LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w91 11/1 pp. 12-16
  • ‘Ilbsu l-Armi tad-Dawl’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Ilbsu l-Armi tad-Dawl’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Oppożizzjoni Minn Awtoritajiet Reliġjużi
  • Egoiżmu u Kburija
  • ‘Imsejħin ’il Barra mid-​Dlam’
  • ‘M’hemm l-​Ebda Dlam m’Alla’
  • Il-​Personalità Ġdida
  • “Bid-​Dawl Minnek Nistgħu Naraw id-​Dawl”
  • Dawl Mingħand Alla Jġib id-Dlam fix-Xejn!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • ‘Id-Dawl Ġie fid-Dinja’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Segwi d-Dawl tad-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Min Huma Dawk li Qegħdin Isegwu d-Dawl tad-Dinja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
w91 11/1 pp. 12-16

‘Ilbsu l-​Armi tad-​Dawl’

“Il-​lejl daħal sewwa il-​jum qorob. Ejjew għalhekk ninżgħu x-​xogħlijiet li jappartjenu lid-​dlam u ejjew nilbsu l-​armi tad-​dawl.”−RUMANI 13:12.

1, 2. Il-​Lhud tal-​ewwel seklu kif wieġbu għall-​“veru dawl,” u dan minkejja liema vantaġġi?

ĠESÙ KRISTU huwa “l-​veru dawl li jagħti dawl lil kull xorta taʼ bniedem.” (Ġwann 1:9) Meta ġie bħala l-​Messija fis-​sena 29 E.K., hu ġie għand ġens li kien ġie magħżul minn Alla biex ikunu x-​xhieda Tiegħu u li kien, tal-​anqas tal-​isem, iddedikat lil Jehovah. (Isaija 43:10) Ħafna mill-​Iżraeliti kienu qed jistennew il-​Messija, u xi wħud kienu jafu xi ftit mill-​profeziji li kellhom jidentifikawh. Iktar minn hekk, Ġesù ppriedka fil-​partijiet kollha tal-​Palestina, waqt li wettaq sinjali fil-​beraħ quddiem il-​kotriet. Folol resqu lejh biex jisimgħuh u baqgħu impressjonati b’dak li raw u semgħu.—Mattew 4:23-25; 7:28, 29; 9:32-36; Ġwann 7:31.

2 Fl-​aħħar, iżda, il-​maġġoranza tal-​Lhud ċaħduh lil Ġesù. Il-​Vanġelu taʼ Ġwanni jgħid: “Hu ġie f’daru stess, imma niesu stess ma daħħluhx ġewwa.” (Ġwann 1:11) Dan għala? It-​tweġiba għal dik il-​mistoqsija se tgħinna nevitaw li nirrepetu l-​iżball tagħhom. Se tgħinna biex “ninżgħu x-​xogħlijiet li jappartjenu lid-​dlam u . . . nilbsu l-​armi tad-​dawl,” u b’hekk nevitaw ġudizzju mhux favorevoli bħalma ġarrab Iżrael tal-​ewwel seklu.—Rumani 13:12; Luqa 19:43, 44.

Oppożizzjoni Minn Awtoritajiet Reliġjużi

3. Il-​mexxejja reliġjużi Lhud b’liema mod urew li kienu “gwidi għomja”?

3 F’Iżrael il-​mexxejja reliġjużi kienu minn taʼ quddiem f’li jiċħdu d-​dawl. Minkejja li kienu għalliema li “l-​Liġi kienu jafuha sewwa,” huma kienu imponew fuq il-​poplu sistema legalistika taʼ regolamenti li spiss kienu jikkontradixxu l-​Liġi t’Alla. (Luqa 11:45, 46) B’hekk, huma ‘għamlu l-​kelma t’Alla invalida bit-​tradizzjoni li huma għaddew lil oħrajn.’ (Mark 7:13; Mattew 23:16, 23, 24) Kienu “gwidi għomja,” li jtellfu d-​dawl milli jiddi.—Mattew 15:14.

4, 5. (a) Il-​Fariżej kif irreaġixxew meta għadd taʼ Lhud bdew jaħsbu dwar jekk Ġesù kienx il-​Messija? (b) Liema attitudni ħażina tal-​qalb kixfu li kellhom il-​Fariżej?

