Inxerrdu l-Fwieħa tal-Għarfien t’Alla
“Ħajr lil Alla li dejjem imexxina f’purċissjoni trijonfali f’kumpanija mal-Kristu u jagħmel il-fwieħa tal-għarfien tiegħu tinxtamm permezz tagħna f’kull post!”—2 KORINTIN 2:14.
1. Liema fwieħa qed niddiskutu hawn u kif għandu jitqies il-privileġġ li nxerrduha?
XOMM, xomm! M-m-m-m! Qed ixxommha r-riħa tfuħ? Hawn mhux qed nirreferu għall-fwieħa taʼ fjuri li qed jiftħu imma, minflok, għal fwieħa figurattiva ħierġa mill-aqwa kitbiet fuq l-art. Dawn il-kitbiet m’humiex dawk li joriġinaw minn sempliċi bnedmin imma huma l-bukkett figurattiv imnebbaħ minn Dak li ħalaq ukoll il-fjuri jfuħu li jżejnu l-art. Il-privileġġ li nxerrdu din il-fwieħa tal-għarfien t’Alla huwa teżor kbir. Iva, huwa servizz li huwa b’mod speċjali taʼ valur—li mhux fil-pussess taʼ kulħadd, ma jappartjenix lill-bnedmin inġenerali.
2. Id-dixxipli taʼ Kristu meta bdew ixerrdu fwieħa figurattiva, u b’liema riżultat?
2 Dan it-teżor prezzjuż ġie mogħti lid-dixxipli taʼ Kristu meta ġew introdotti għal servizz attiv għal Alla Jehovah fil-jum taʼ Pentekoste fis-sena 33 tal-Era Komuni tagħna. Mimlijin bl-ispirtu qaddis, huma bdew ixerrdu fwieħa figurattiva, billi jfissru “l-affarijiet manjifiċi t’Alla.” (Atti 2:l-4, 11) Permezz tagħhom il-fwieħa tal-għarfien t’Alla kienet se tmur għand oħrajn, mhux biss għand Lhud naturali ċirkonċiżi imma wkoll għand ġnus, tribujiet, popli u ilsna mhux ċirkonċiżi. (Atti 10:34, 35) Id-dixxipli veri ħarsu lejn dan is-servizz bħala iktar taʼ valur minn kull ġid materjali li n-nies igeddsu għalihom infushom.
3. Sa liema punt qed jitwettaq ix-xogħol taʼ tixrid tal-fwieħa tal-għarfien t’Alla, u x’mistoqsija għandna bżonn nistaqsu lilna nfusna?
3 Illum, ix-xogħol grandjuż taʼ tixrid tal-fwieħa tal-għarfien t’Alla qed jitwettaq mal-art kollha—fuq skala akbar minn qatt qabel fl-istorja umana. Jinvolvi għoti taʼ xiehda lill-bnedmin kollha dwar is-Saltna t’Alla li issa hi stabbilita taħt is-Sultan maħtur tiegħu, Ġesù Kristu. (Mattew 6:10; Atti 1:8) Tqis int is-servizz taʼ riklamar għas-Sultan u s-Saltna tiegħu bħala teżor imprezzabbli? Ġesù Kristu, li fetaħ l-ippridkar tal-aħbar tajba taʼ dik is-Saltna, apprezzah b’dak il-mod, billi waqqaf il-mudell.—Mattew 4:17; 6:19-21.
Infewħu t-Triq tal-Purċissjoni Trijonfanti
4. Skond it-2 Korintin 2:14, Alla kif qiegħed issa jiggwida lill-qaddejja tiegħu fuq l-art, u għal liema drawwa antika jalludi l-kliem taʼ Pawlu?
4 Li naqdu ’l Alla għala hi xi ħaġa imprezzabbli? Raġuni waħda hi li saħansitra issa dawk li jaqdu lil Jehovah għandhom il-privileġġ tal-għaġeb li qed jiġu mmexxijin minn Alla f’purċissjoni trijonfali u grandjuża. Skond in-New International Version, 2 Korintin 2:14 igħid: “Grazzi ’l Alla, li dejjem imexxina f’purċissjoni trijonfali fi Kristu u permezz tagħna jxerred maʼ kullimkien il-fwieħa tal-għarfien tiegħu [“jagħmel il-għarfien tagħna dwaru jinxtered mad-dinja kollha bħal fwieħa sabiħa!” Phillips].” Dawk il-kelmiet tal-appostlu Pawlu jidhru li jalludu għal drawwa antika li jsiru purċissjonijiet taʼ rebħa.a
5, 6. (a) X’kien jiġri matul il-purċissjonijiet trijonfali taʼ Ruma tal-qedem, u l-fwieħa ħelwa x’kienet tissinjifika għal uħud differenti? (b) X’inhi l-applikazzjoni spiritwali tat-tixbieha fit-2 Korintin 2:14-16?
5 Fi żmien ir-repubblika Rumana, wieħed mill-akbar unuri li s-Senat setaʼ jagħti lil xi ġeneral rebbieħ kien li jħalluh jiċċelebra r-rebħa tiegħu b’purċissjoni trijonfali li kienet tqum ħafna flus. Il-purċissjoni Rumana kienet timxi bil-mod ġewwa Via Triumphalis u minn ġot-telgħa mserrpa lejn it-tempju taʼ Ġupiter fuq il-quċċata tal-Għolja Kapitolana. Is-slaten, prinċpijiet, u ġenerali li kienu jittieħdu rsiera fil-gwerra, flimkien maʼ wliedhom u l-qaddejja tagħhom, kienu jiġu mmexxijin bil-ktajjen, taʼ spiss imneżżgħin, għall-umiljazzjoni u l-mistħija tagħhom.
6 Hekk kif il-purċissjoni kienet tgħaddi minn ġol-belt taʼ Ruma, in-nies kienu jitfgħu l-fjuri quddiem il-karru tar-rebbieħ, u jaħarqu nċens ifuħ mat-triq kollha. Din il-fwieħa ħelwa kienet tissinjifika unuri u ħajja iżjed fis-sigurtà għas-suldati rebbieħa. Imma kienet tissinjifika mewt għall-irsiera bla maħfra li kienu jingħataw l-esekuzzjoni fi tmiem il-purċissjoni. Dan jitfaʼ dawl fuq l-applikazzjoni spiritwali taʼ Pawlu tat-tixbieha fit-2 Korintin 2:14-16. Dik l-istampa tippreżenta lil Pawlu u lil Kristjani sħabu bħala sudditi devoti t’Alla, “f’kumpanija maʼ Kristu,” ilkoll mexjin wara l-korteo rebbieħ t’Alla u jiġu mmexxijin minnU f’purċissjoni trijonfali grandjuża minn go triq imfewħa.
Il-Fwieħa tal-Ħajja u r-Riħa tal-Mewt
7, 8. (a) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif qed ixerrdu l-fwieħa ħelwa tal-għarfien t’Alla? (b) Hekk kif ix-Xhieda jferrxu l-fwieħa figurattiva x’inhi r-reazzjoni taʼ dawk li qed jiġu salvati? (ċ) X’reazzjoni hemm minn dawk li qed igħibu?
7 Billi jxerrdu barra l-pajjiż kullimkien il-veritajiet tal-Bibbja rigward is-Saltna t’Alla taħt Kristu, ix-Xhieda taʼ Jehovah qed ixerrdu, juru, u jagħmlu manifest kullimkien il-fwieħa ħelwa tal-għarfien taʼ dak Alla taʼ grazzja li l-verità tiegħu ħelsithom mir-reliġjon falza. Huma jimmarċjaw b’mod trijonfali ’l quddiem fis-servizz taʼ Jehovah. L-offerti tagħhom taʼ servizz bħala Xhieda tiegħu u tas-Sultan tiegħu huma bħal inċens pjaċevoli għal Jehovah. B’hekk, nistgħu napprezzaw x’ried ifisser l-appostlu meta qal: “Għal Alla aħna riħa tfuħ taʼ Kristu fost dawk li qegħdin jiġu salvati u fost dawk li qegħdin igħibu; għal tal-aħħar riħa li toħroġ mill-mewt għall-mewt, għal tal-ewwel riħa li toħroġ mill-ħajja għall-ħajja [“fwieħa vitali li ġġib il-ħajja,” The New English Bible; “il-fwieħa rinfreskanti tal-ħajja nfisha,” Phillips].”−2 Korintin 2:15, 16.
8 Nies onesti b’dispożizzjoni bħal ngħaġ igħarfu l-ħlewwa tal-għarfien taʼ Jehovah kif jiġi mxerred mix-Xhieda tiegħu. Għal nies bħal dawn ix-xogħol taʼ xiehda fih ir-riħa taʼ saħħa u ħajja, taʼ verità ħajja, li tagħti l-ħajja. Huma jroddu ħajr lil Jehovah u lis-Sultan tiegħu, waqt li jingħaqdu mal-purċissjoni trijonfali tagħhom, u jgħajtu b’leħen għoli: “Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed bil-qiegħda fuq it-tron, u lill-Ħaruf.” (Rivelazzjoni 7:10) Huma jieħdu fihom l-atmosfera taʼ verità tas-Saltna, li hi fwieħa rinfreskanti taʼ ħajja li twassal għall-ħajja. Imma Satana u d-demonji tiegħu ħassru l-qawwiet tax-xamm taʼ dawk li jibqgħu mqabbdin mar-reliġjon falza, u b’hekk huma jżommu mneħirhom u bi stmerrija jirrifjutaw il-verità. Għal “dawk li qed igħibu,” il-verità u dawk li jġorruha fedelment ixerrdu riħa taʼ mewt li twassal għall-mewt. Jew kif tpoġġiha n-New International Version: “Għall-wieħed aħna r-riħa tal-mewt.” It-traduzzjoni taʼ Phillips taqra: “Għal tal-aħħar jidher bħal riħa mmewta taʼ kundanna.”
9. X’mistoqsija jistaqsi issa Pawlu, u kif tweġibha, u għala?
9 “U min hu kkwalifikat sewwa għal dawn l-affarijiet?” jistaqsi mbagħad l-appostlu. (2 Korintin 2:16) Jew fi kliem ieħor, “u min jistaʼ jkun ikkwalifikat għal xogħol bħal dan?” (The Jerusalem Bible) “U għal servizz bħal dan min hu kompetenti?” (Weymouth) It-tweġiba Skritturali hi: Ix-Xhieda taʼ Jehovah! Għala? Għax dawk biss iddedikati li huma onesti, sinċiera, u li ma jfittxu ebda qligħ egoist u li jitkellmu l-verità, b’mod ċar u mingħajr kompromess mar-reliġjon falza, huma kkwalifikati għal dan ix-xogħol taʼ tixrid tal-fwieħa tal-għarfien t’Alla.—Kolossin 1:3-6, 13; 2 Timotew 2:15.
10. Il-kleru għala ma jikkwalifikax għax-xogħol taʼ tixrid tal-fwieħa tal-għarfien t’Alla?
10 Il-kleru tal-Kristjaneżmu, li jfittxu waqfa tajba maʼ din id-dinja, jonqsu li jkunu kkwalifikati u kompetenti għal dan is-servizz mingħajr egoiżmu. Għala? Għaliex huma ma jilħqux il-ħtieġa indikata mill-istqarrija taʼ Pawlu: “M’aħniex bejjiegħa tal-kelma t’Alla bħalma huma ħafna nies, imma bis-sinċerità, iva, bħala mibgħutin minn Alla, taħt il-ħarsa t’Alla, f’kumpanija maʼ Kristu, qegħdin nitkellmu.” (2 Korintin 2:17) Jew kif tpoġġiha n-New International Version: “Kuntrarju għal ħafna, aħna ma nbigħux il-kelma t’Alla għal profitt. Għall-kuntrarju, fi Kristu nitkellmu quddiem Alla bis-sinċerità, bħal nies mibgħutin minn Alla.”
11, 12. (a) Ix-Xhieda għala m’humiex “bejjiegħa tal-kelma t’Alla” meta jaċċettaw donazzjonijiet? (b) F’kuntrast mal-verżjoni mħallta taʼ Kristjanità mixtrija minn ħafna, ix-Xhieda taʼ Jehovah x’jippreżentaw?
11 Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma mibgħutin minn Alla, u qed jagħmlu x-xogħol taʼ xiehda tagħhom taħt il-ħarsa t’Alla. Fil-waqt li jipprovdu kotba taʼ valur u pubblikazzjonijiet oħra li jispjegaw il-Kelma t’Alla lil persuni interessati u jaċċettaw donazzjonijiet volontarji għax-xogħol taʼ ppridkar tas-Saltna mad-dinja kollha, din id-drawwa mhix bejgħ jew taħlit tal-Kelma t’Alla. Fil-fatt, dawn id-donazzjonijiet huma biss għajnuna f’li jinfirex il-għarfien t’Alla lil oħrajn.
12 Għadd kbir illum, apposta jew bla ma jafu, xtraw verżjoni mħallta taʼ Kristjanità, għax din taqbel max-xewqat egoistiċi tagħhom u ma teffettwax l-istil taʼ ħajja tagħhom. Huma jemmnu li Alla jaċċettahom minħabba li jgħidu li għandhom imħabba għalih f’qalbhom. Madankollu, meta jintwerielhom li l-Kelma t’Alla hi f’konflitt mat-twemmin u l-kondotta tagħhom, huma jgħawġu l-Iskrittura biex igħollu l-opinjonijiet persunali ’l fuq mill-fehma Biblika xierqa. (Mattew 15:8, 9; 2 Pietru 3:16) Imma x-Xhieda taʼ Jehovah jippreżentaw il-verità pura, bla taħlit mill-Bibbja, billi b’hekk jipproduċu fwieħa ħelwa u aċċettabbli għal Alla u għall-adoraturi veri tiegħu. B’dan il-mod huma jżommu ’l bogħod it-tradizzjonijiet u impedimenti reliġjużi kollha li jfixklu l-għarfien veru t’Alla.
13. Min, minbarra l-Kristjani midlukin, jinsabu fil-purċissjoni trijonfali t’Alla, u x’qegħdin jagħmlu kulfejn imorru?
13 Verament, li tkun fil-purċissjoni trijonfali t’Alla f’kumpanija maʼ Kristu hu privileġġ li m’hawnx bħalu gawdut mhux biss mill-Kristjani midlukin imma wkoll mill-“folla kbira” taʼ “ngħaġ oħra” saħansitra minn issa, għax it-trijonf tas-Saltna huwa fil-qrib. (Rivelazzjoni 7:4, 9; Ġwann l0:16) Hekk kif nantiċipaw iktar trijonfi mis-Sultan rebbieħ tagħna, kulfejn immorru, inxerrdu l-għarfien t’Alla li jagħti l-ħajja bħal fwieħa, jew inċens prezzjuż, lil dawk li qlubhom qed jixxennqu għall-verità u għat-tjieba. Xi privileġġ għal dawk ikkwalifikati għal dan ix-xogħol tal-għaġeb!—Ġwann 17:3; Kolossin 3:16, 17.
Awtorizzati biex Inkunu Fewwieħa Umani
14. Dawk li jxerrdu l-fwieħa tal-għarfien t’Alla għala m’għandhomx bżonn xi ċertifikat taʼ awtorizzazzjoni mill-bnedmin?
14 Imma għandhom bżonn dawk li jxerrdu l-fwieħa tal-għarfien t’Alla u tas-Saltna tiegħu xi diploma jew xi ċertifikat taʼ awtorizzazzjoni mill-bnedmin? Le! Aħna diġà inkarigati, jew maħturin, bħala Xhieda għal Dak il-Wieħed is-Suprem tal-univers. Għaldaqstant, m’għandniex għalfejn noqogħdu naħsbuha biex noħorġu fil-għalqa nferrxu l-fwieħa tal-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Żomm f’moħħok li Jehovah imexxina. Il-ministeru taʼ Ġesù ġie mwettaq minkejja “kliem kuntrarju minn midinbin.” (Ebrej 12:3) Iżda, ir-rakkont tal-attività fil-għalqa taʼ Ġesù, kif misjub fil-Bibbja, għadu wieqaf bħala verità, u x-xogħol tiegħu fil-għalqa jitkellem b’tifħir għalih u jappoġġjah bħala li huwa ministru veru taʼ Alla Jehovah.
15. L-appostlu Pawlu kif wera li Kristjani veri m’għandhomx bżonn taʼ “ittri taʼ rakkomandazzjoni”?
15 L-appostlu Pawlu Itaqaʼ maʼ sitwazzjoni taʼ sfida simili fi żmienu billi ppreżenta dan l-argument: “Qed nerġgħu nibdew nirrikmandaw lilua nfusna? Jew forsi, aħna, bħal xi rġiel, neħtieġu ittri taʼ rakkomandazzjoni għalikom jew mingħandkom? Intom infuskom l-ittra tagħna, minquxa fuq qlubna u magħrufa u qed tinqara mill-bnedmin kollha. Għax intom murija bħala ittra taʼ Kristu miktuba minna bħala ministri, minquxa mhux bil-linka imma bl-ispirtu taʼ Alla ħaj, mhux fuq twavel tal-ġebel, imma fuq twavel tal-laħam, fuq qlubna.”−2 Korintin 3:l-3.
16. Ix-Xhieda taʼ Jehovah liema xorta taʼ ittra jippreżentaw bħala evidenza testimonjali li l-ministeru tagħhom ġej mingħand Alla?
16 L-awtoritajiet dinjin ma jirrikonoxxux il-ħatra tagħna bħala Xhieda taʼ Jehovah. Imma ħalli x-xogħol tagħna taʼ tixrid tal-fwieħa tal-għarfien taʼ Jehovah jitkellem għalih innifsu! Dan ix-xogħol ma jistax jiġi mħassar, għalkemm xi nies jirrifjutaw li jaqraw din l-evidenza testimonjali tal-ministeru tagħna. Membri tal-kleru jippreżentaw id-dokumenti tagħhom bħala ċertifikati mill-ġemgħat klerikali li jaħkmu. Dawn, madankollu, huma biċċiet taʼ karti, il-kelma tal-bniedem. Ix-Xhieda taʼ Jehovah, minbarra li jikkwotaw appoġġ mill-Kelma t’Alla, jeżistu bħala testimonjanza tad-demm u l-laħam. Il-folla kbira taʼ ngħaġ oħra li ntlaħqu bl-aħbar tajba tas-Saltna wkoll inġabru lejn in-naħa tal-lemin tas-Sultan taʼ Jehovah. (Mattew 25:33, 34) Dawn kollha huma l-ittra taʼ rakkomandazzjoni tagħna, ittra li aħna bħala Xhieda taʼ Jehovah inġorru kullimkien fuq qlubna u fi mħuħna u nistgħu nuruha b’fiduċja. Dawk li jieħdu waqfa għas-sovranità universali t’Alla u jieħdu sehem f’li jaqdu ’l Alla f’kumpanija max-Xhieda taʼ Jehovah huma nfushom iservu bħala dokument taʼ rakkomandazzjoni li ma jistax ma jinqarax u ma jingħarafx mill-bnedmin kollha.
17. Kif inhi miktuba “l-ittra taʼ Kristu” tagħna, u Pawlu għala jgħid li hi minquxa fuq il-qlub?
17 M’għandniex xi ngħidu, dan jagħmel lir-reliġjonisti foloz inkurlati u għajjurin meta jaqrawh. Minkejja dan, il-folla kbira li dejjem tiżdied taʼ ngħaġ oħra hi ittra taʼ rakkomandazzjoni mingħand Ġesù Kristu, ir-Ragħaj mill-Aħjar, li qed juża lix-Xhieda taʼ Jehovah kollha fix-xogħol pastorali tiegħu. Aħna l-pinna, jew strument uman, li huwa juża biex jikteb din l-ittra. L-ittra mhix miktuba bil-linka li tistaʼ titħassar, imma hija minquxa bil-qawwa jew spirtu attiv t’Alla, li jaħdem fina. Mhix bħal fil-każ taʼ Mosè meta l-liġi tal-Għaxar Kmandamenti nkitbet bis-sabaʼ t’Alla fuq żewġ twavel tal-ġebel. L-ittra tagħna hi miktuba fuq twavel tal-laħam taʼ qlub umani, ladarba l-ministeru spiritwali tagħna jipproduċi bidla fil-moħħ u fil-qalb taʼ min jilqaʼ l-aħbar tajba tfuħ.
18. Liema riżultat jagħmel lil dawk li jilqgħu l-aħbar tajba ittra taʼ rakkomandazzjoni?
18 Ix-xogħol tagħna bil-Kelma t’Alla għamel impressjoni fuq dawk li b’apprezzament jilqgħu l-aħbar tajba u ġab bidliet tal-għaġeb. Id-deċiżjoni tagħhom li jaqdu lil Alla ma wrietx li kienet waqfa għal dak il-ħin biss minħabba xi tqanqil li tnissel fihom minn xi evanġelista emozzjonali. Minflok, hija tirrappreżenta trasformazzjoni permanenti tal-ħajjiet tagħhom ibbażata fuq il-veritajiet ċari daqs il-kristall tal-Bibbja Mqaddsa. Imħabba għall-veru Alla, Jehovah, tqanqalhom biex ‘jinżgħu l-personalità qadima tagħhom bix-xewqat qarrieqa tagħha u jilbsu l-personalità ġdida,’ li tesponi “l-frott tal-ispirtu.” (Efesin 4:20-24; Galatin 5:22, 23) Ir-riżultat, għalhekk, jagħmilhom ittra taʼ rakkomandazzjoni. Titkellem iktar ċar minn kwalunkwe ittra miktuba bl-idejn minna jew minn kwalunkwe organizzazzjoni viżibbli li tistaʼ tibgħatna.
19. Pawlu kif jiddeskrivi l-kwalifiki taʼ “ministri taʼ patt ġdid,” u x’effett għandu x-xogħol tagħhom fuq il-folla kbira?
19 Fit-2 Korintin 3:4-6 Pawlu jissokta: “Issa permezz tal-Kristu għandna din ix-xorta taʼ fiduċja lejn Alla. Mhux li aħna minna nfusna kkwalifikati sewwa biex inqisu xi ħaġa bħala li ħierġa minna nfusna, imma li aħna kkwalifikati sewwa joħroġ minn Alla, li tabilħaqq ikkwalifikana biex inkunu ministri taʼ patt ġdid.” Għalkemm dawk biss tal-fdal midluk huma “ministri taʼ patt ġdid,” ix-xogħol tagħhom kellu effett fuq il-folla kbira taʼ ngħaġ oħra, u għad irid jeffettwa numri bla għadd taʼ ngħaġ oħra bħal dawn li għad iridu jinġabru. Din hi l-fiduċja li x-Xhieda taʼ Jehovah kollha għandhom permezz taʼ Kristu Ġesù lejn Alla Jehovah. Il-fdal bi gratitudni jinkuraġġixxu lill-folla kbira taʼ ngħaġ oħra li jieħdu sehem b’qalb sħiħa fil-ministeru taʼ ‘kitba taʼ ittri’ li Ġesù Kristu bassar dwaru f’Mattew 24:14 u f’Mattew 28:19, 20.
20. (a) X’jindika r-rapport tal-Yearbook dwar dawk li jferrxu l-fwieħa tal-għarfien t’Alla? (b) Ilkoll kemm aħna x’nistgħu ngħidu dwar il-kwalifiki tagħna għall-ministeru tal-kitba tal-ittra?
20 Dak hu li għamlu, kif inhu evidenti mir-rapport tan-1990 Yearbook li fih ix-Xhieda taʼ Jehovah jintweraw li qed ixerrdu l-fwieħa tal-għarfien t’Alla f’212-il pajjiż. Huma għandhom iktar minn 3,787,000 pubblikaturi attivi, u s-sena l-oħra biss huma taw madwar 835,000,000 sigħat f’li jippridkaw din l-aħbar tajba tas-Saltna. Fl-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej is-sena l-oħra, 9,479,064 attendew. Kemm il-fdal midluk kif ukoll il-membri tal-folla kbira taʼ ngħaġ oħra jistgħu jgħidu: “Li aħna kkwalifikati sewwa joħroġ minn Alla.” Jew kif tpoġġiha The Jerusalem Bible: “Il-kwalifiki kollha tagħna jiġu minn Alla.”
21. X’għandna Ikoll inkunu qed nagħmlu, u għala?
21 Għalhekk, ferrxu l-fwieħa ħelwa, li tagħti l-ħajja, tal-għarfien t’Alla f’kull post! Agħmlu l-atmosfera tat-territorju tal-kongregazzjoni tagħkom mimlija bil-fwieħa tal-għarfien taʼ Jehovah. Imbagħad, bħala Ġeneral teokratiku rebbieħ, hu jmexxikom fil-purċissjoni vittorjuża tiegħu hekk kif ix-Xhieda kollha tiegħu jaqdfu ’l quddiem f’dan il-ministeru taʼ glorja taż-żmien modern!
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar dettalji, ara Insight on the Scriptures, Volum 2, paġni 1128-9, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Kif Se Twieġeb?
◻ X’tixbieha juża Pawlu fit-2 Korintin 2:14-16?
◻ X’inhu l-effett fuq oħrajn tat-tixrid tal-fwieħa tal-għarfien t’Alla?
◻ Min biss huwa kkwalifikat għal dan ix-xogħol, u għala?
◻ Il-fewwieħa umani għala ma jinħtiġux ittri taʼ rakkomandazzjoni miktubin bl-idejn għax-xogħol tagħhom?