Għala l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej Għandha Tifsira Għalik
ĠESÙ KRISTU istitwixxa l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej fl-aħħar lejl tal-ħajja umana tiegħu. Dak kien il-Ħamis fil-għaxija, il-31 taʼ Marzu, u Ġesù miet il-Ġimgħa wara nofs in-nhar, fl-ewwel t’April. Ladarba l-jiem tal-kalendarju Lhudi kienu jgħoddu minn fil-għaxija taʼ jum għal fil-għaxija tal-għada, l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej u l-mewt taʼ Ġesù t-tnejn li huma seħħew fl-14 taʼ Nisan, tas-sena 33 E.K.
Ġesù għala istitwixxa din l-ikla? X’inhu s-sinjifikat tal-ħobż u tal-inbid li huwa uża? Min għandu jieħu sehem minnhom? Kemm kellha tiġi osservata taʼ spiss? U kif jistaʼ jkollha tifsira għalik?
Għala Istitwita?
Rigward l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Skond verżjoni oħra, hu qal: “Agħmlu dan bħala mafkar tiegħi.” (1 Korintin 11:24; The New English Bible) Fil-fatt, l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej hija taʼ spiss irreferuta bħala l-Mafkar tal-Mewt taʼ Ġesù.
Ġesù miet bħala wieħed li żamm fil-għoli l-integrità lejn is-sovranità taʼ Jehovah u b’hekk ta prova li Satana hu nibbiexi giddieb billi tefaʼ l-akkuża li bnedmin retti jaqdu lil Alla biss għall-mottivi egoistiċi. (Ġob 2:1-5) Il-mewt tiegħu ferrħet lil qalb Alla.—Proverbji 27:11.
Permezz tal-mewt tiegħu bħala bniedem perfett, Ġesù wkoll ‘ta lil ruħu bħala rahan bi bdil għal ħafna.’ (Mattew 20:28) Billi dineb kontra Alla, l-ewwel raġel tilef id-dritt taʼ ħajja umana perfetta u l-prospetti tagħha. Imma “Alla tant ħabb lid-dinja [tal-bnedmin] li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, sabiex kulmin qiegħed jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Iva, “il-ħlas li d-dnub iħallas hu l-mewt, imma l-għotja li jagħti Alla hi ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù l-Mulej tagħna.”—Rumani 6:23.
“Irċevejt mingħand il-Mulej”
Biex jitfaʼ dawl fuq il-kommemorazzjoni tal-mewt taʼ Kristu nsibu l-kliem tal-appostlu Pawlu: “Jien irċevejt mingħand il-Mulej dak li jien ukoll newwiltilkom, li l-Mulej Ġesù fil-lejl li kien sejjer ikun ikkunsinnat ħa ħobża u, wara li iżża ħajr, qasamha u qal: ‘Din tfisser il-ġisem tiegħi li hu għan-nom tagħkom. Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.’ Hu għamel l-istess rigward il-kies ukoll, wara li ħa l-ikla taʼ fil-għaxija, billi qal: ‘Dan il-kies ifisser il-patt il-ġdid minħabba d-demm tiegħi. Ibqgħu agħmlu dan, kemm-il darba tixorbuh, b’tifkira tiegħi.’ Għax kull darba li tieklu din il-ħobża u tixorbu dan il-kies, intom tibqgħu ixxandru l-mewt tal-Mulej, sakemm jasal.”—1 Korintin 11:23-26.
Ladarba Pawlu ma kienx preżenti maʼ Ġesù u l-ħdax-il appostlu fl-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K., din l-informazzjoni kienet b’mod evidenti ‘rċevuta mingħand il-Mulej’ b’rivelazzjoni mnebbħa. Ġesù istitwixxa l-Mafkar “fil-lejl li kien sejjer ikun ikkunsinnat” minn Ġuda lill-għedewwa reliġjużi Lhud, li ġagħalu lir-Rumani jsammru lil Kristu maʼ zokk. Dawk li huma intitolati biex jieħdu sehem mill-ħobż u nbid emblematiċi kellhom jagħmlu dan b’tifkira tiegħu.
Jiġi Osservat Kemm-il Darba?
X’ifisser il-kliem taʼ Pawlu: “Kemm-il darba tieklu din il-ħobża u tixorbu dan il-kies, intom tibqgħu ixxandru l-mewt tal-Mulej, sakemm jasal”? Kristjani midlukin u leali kellhom jieħdu sehem mill-emblemi tal-Mafkar “kemm-il darba” sakemm imutu, biex iktar tard jiġu rxoxtati għal ħajja fis-sema. Quddiem Alla u d-dinja, kellhom b’hekk kemm-il darba jistqarru l-fidi tagħhom fil-provvediment taʼ Jehovah tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Għal kemm żmien? “Sakemm jasal,” qal Pawlu, billi b’mod evidenti ried ifisser li dawn l-osservanzi kellhom ikomplu sal-wasla taʼ Ġesù biex jilqaʼ lis-segwaċi midlukin tiegħu fis-sema b’irxoxt matul il-“preżenza” tiegħu. (1 Tessalonkin 4:14-17) Dan huwa fi qbil mal-kliem taʼ Kristu lill-ħdax-il appostlu leali: “Jekk immur fi triqti u nħejji post għalikom, nerġaʼ niġi u se nilqagħkom id-dar għandi, biex fejn inkun jien tistgħu tkunu intom ukoll.”—Ġwann 14:3.
Il-mewt taʼ Kristu għandha tiġi kkomemorata kuljum jew forsi kull ġimgħa? Sewwa, Ġesù istitwixxa l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej u ġie maqtul fil-Qbiż, li kkommemorat il-ħelsien taʼ Iżrael mill-iskjavitù Eġizzjan. Fil-fatt, hu msejjaħ “Kristu l-qbiż tagħna” għaliex hu l-ħaruf issagrifikat għall-Kristjani. (1 Korintin 5:7) Il-Qbiż kien jinżamm darba biss fis-sena, fl-14 taʼ Nisan. (Eżodu 12:6, 14; Levitiku 23:5) Dan jissuġġerixxi li l-mewt taʼ Ġesù għandha tiġi kkommemorata biss taʼ spiss daqs kemm kien il-Qbiż—kull sena, mhux kuljum jew kull ġimgħa.
Għal bosta sekli ħafna li sostnew li kienu Kristjani kkommemoraw il-mewt taʼ Ġesù darba fis-sena. Minħabba li għamlu dan fl-14 taʼ Nisan, huma kienu jissejħu Kwartodeċimani, li tfisser “tal-erbatax.” Rigward dawn l-uħud, J. L. von Mosheim, kittieb tal-istorja, kiteb: “Il-Kristjani tal-Asja Minuri kellhom id-drawwa li jiċċelebraw din il-festa sagra, li tikkommemora l-istituzzjoni taċ-ċena tal-Mulej, u l-mewt taʼ Ġesù Kristu, fl-istess ħin meta l-Lhud kienu jieklu l-ħaruf tal-Għid tagħhom, jiġifieri fil-lejla tal-erbatax-il jum tal-ewwel xahar [Nisan]. . . . Huma kkunsidraw l-eżempju taʼ Kristu bħala li jippossjedi l-qawwa tal-liġi.”
Is-Sinjifikat tal-Emblemi
Pawlu qal li Ġesù “ħa ħobża u, wara li iżża ħajr, qasamha.” Dik il-ħobża qisha gallettina magħmula minn dqiq u ilma mingħajr ħmira kellha tiġi maqsuma biex tittiekel. Fis-simboliżmu tal-Bibbja, il-ħmira tagħti stampa taʼ dnub jew korruzzjoni. F’li jħeġġeġ lill-Kristjani Korintin biex ikeċċu raġel immorali mill-kongregazzjoni, Pawlu qal: “Ma tafux li ftit ħmira tiffermenta l-ħbejża kollha? Neħħu l-ħmira l-qadima, biex tkunu ħbejża ġdida, skond kif intom ħielsa minn xi ferment. Għax, tabilħaqq, Kristu l-qbiż tagħna ġie ssagrifikat. Għaldaqstant ejjew inżommu l-festa, mhux bi ħmira qadima, lanqas bi ħmira taʼ ħażen u qerq, imma bi ftajjar mhux iffermentati taʼ sinċerità u verità.” (1 Korintin 5:6-8) Bħalma naqra taʼ taħlita qarsa tħemmer it-taħlita kollha, jew għaġna, tal-ħobż, hekk il-kongregazzjoni ma kinetx tibqaʼ nadifa f’għajnejn Alla jekk l-influwenza li tikkorrompi tal-bniedem midneb ma tiġix imneħħija. Huma kellhom bżonn li jneħħu l-“ħmira” minn ġo nofshom, sewwa sew bħalma l-Iżraeliti ma setgħu jkollhom l-ebda ħmira fi djarhom matul il-Festa tal-Ażżmi li segwiet il-Qbiż.
Rigward il-ħobża bla ħmira tal-Mafkar, Ġesù qal: “Din tfisser il-ġisem tiegħi li hu għan-nom tagħkom.” (1 Korintin 11:24) Il-ħobż jirrappreżenta l-ġisem perfett tal-laħam taʼ Ġesù, li dwaru Pawlu kiteb: “Meta [Ġesù] jiġi fid-dinja hu jgħid: ‘“Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma int ħejjejt ġisem għalija. Int m’approvajtx offerti maħruqin sħaħ u offerta għad-dnub.” Imbagħad jien għedt, “Ħares! Jiena ġejt (fir-romblu tal-ktieb huwa miktub dwari) biex nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla.”’ . . . Bl-imsemmija ‘rieda’ aħna ġejna mqaddsin permezz tal-offerta tal-ġisem taʼ Ġesù Kristu darba għal dejjem.” (Ebrej 10:5-10) Il-ġisem uman u perfett taʼ Ġesù kien bla dnub u serva bħala sagrifiċċju b’rahan għall-umanità.—Ebrej 7:26.
Wara li talab fuq il-kies taʼ nbid aħmar mhux imħallat, Ġesù qal: “Dan il-kies ifisser il-patt il-ġdid minħabba d-demm tiegħi.” (1 Korintin 11:25) Verżjoni oħra tgħid: “Dan il-kies ifisser il-patt ġdid irratifikat b’demmi.” (Moffatt) Sewwa sew bħalma d-demm taʼ barrin u bdabad issagrifikati għamlu validu l-patt tal-Liġi bejn Alla u l-ġens taʼ Iżrael, hekk id-demm taʼ Ġesù mxerred fil-mewt għamel il-patt il-ġdid validu. Li jissemma dak il-patt jgħinna nidentifikaw lil dawk li b’mod leġġittimu jieħdu sehem mill-emblemi tal-Mafkar.
Min Għandu Jieħu Sehem?
Is-segwaċi midlukin taʼ Ġesù, li qegħdin fil-patt il-ġdid, bi dritt jieħdu sehem mill-emblemi tal-Mafkar. Dan il-patt sar bejn Alla u Iżrael spiritwali. (Ġeremija 31:31-34; Galatin 6:16) Imma l-patt il-ġdid eventwalment se jġib barkiet għall-umanità ubbidjenti kollha, u inti tistaʼ tkun fost dawk li se jirċievu dawk il-barkiet.
Dawk li jieħdu sehem mill-emblemi tal-Mafkar iridu jkunu fil-patt persunali għas-Saltna li Ġesù għamel. Meta istitwixxa din l-ikla, Ġesù qal lill-appostli leali tiegħu: “Nagħmel patt magħkom, sewwa sew bħalma Missieri għamel patt miegħi, għal saltna.” (Luqa 22:29) Il-patt tas-Saltna magħmul minn Alla mas-Sultan David ipponta bil-quddiem lejn il-miġja taʼ Ġesù, il-wieħed li kellu jaħkem għal dejjem fis-Saltna tas-sema. Il-144,000 Iżraeliti spiritwali, li kellhom jaqsmu l-ħakma miegħu, tingħata stampa tagħhom bħala li huma weqfin fuq il-Muntanja Sijon tas-sema mal-Ħaruf, Ġesù Kristu. Mal-irxoxt tagħhom, huma se jaħkmu maʼ Kristu bħala slaten u qassisin imseħbin. (2 Samwel 7:11-16; Rivelazzjoni 7:4; 14:1-4; 20:6) Dawk biss li huma fil-patt il-ġdid u fil-patt persunali maʼ Ġesù bi dritt jieħdu sehem mill-emblemi tal-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej.
L-ispirtu t’Alla jixhed mal-ispirtu tal-uħud midlukin li huma t-tfal Tiegħu u werrieta mseħbin maʼ Kristu. Pawlu kiteb: “L-ispirtu nnifsu jixhed mal-ispirtu tagħna li aħna t-tfal t’Alla. Jekk, allura, aħna tfal, aħna wkoll werrieta: werrieta tabilħaqq t’Alla, imma werrieta bi sħab maʼ Kristu, basta nsofru flimkien biex nistgħu wkoll inkunu gglorifikati flimkien.” (Rumani 8:16, 17) L-ispirtu qaddis, jew forza attiva, t’Alla joħloq l-assiguranza ġo wħud midlukin li huma ddestinati għal ħajja fis-sema. Huma jqisu bħala dirett lejhom kulma tgħid l-Iskrittura dwar il-ħajja fis-sema u lesti li jissagrifikaw l-affarijiet kollha tal-art, inkluża l-ħajja umana. Għalkemm il-ħajja f’Ġenna tal-art se tkun tal-għaġeb, huma m’għandhomx dik it-tama. (Luqa 23:43) Tama ċerta li ma titbiddilx u li mhix ibbażata fuq ideat reliġjużi foloz tintitolahom biex jieħdu sehem mill-emblemi tal-Mafkar.
Jehovah ikun dispjaċut jekk xi ħadd jirrappreżenta lilu nnifsu bħala wieħed li huwa msejjaħ biex ikun sultan u qassis fis-sema meta ma jkollu l-ebda sejħa bħal din. (Rumani 9:16; Rivelazzjoni 22:5) Alla għadda esekuzzjoni fuq Kora li b’mod prużuntuż għamel ix-xogħol taʼ qassis. (Eżodu 28:1; Numri 16:4-11, 31-35) Mela, xi ngħidu jekk emozzjonijiet qawwijin jew ideat reliġjużi taʼ qabel jġiegħlu lil xi ħadd jieħu sehem b’mod żballjat mill-emblemi tal-Mafkar? Imbagħad hu jew hi għandhom jieqfu jieħdu sehem u bl-umiltà kollha jitolbu lil Alla għall-maħfra.—Salm 19:13.
Kif Tiġi Effettwat
Ma jirrikjedix li persuna tieħu sehem mill-emblemi tal-Mafkar sabiex tkun koperta mis-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù u tirċievi ħajja taʼ dejjem fuq l-art. Per eżempju, il-Bibbja ma tagħti l-ebda indikazzjoni li nies li kellhom il-biżaʼ t’Alla bħal Abraham, Sara, Iżakk, Rebekka, Boaż, Rut, u David qatt se jieħdu sehem minn dawn l-emblemi. Imma huma u l-oħrajn kollha li jixtiequ ħajja bla tmiem fuq dan il-globu se jkollhom jeżerċitaw fidi f’Alla u fi Kristu u fil-provvediment taʼ Jehovah tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù. (Ġwann 3:36; 14:1) L-osservanza annwali tal-mewt taʼ Ġesù sservi bħala tfakkira taʼ dak is-sagrifiċċju kbir.
L-importanza tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù ġiet murija meta l-appostlu Ġwanni qal: “Qiegħed niktbilkom dawn l-affarijiet biex ma tagħmlux dnub. U madankollu, jekk xi ħadd jagħmel dnub, għandna wieħed li jgħin mal-Missier, Ġesù Kristu, wieħed twajjeb. U hu sagrifiċċju taʼ tpattija għal dnubietna, iżda mhux għal tagħna biss imma wkoll għal tad-dinja kollha.” (1 Ġwann 2:1, 2) Kristjani midlukin jistgħu jgħidu li Ġesù huwa ‘sagrifiċċju taʼ tpattija għal dnubiethom.’ Madankollu, huwa wkoll sagrifiċċju għad-dnubiet tad-dinja kollha, billi jagħmel possibbli ħajja taʼ dejjem għall-umanità ubbidjenti fil-Ġenna tal-art li issa hija tant qrib!
Billi tkun preżenti għall-kommemorazzjoni tal-mewt taʼ Kristu kull sena, int se tibbenefika minn taħdita Biblika li tqanqal il-ħsieb. Int se tiġi mfakkar f’kemm Alla Jehovah u Ġesù Kristu għamlu għalina. Huwa wkoll premjanti spiritwalment li tiltaqaʼ bħala ġemgħa maʼ dawk li jimpurtahom b’mod profond dwar Alla u Kristu u dwar is-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù. L-okkażjoni tistaʼ issaħħaħ sew ix-xewqa tiegħek sabiex issir wieħed li tirċievi il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, li twassal għall-ħajja taʼ dejjem. Li tfakkar il-mewt taʼ Ġesù Kristu jistaʼ jkollu tifsira kbira għalik.