4 Darba minnhom meta ħafna Iżraeliti kienu qed jaħsbu dwar jekk Ġesù kienx forsi l-​Kristu, il-​Fariżej inkwetati bagħtu lil xi uffiċjali biex jarrestawh. L-​uffiċjali ġew lura b’idhom vojta, waqt li qalu: “Ebda bniedem ieħor ma qatt tkellem hekk.” Billi ma tqanqlu xejn, il-​Fariżej staqsew lill-​uffiċjali: “Ma ġejtux żvijati intom ukoll, hux tassew? L-​ebda wieħed mill-​ħakkiema jew mill-​Fariżej ma poġġa fidi fih, hux tassew? Imma din il-​folla li ma tafx il-​Liġi huma nies misħutin.” Nikodemu, membru tas-​Sinedriju, ipprotesta li kien illegali li raġel jiġi ġġudikat qabel ikun mismugħ. Bi stmerrija, il-​Fariżej daru għal fuqu u qalu: “M’intix int ukoll mill-​Galilija, hux? Fittex u ara li ebda profeta ma jrid jiġi mqajjem mill-​Galilija.”−Ġwann 7:46-52.

5 Il-​mexxejja reliġjużi taʼ ġens iddedikat lil Alla għala aġixxew b’dan il-​mod? Għaliex kienu żviluppaw kundizzjoni ħażina tal-​qalb. (Mattew 12:34) Il-​ħarsa bi stmerrija tagħhom lejn in-​nies komuni kixfet l-​arroganza tagħhom. L-​istqarrija tagħhom li “ebda wieħed mill-​ħakkiema jew mill-​Fariżej ma poġġa fidi fih” kienet tassumi b’mod kburi li l-​Messija jistaʼ jkun ġenwin biss jekk japprovawh huma. Iktar minn hekk, huma kienu diżonesti, billi ppruvaw jiskreditaw lil Ġesù għaliex hu ġie mill-​Galilija, meta investigazzjoni sempliċi kienet tikxef li fil-​fatt kien imwieled f’Betlehem, il-​post ipprofetizzat fejn kellu jitwieled il-​Messija.—Mikea 5:2; Mattew 2:1.

6, 7. (a) Il-​mexxejja reliġjużi kif irreaġixxew għall-​irxoxt taʼ Lażżru? (b) X’qal Ġesù biex jikxef l-​imħabba tal-​mexxejja reliġjużi għad-​dlam?

6 L-​oppożizzjoni sħiħa taʼ dawn il-​mexxejja reliġjużi għad-​dawl intwera b’mod konvinċenti meta Ġesù rxoxta lil Lażżru. Għal wieħed li jibżaʼ minn Alla, att bħal dan kien ikun prova li Ġesù kellu l-​appoġġ taʼ Jehovah. Il-​mexxejja reliġjużi, madankollu, setgħu biss jaraw it-​theddida li dan setaʼ jġib għall-​pożizzjoni pprivileġġjata tagħhom. Huma qalu: “X’se nagħmlu, għaliex dan ir-​raġel iwettaq ħafna sinjali? Jekk inħalluh waħdu b’dan il-​mod, huma kollha se jpoġġu fidi fih, u r-​Rumani se jiġu u jeħdulna kemm lil postna u kemm lil ġensna.” (Ġwann 11:44, 47, 48) Mela ftehmu bejniethom biex joqtlu kemm lil Ġesù u kemm lil Lażżru, forsi billi ħasbu li b’dan il-​mod kellhom jitfu d-​dawl għalkollox.—Ġwann 11:53, 54; 12:9, 10.

7 B’hekk, dawk il-​mexxejja reliġjużi tal-​ġens t’Alla ġew imkeċċijin ’il bogħod mid-​dawl bl-​arroganza, bil-​kburija, bid-​diżonestà intellettwali, u b’interess fihom infushom li kien jisboq kollox. Lejn tmiem il-​ministeru tiegħu, Ġesù kixef beraħ il-​ħtija tagħhom, billi qal: “Gwaj għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! għaliex intom tagħlqu s-​saltna tas-​smewwiet quddiem il-​bnedmin; għax intom infuskom ma tidħlux, u lanqas ma tippermettu lil dawk li deħlin biex jidħlu.”−Mattew 23:13.

Egoiżmu u Kburija

8. Liema ġrajjiet f’Nazzaret kixfu l-​kundizzjoni ħażina tal-​qalb taʼ xi nies hemmhekk?

8 B’mod ġenerali, il-​LĦudi tal-​ewwel seklu kienu mera tal-​mexxejja reliġjużi tagħhom f’li jiċhdu lid-​dawl minħabba attitudnijiet ħżiena tal-​qalb. Per eżempju, darba minnhom Ġesù kien mistieden biex jitkellem f’sinagoga ġewwa NazŻaret. Hu qara u spjega passaġġ minn Isaija, u għall-​ewwel, il-​kongregazzjoni qagħdet tisimgħu. Imma meta silet tqabbiliet storiċi li kixfu l-​egoiżmu u n-​nuqqas taʼ fidi tagħhom, huma rrabjaw ferm u ppruvaw joqtluh. (Luqa 4:16-30) Il-​kburija, fost karatteristiċi ħżiena oħrajn, tellfithom milli jirrispondu b’mod xieraq għad-​dawl.

9. Il-​mottivi ħżiena taʼ grupp kbir taʼ Galileani kif inkixfu?

9 F’okkażjoni oħra, Ġesù tamaʼ b’mod mirakoluż lil folla kbira ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija. Xhieda taʼ dan il-​miraklu qalu: “Dan ċertament li hu l-​profeta li kellu jiġi fid-​dinja.” (Ġwann 6:10-14) Meta Ġesù mar lejn post ieħor bid-​dgħajsa, il-​folla segwietu. Ġesù kien jaf, madankollu, li l-​mottiv taʼ ħafna ma kienx imħabba lejn id-​dawl. Hu qalilhom: “Intom qegħdin tfittxuni, mhux għaliex rajtu sinjali, imma għaliex kiltu mill-​ħobżiet u xbajtu.” (Ġwann 6:26) Malajr intwera kemm kien korrett meta għadd minn dawk li kienu qed isegwuh daru lura lejn id-​dinja. (Ġwann 6:66) Attitudni egoista, taʼ “x’hemm għalija?” imblokkat id-​dawl.

10. Il-​maġġoranza tal-​Ġentili kif irreaġixxew għad-​dawl?

10 Wara l-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù, il-​Lhud li emmnu komplew iġorru d-​dawl lil oħrajn minn fost il-​Lhud, imma ftit wieġbu. Għalhekk, l-​appostlu Pawlu u oħrajn, servew bħala “dawl tal-​ġnus,” billi xerrdu l-​aħbar tajba lejn artijiet oħra. (Atti 13:44-47) Ħafna nies li m’humiex Lhud wieġbu, imma r-​reazzjoni ġenerali kienet bħalma ddeskrivieha Pawlu: “Aħna nippridkaw lil Kristu msammar maʼ zokk, . . . [messaġġ li hu] għall-​ġnus bluha.” (1 Korintin 1:22, 23) Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies li m’humiex Lhud ċaħduh id-​dawl għaliex kienu mgħomijin b’superstizzjonijiet pagani jew b’filosofiji tad-​dinja.—Atti 14:8-13; 17:32; 19:23-28.

‘Imsejħin ’il Barra mid-​Dlam’

11, 12. Min wieġeb għad-​dawl fl-​ewwel seklu, u min iwieġeb illum?

11 Fl-​ewwel seklu, minkejja n-​nuqqas ġenerali taʼ rispons, ħafna wħud taʼ qalb sewwa ġew ‘imsejħin ’il barra mid-​dlam għal ġod-​dawl tal-​għaġeb t’Alla.’ (1 Pietru 2:9) Dwar dawn l-​appostlu Ġwanni jikteb: “Dawk kollha li laqgħu [lil Kristu], lilhom ta l-​awtorità li jsiru wlied Alla, għaliex huma kienu qed jeżerċitaw fidi f’ismu.” (Ġwann 1:12) Billi bdew minn Pentekoste tat-​33 E.K., dawn l-​uħud li jħobbu d-​dawl ġew imgħammdin bl-​ispirtu qaddis u saru wlied Alla bit-​tama li jsaltnu maʼ Ġesù fis-​Saltna tiegħu tas-​sema.

12 Fi żmienna ġew miġburin l-​aħħar uħud minn dawk l-​ulied midlukin t’Alla, u bi twettieq tal-​profezija taʼ Danjel, huma “jiddu bhad-dija tal-​firxa . . ., iġibu lil ħafna lejn it-​tjieba.” (Danjel 12:3) Huma ħallew id-​dawl tagħhom jiddi tant li iktar minn erbaʼ miljuni min-​“ngħaġ oħra” inġibdu lejn il-​verità u qed igawdu waqfa taʼ tjieba quddiem Alla. (Ġwann 10:16) Dawn, imbagħad, jirriflettu d-​dawl madwar id-​dinja, sabiex issa dak id-​dawl qed jiddi daqs qatt qabel. Fi żmienna, bħal fl-​ewwel seklu, ‘id-​dlam ma għelibx lid-​dawl.’—Ġwann 1:5.

‘M’hemm l-​Ebda Dlam m’Alla’

13. Liema twissija tana l-​appostlu Ġwanni?

13 M’għandna qatt ninsew, madankollu, it-​twissija tal-​appostlu Ġwanni: “Alla hu dawl u m’hemm l-​ebda dlam affattu f’għaqda miegħu. Jekk nagħmlu l-​istqarrija: ‘Għandna sehem miegħu,’ u madankollu nibqgħu mexjin fid-​dlam, qegħdin nigdbu u m’aħniex nipprattikaw il-​verità.” (1 Ġwann 1:5, 6) Jidher ċar li huwa possibbli għal Kristjani li jaqgħu fl-​istess nassa bħal-​Lhud u, waqt li jkunu xhieda t’Alla tal-​isem, jipproduċu xogħlijiet tad-​dlam.

14, 15. Liema xogħlijiet tad-​dlam dehru fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​ewwel seklu, u x’nitgħallmu minn dan?

14 Tabilħaqq, dan ġara fl-​ewwel seklu. Naqraw dwar qasmiet serji f’Korintu. (1 Korintin 1:10-17) L-​appostlu Ġwanni kellu jwissi lill-​Kristjani midlukin biex ma jobogħdux lil xulxin, u Ġakbu kellu jagħti parir lil xi wħud biex ma jiffavorixxux lis-​sinjuri fuq il-​foqra. (Ġakbu 2:2-4; 1 Ġwann 2:9, 10; 3 Ġwann 11, 12) Iżjed minn hekk, meta Ġesù spezzjona lis-​sebaʼ kongregazzjonijiet fl-​Asja Minuri, bħalma hemm irrakkontat fil-​ktieb taʼ Rivelazzjoni, hu rrapporta d-​dħul taʼ xogħlijiet tad-​dlam, inklużi l-​apostasija, l-​idolatrija, l-​immoralità, u l-​materjaliżmu. (Rivelazzjoni 2:4, 14, 15, 20-23; 3:1, 15-17) F’dawk il-​jiem bikrin tal-​kongregazzjoni Kristjana, xi wħud kienu b’hekk abbandunaw id-​dawl uħud billi ġew maqtugħin mis-​sħubija u oħrajn billi ntelqu mal-​kurrent lejn id-​“dlam taʼ barra.”−Mattew 25:30; Filippin 3:18; Ebrej 2:1; 2 Ġwann 8-11.

15 Dawn ir-​rapporti kollha mill-​ewwel seklu juru modi differenti kif id-​dlam tad-​dinja taʼ Satana jistaʼ jinfiltra l-​ħsieb taʼ Kristjani individwali jew saħansitra taʼ kongregazzjonijiet sħaħ. Għandna noqogħdu għassa li dan qatt ma jiġri lilna. Dan kif nistgħu nagħmluh?

Il-​Personalità Ġdida

16. Liema parir għaqli ta Pawlu lill-​Efesin?

16 Pawlu ħeġġeġ lill-​Efesin biex ma jibqgħux iktar “fid-​dlam mentalment, u maqtugħin mill-​ħajja li tappartjeni lil Alla.” Sabiex ma jiżolqux lura f’dak id-​dlam, huma kellhom jikkultivaw attitudnijiet li jappartjenu lid-​dawl. Pawlu qal: “Għandkom tinżgħu l-​personalità qadima li taqbel maʼ kif kontu ġġibu ruħkom qabel u li qed tiġi korrotta skond ix-​xewqat qarrieqa tiegħu; imma . . . għandkom tiġu mġeddin fil-​forza li qed tħaddem lil moħħkom, u għandkom tilbsu l-​personalità ġdida li kienet maħluqa skond ir-​rieda t’Alla fit-​tjieba vera u l-​lealtà.”−Efesin 4:18, 22-24.

17. Kif nistgħu aħna llum niżolqu lura lejn id-​dlam?

17 Pawlu hawn jissuġġerixxi, biex ingħidu hekk, kirurġija radikali—li naqtgħu ’l barra dik li qabel kienet parti minna, il-​personalità l-​qadima tagħna, u nħallu l-​iżvilupp taʼ spirtu għalkollox ġdid biex ‘iħaddem lil imħuħna.’ U hu ma kienx qed ikellem lil uħud ġodda li nteressaw irwieħħom imma lil Kristjani mgħammdin. Il-​bidla tal-​personalità tagħna ma tiqafx bil-​magħmudija. Huwa proċess li jkompli. Jekk nieqfu nikkultivaw il-​personalità l-​ġdida, il-​qadima x’aktarx li terġaʼ titlaʼ fil-​wiċċ, bil-​kburija, bl-​arroganza, u l-​egoiżmu tagħha. (Ġenesi 8:21; Rumani 7:21-25) Dan jistaʼ jwassal għal li mmorru lura lejn xogħlijiet tad-​dlam.

“Bid-​Dawl Minnek Nistgħu Naraw id-​Dawl”

18, 19. Ġesù u Pawlu kif iddeskrivew il-​mod taʼ kif jintgħarfu t-​“tfal tad-​dawl”?

18 Ftakar illi li niksbu l-​ħajja taʼ dejjem jiddependi milli nirċievu ġudizzju favorevoli mingħand Alla, liema ġudizzju jiddependi minn kemm aħna nħobbu d-​dawl. Wara li alluda għal dan il-​fatt tal-​aħħar, Ġesù qal: “Dak li jipprattika affarijiet vili jobgħod id-​dawl u ma jiġix għad-​dawl, sabiex ix-​xogħlijiet tiegħu jistgħu ma jiġux imċanfrin. Imma dak li jagħmel dak li hu veru jiġi għad-​dawl, sabiex ix-​xogħlijiet tiegħu jistgħu jintgħamlu jidhru bħala li ġew maħdumin fi qbil maʼ Alla.”−Ġwann 3:19-21.

19 Pawlu appoġġja dan il-​ħsieb meta kiteb lill-​Efesin: “Ibqgħu imxu bħala tfal tad-​dawl, għax il-​frott tad-​dawl jikkonsisti minn kull xorta taʼ tjubija u tjieba u verità.” (Efesin 5:8, 9) Mela x-​xogħlijiet tagħna juru jekk aħniex ulied id-​dawl jew ulied id-​dlam. Imma xogħlijiet tajbin jistgħu joħorġu biss minn qalb li hi tajba. Dan hu għala rridu ngħassu lil qalbna, inkunu konxji tal-​ħtieġa li nkomplu nġeddu l-​personalità tagħna, noqogħdu attenti dwar l-​ispirtu li jħaddem lil moħħna.—Proverbji 4:23.

20, 21. (a) Liema sfida speċjali tiffaċċja lil tfal li twieldu f’familji Kristjani? (b) Liema sfida tiffaċċja lit-​tfal kollha taʼ ġenituri Kristjani?

20 F’xi każijiet, dan wera li kien sfida speċjali għal tfal imweldin lil Xhieda ddedikati taʼ Jehovah. Għala? Sewwa, minn banda waħda, tfal bħal dawn igawdu barka tal-​għaġeb. Li tkun taf il-​verità miċ-​ċokon ifisser, effettivament, li persuna m’għandha qatt għalfejn iġġarrab hi stess x’ifisser li tkun fid-​dlam tad-​dinja taʼ Satana. (2 Timotew 3:14, 15) Mill-​banda l-​oħra, xi tfal f’din is-​sitwazzjoni jieħdu l-​verità bħala fatta u qatt ma jitgħallmu verament iħobbu d-​dawl. Din kienet is-​sitwazzjoni tal-​biċċa l-​kbira tal-​Lhud fl-​ewwel seklu. Huma trabbew f’ġens li kien iddedikat lil Jehovah, u sa ċertu punt kellhom xi għarfien tal-​verità. Imma ma kinetx fi qlubhom.—Mattew 15:8, 9.

21 Ġenituri Kristjani huma responsabbli quddiem Alla biex itellgħu lil uliedhom fid-​dawl. (Dewteronomju 6:4-9; Efesin 6:4) Fl-​aħħar, iżda, it-​tifel innifsu jrid ikun li jsir iħobb id-​dawl iktar mid-​dlam. Hu jrid jagħmel id-​dawl tal-​verità bħala xi haġa li hi tiegħu. Hekk kif jibda jitfarfar, xi fatturi tad-​dinja taʼ Satana forsi jidhru attraenti. L-​istil taʼ ħajja irresponsabbli u taʼ x’jimpurtani taʼ dawk taʼ mparu jistgħu jidhru eċċitanti. Ix-​xettiċiżmu mgħallem fil-​klassi tal-​iskola jistaʼ jisseduċih. Imma qatt m’għandu jinsa li ’l barra mid-​dawl, ‘id-​dlam igħatti l-​art.’ (Isaija 60:2) Fl-​aħħar mill-​aħħar, din id-​dinja mdallma m’għandha xejn tajjeb x’toffri.—1 Ġwann 2:15-17.

22. Jehovah issa kif ibierek lil dawk li jiġu lejn id-​dawl, u kif se jberikhom fil-​futur?

22 Is-​sultan David kiteb: “Miegħek [Jehovah] hu s-​sors tal-​ħajja; bid-​dawl minnek nistgħu naraw id-​dawl. Issokta fil-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek lejn dawk li jafuk.” (Salm 36:9, 10) Dawk li jħobbu d-​dawl jiġu li jsiru jafuh lil Jehovah, u dan jistaʼ jfisser ħajja għalihom. (Ġwann 17:3) Fil-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu, Jehovah jappoggjahom issa, u meta tiġi t-​tribulazzjoni l-​kbira, hu se jdaħħalhom f’dinja ġdida. Din tistaʼ tkun l-​esperjenza tagħna jekk aħna issa nistmerru d-​dlam tad-​dinja taʼ Satana. Fid-​dinja l-​ġdida, il-​bniedem se jigi restawrat lejn ħajja perfetta f’Ġenna tal-​Art. (Rivelazzjoni 21:3-5) Dawk li jirċievu ġudizzju favorevoli mbagħad se jkollhom il-​prospett li jixxaħxħu fid-​dawl taʼ Jehovah għaż-​żmien kollu li ġej. Xi prospett glorjuż dak! U xi tqanqil qawwi għalina biex issa “ninżgħu x-​xogħlijiet li jappartjenu lid-​dlam u . . . nilbsu l-​armi tad-​dawl”!—Rumani 13:12.

Tiftakar?

◻ II-biċċa l-​kbira tal-​Lhud fi żmien Ġesù għala ċaħduh id-​dawl

◻ Sa liema punt kien qed jiddi d-​dawl fiż-​żminijiet moderni?

◻ L-​eżempji tal-​ewwel seklu liema twissijiet dwar l-​egoiżmu l-​kburija jipprovdu?

◻ X’inhu essenzjali jekk aħna sejrin nibqgħu fid-​dawl?

◻ Liema barkiet hemm maħżunin għal dawk li jħobbu d-​dawl?

[Stampi f’paġna 15]

Matul l-​egħxur taʼsnin intużaw diversi modi biex inħallu d-​dawl jiddi f’li nagħmlu dixxipli

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja