qallu: “Tibqax tibżaʼ. Minn issa ’l quddiem int se taqbad nies ħajjin.” (Lq. 5:1-11) Pietru kien jistad maʼ ħuh Indrì, kif ukoll maʼ Ġakbu u Ġwanni. L-erbgħa li huma abbandunaw in-negozju tas-sajd tagħhom meta aċċettaw l-istedina taʼ Ġesù biex isiru segwaċi tiegħu. (Mt. 4:18-22; Mk. 1:16-18) Madwar sena wara, Pietru kien fost it-12 li Ġesù għażel biex ikunu l-“appostli” tiegħu, kelma li tfisser “uħud mibgħutin.”—Mk. 3:13-16.

Ġesù għażel lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni biex imorru miegħu f’okkażjonijiet speċjali. Huma raw it-trasfigurazzjoni taʼ Ġesù, rawh jirxoxta lit-tifla taʼ Ġajru, u tnikktu miegħu fil-ġnien taʼ Ġetsemani. (Mt. 17:1, 2; 26:36-46; Mk. 5:22-24, 35-42; Lq. 22:39-46) L-istess tlieta, flimkien maʼ Indrì, staqsew lil Ġesù rigward is-sinjal tal-preżenza tiegħu.—Mk. 13:1-4.

Pietru kien dirett, dinamiku, u kultant impulsiv. Jidher li spiss kien jitkellem qabel sħabu. L-Evanġelji jirrapportaw kliem Pietru iktar spiss mill-kliem tal-11-il appostlu l-oħrajn flimkien. Pietru qajjem mistoqsijiet filwaqt li l-oħrajn baqgħu siekta. (Mt. 15:15; 18:21; 19:27-29; Lq. 12:41; Ġw. 13:36-38) Hu kien il-wieħed li oġġezzjona meta Ġesù ried jaħsillu saqajh u mbagħad, wara li ġie mwiddeb, staqsa lil Ġesù biex jaħsillu wkoll idejh u rasu!—Ġw. 13:5-10.

Sentimenti qawwijin qanqlu lil Pietru biex jipprova jipperswadi lil Ġesù li Hu ma kienx se jkollu jbati u jinqatel. Ġesù b’mod sod ikkoreġieh għal dan in-nuqqas taʼ ġudizzju tajjeb. (Mt. 16:21-23) Matul l-aħħar lejl taʼ Ġesù fuq l-art, Pietru ddikjara li avolja l-appostli l-oħrajn kollha għandhom mnejn jabbandunaw lil Ġesù, hu qatt ma kien se jabbandunah. Meta l-għedewwa taʼ Ġesù arrestawh, il-kuraġġ qanqal lil Pietru biex jiddefendi lil Ġesù bis-sejf u iktar tard biex isegwih saħansitra fil-bitħa tal-qassis il-kbir. Però, ftit wara, Pietru ċaħad lil Sidu tliet darbiet, u mbagħad beka biki taʼ mrar meta rrealizza x’kien għamel.—Mt. 26:31-35, 51, 52, 69-75.

Ftit qabel ma Ġesù deher għall-ewwel darba lill-appostli tiegħu fil-Galilija wara l-irxoxt tiegħu, Pietru ħabbar li kien sejjer jistad, u xi appostli oħrajn marru miegħu. Xħin għaraf lil Ġesù fuq ix-xatt, Pietru b’mod impulsiv qabeż fl-ilma u għam sax-xatt. Waqt li kielu l-ħut li Ġesù kien sajjar għall-appostli tiegħu, Ġesù staqsa lil Pietru jekk kienx iħobbu iktar minn “dawn”—jiġifieri, il-ħut li kien hemm quddiemhom. Ġesù kien qed iħeġġeġ lil Pietru biex jagħżel li jsegwih full-time minflok ma jfittex karriera, bħan-negozju tas-sajd.—Ġw. 21:1-22.

Bejn is-sena 62 u s-sena 64 WK, Pietru pprietka l-aħbar tajba f’Babilonja, fl-Iraq taʼ żmienna, fejn kien hemm popolazzjoni Lhudija kbira. (1 Pt. 5:13) F’Babilonja, Pietru kiteb l-ewwel u possibbilment it-tieni miż-żewġ ittri ispirati li jġibu ismu. Ġesù fada lil Pietru bil-“qawwa meħtieġa biex ikun appostlu tan-nies ċirkonċiżi.” (Gal. 2:8, 9) Pietru wettaq l-inkarigu tiegħu bil-mogħdrija u l-ħeġġa.

ĠWANNI—ID-DIXXIPLU LI ĠESÙ KIEN IĦOBB

L-appostlu Ġwanni kien bin Żebedew u ħu l-appostlu Ġakbu. Jidher li isem ommu kien Salomè, li possibbilment kienet oħt Marija, omm Ġesù. (Mt. 10:2; 27:55, 56; Mk. 15:40; Lq. 5:9, 10) Allura Ġwanni għandu mnejn kien qarib taʼ Ġesù. Jidher li l-familja taʼ Ġwanni kienet prospera materjalment. In-negozju tas-sajd taʼ Żebedew kien kbir biżżejjed biex ikollu l-lavranti. (Mk. 1:20) Salomè akkumpanjat lil Ġesù, għenitu meta kien fil-Galilija, u iktar tard ħadet fwejjaħ aromatiċi biex tħejji l-ġisem taʼ Ġesù għad-difna. (Mk. 16:1; Ġw. 19:40) Ġwanni probabbilment kellu d-dar tiegħu stess.—Ġw. 19:26, 27.

L-appostli Ġwanni qed iżomm skroll.

Ġwanni x’aktarx li kien id-dixxiplu taʼ Ġwanni l-Għammied li kien bilwieqfa maʼ Indrì meta Ġwanni l-Għammied ħares lejn Ġesù u qal: “Hawn hu l-Ħaruf t’Alla!” (Ġw. 1:35, 36, 40) Wara din l-introduzzjoni, milli jidher Ġwanni bin Żebedew mar maʼ Ġesù lejn Kana u ra b’għajnejh stess l-ewwel miraklu taʼ Ġesù. (Ġw. 2:1-11) Il-mod ċar u dettaljat li bih Ġwanni jiddeskrivi l-attività taʼ wara taʼ Ġesù f’Ġerusalemm, fis-Samarija, u l-Galilija jagħti x’jifhem li l-kittieb tal-Evanġelju għandu mnejn ra wkoll dawn il-ġrajjiet. Il-fatt li Ġwanni—bħal Ġakbu, Pietru, u Indrì—kien lest li jabbanduna x-xbieki tas-sajd, id-dgħajsa, u l-għajxien tiegħu meta Ġesù sejjaħlu biex ikun segwaċi tiegħu juri kemm Ġwanni kellu fidi.—Mt. 4:18-22.

Ġwanni ma jidhirx b’mod prominenti daqskemm jidher Pietru fir-rakkonti tal-Evanġelju. Madankollu, Ġwanni wkoll kellu personalità vigoruża, bħalma jidher fl-isem li Ġesù ta lilu u lil ħuh Ġakbu—Boanerġes, li jfisser “it-Tfal tar-Ragħad.” (Mk. 3:17) Għall-ewwel, Ġwanni ried il-prominenza, tant li hu u ħuh qabbdu lil ommhom tistaqsi lil Ġesù biex jagħti lil uliedha l-aħjar pożizzjonijiet fis-Saltna tiegħu. Filwaqt li din ix-xewqa kienet egoistika, kienet ukoll evidenza tal-fidi tagħhom fir-realtà tas-Saltna. L-ambizzjoni taʼ dawn l-aħwa tat lil Ġesù opportunità biex iwiddeb lill-appostli tiegħu kollha rigward il-bżonn tal-umiltà.—Mt. 20:20-28.

Ġwanni wera l-karattru sod tiegħu meta pprova jwaqqaf lil ċertu raġel, li ma kienx wieħed mis-segwaċi taʼ Ġesù, milli jkeċċi d-demonji f’isem Ġesù. F’okkażjoni oħra, Ġwanni kien lest li jgħid lin-nar jinżel mis-sema biex jeqred lill-abitanti taʼ raħal Samaritan li m’aġixxewx meta Ġesù bagħat xi messaġġiera biex jagħmlu xi tħejjijiet għalih. Għal dawn ir-reazzjonijiet, Ġesù ċanfar lil Ġwanni. Evidentement, hekk kif għadda ż-żmien, Ġwanni żviluppa l-bilanċ u l-ħniena li darba donnhom kienu neqsin fih. (Lq. 9:49-56) Madankollu, minkejja n-nuqqasijiet tiegħu, Ġwanni kien “id-dixxiplu li Ġesù kien iħobb.” B’hekk, meta Ġesù kien se jmut, hu fada lil ommu stess, Marija, fil-ħarsien taʼ Ġwanni.—Ġw. 19:26, 27; 21:7, 20, 24.

Ġwanni għex iktar mill-appostli l-oħrajn, sewwasew bħalma Ġesù kien ipprofetizza li se jagħmel. (Ġw. 21:20-22) Ġwanni qeda lil Ġeħova fedelment għal xi 70 sena. Lejn it-tmiem taʼ ħajtu, matul ir-renju tal-imperatur Ruman Domizjanu, Ġwanni ġie eżiljat fuq il-gżira taʼ Patmos ‘talli tkellem dwar Alla u xehed dwar Ġesù.’ Hemmhekk, madwar is-sena 96 WK, Ġwanni rċieva l-viżjonijiet li niżżel bil-miktub fil-ktieb tar-Rivelazzjoni. (Riv. 1:1, 2, 9) Skont it-tradizzjoni, wara li nħeles, Ġwanni mar Efesu, fejn kiteb l-Evanġelju li jġorr ismu u l-ittri magħrufin bħala l-1, it-2, u t-3 Ġwanni, u miet f’Efesu madwar is-sena 100 WK.

a It-talb kien jiġi offrut fit-tempju flimkien mas-sagrifiċċji taʼ filgħodu u taʼ filgħaxija. Is-sagrifiċċju taʼ filgħaxija kien isir “madwar it-tlieta taʼ waranofsinhar,” jew fid-disaʼ siegħa.

b Ara l-kaxxi “Pietru—Minn Sajjied għal Appostlu Dinamiku” u “Ġwanni—Id-Dixxiplu li Ġesù Kien Iħobb.”

c Ara l-kaxxa “Il-Qassis il-Kbir u l-Qassisin Ewlenin.”

d Għandu mnejn kien hemm biss xi 6,000 Fariżew u numru iżgħar taʼ Sadduċej f’Ġerusalemm fis-sena 33 WK. Dan jistaʼ jindika raġuni oħra għala dawn iż-żewġ gruppi ħassewhom dejjem iktar mheddin mit-tagħlim taʼ Ġesù.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja