Segwi d-Dawl tad-Dinja
“Min isegwini . . . se jippossjedi d-dawl tal-ħajja.”—ĠWANN 8:12.
1. Kemm hu vitali d-dawl?
X’NAGĦMLU mingħajr dawl? Immaġinak tqum kull ġurnata tas-sena għal 24 siegħa taʼ dlam. Immaġina dinja mingħajr kuluri, għax mingħajr dawl m’hemm ebda kulur. Tabilħaqq, li kieku ma eżistiex id-dawl, lanqas aħna ma konna neżistu! Għala le? Għaliex, fil-proċess tal-fotosintesi, pjanti ħodor jużaw id-dawl biex jagħmlu l-ikel li nieklu—qmuħ, ħxejjex, u frott. Veru, xi drabi aħna nieklu l-laħam tal-annimali. Imma dawk l-annimali kielu l-pjanti jew annimali oħrajn li kienu jgħixu fuq il-pjanti. B’hekk, il-ħajjiet fiżiċi tagħna totalment jiddependu fuq id-dawl.
2. Liema sorsi qawwijin taʼ dawl hemm, u dan x’igħidilna dwar Jehovah?
2 Id-dawl tagħna jiġi mix-xemx, li hi stilla. Fil-waqt li x-xemx tagħna tagħti kwantità tremenda taʼ dawl, xorta waħda hija biss stilla taʼ daqs medju. Ħafna huma bil-wisq ikbar. U l-grupp taʼ stilel li ngħixu fih aħna, il-galassa Triq tal-Ħalib, fih iktar minn mitt biljun stilla. Jerġaʼ, hemm biljuni bla għadd taʼ galassi fl-univers. Xi sfilata tremenda taʼ stilel! Xi kwantitajiet enormi taʼ dawl joħorġu minnhom! X’sors setgħan taʼ dawl hu Jehovah, li ħalaqhom kollha! Isaija 40:26 jiddikjara: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw. Min ħalaq dawn l-affarijiet? Huwa Dak li qiegħed joħroġ l-armata tagħhom saħansitra bil-għadd, li lkoll kemm huma jsejħilhom saħansitra bl-isem. Minħabba l-abbundanza tal-enerġija dinamika, billi hu wkoll vigoruż fil-qawwa, lanqas waħda minnhom m’hi nieqsa.”
Xorta Oħra taʼ Dawl
3. Kemm hu importanti dawl spiritwali mingħand Jehovah?
3 Jehovah hu wkoll is-Sors taʼ xorta oħra taʼ dawl, wieħed li jgħinna biex ikollna viżjoni spiritwali, tidwil spiritwali. Dizzjunarju wieħed jiddefinixxi “jdawwal” b’dan il-mod: “Li jforni għarfien lil: jistruwixxi; jagħti dehen spiritwali lil.” Jiddefinixxi “imdawwal” bħala: “meħlus mill-injoranza u nuqqas taʼ informazzjoni.” Tidwil spiritwali mingħand Jehovah hu pprovdut permezz taʼ għarfien eżatt tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Dak hu li jgħinna nkunu nafu min hu Alla u x’inhuma l-iskopijiet tiegħu. “Alla hu li qal: ‘Ħalli d-dawl jiddi ’l barra mid-dlam,’ u hu idda fuq qlubna biex idawwalhom bil-għarfien glorjuż t’Alla bil-wiċċ taʼ Kristu.” (2 Korintin 4:6) B’hekk, il-veritajiet fil-Kelma t’Alla jeħilsuna mill-injoranza u n-nuqqas taʼ informazzjoni. Ġesù qal: “Se tkunu tafu l-verità, u l-verità se tagħmilkom liberi.”—Ġwann 8:32.
4, 5. Għarfien mingħand Jehovah kif jaqdi bħala dawl fil-ħajjiet tagħna?
4 Jehovah, is-Sors tat-tidwil spiritwali veru, hu “perfett fil-għarfien.” (Ġob 37:16) Ukoll, Salm 119:105 jiddikjara dwar Alla: “Il-kelma tiegħek hi musbieħ għal sieqi, u dawl għal triqti.” Mela hu jistaʼ jdawwal spiritwalment mhux biss il-pass li jmiss tal-ħajjiet tagħna imma wkoll it-triq quddiemna. Mingħajr dan, il-ħajja tkun bħal meta wieħed isuq minn triq imserpa fil-muntanji f’lejl mudlam mingħajr dwal fil-karozza jew x’imkien ieħor. Dawl spiritwali mingħand Alla jistaʼ jitqabbel mad-dawl ipprovdut mill-fanali taʼ quddiem tal-karozza. Id-dawl idawwal it-triq sabiex inkunu nistgħu naraw eżatt fejn sejrin.
5 Il-profezija f’Isaija 2:2-5 turi li fi żmienna Alla qed jiġbor mill-ġnus kollha nies li jridu tidwil spiritwali sabiex ikunu jistgħu jitgħallmu u jipprattikaw il-qima vera. Vers 3 jgħid: “Hu se jistruwina dwar il-mogħdijiet tiegħu, u aħna se nimxu fil-passaġġi tiegħu.” Vers 5 jistieden lil dawk li jfittxu l-verità: “Ejjew u ħalli nimxu fid-dawl taʼ Jehovah.”
6. Id-dawl mingħand Jehovah fejn se jwassalna eventwalment?
6 B’hekk, Jehovah hu s-sors taʼ żewġ għamliet taʼ dawl vitali għall-ħajja: il-fiżiku u l-ispiritwali. Id-dawl fiżiku jgħin lill-iġsma fiżiċi tagħna biex jibqgħu ħajjin issa, forsi għal xi 70 jew 80 sena. Imma d-dawl spiritwali jwassal għall-ħajja eterna f’ġenna tal-art. Huwa bħalma qal Ġesù f’talba lil Alla: “Dan ifisser il-ħajja taʼ dejjem, li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku veru Alla, u dwar dak li inti bgħatt, Ġesù Kristu.”—Ġwann 17:3.
Dinja fi Dlam Spiritwali
7. Għala għandna bżonn tidwil spiritwali issa iżjed minn qatt qabel?
7 Illum iżjed minn qatt qabel għandna bżonn dawl spiritwali. Profeziji bħalma huma Mattew 24 u 2 Timotew kapitlu 3 juru li aħna qrib it-tmiem taʼ din is-sistema taʼ affarijiet. Dawn u profeziji oħrajn bassru l-affarijiet tal-biżaʼ li seħħew fi żmienna, billi b’hekk ġagħluna nkunu nafu li qegħdin fl-“aħħar jiem.” Fi qbil maʼ dawn il-profeziji, dan is-seklu ġarrab gwaj wara l-ieħor. Il-kriminalità u l-vjolenza laħqu proporzjonijiet tal-biżaʼ. Il-gwerer ħadu iktar minn mitt miljun ħajja. Il-mard, bħalma hu l-AIDS li jkexkxek, jaħkem lil miljuni, waqt li xi 160,000 diġà mietu mill-AIDS fl-Istati Uniti biss. Il-ħajja tal-familja tkissret u l-moralità sesswali titqies bħala antikwata.
8. Liema sitwazzjoni tiffaċċja issa lill-umanità, u għala?
8 L-ex-segretarju ġenerali tal-Ġnus Magħquda Javier Pérez de Cuéllar qal: “Is-sitwazzjoni dinjija toffri evidenza abbundanti li l-faqar [qed iherri] il-għaqda fis-soċjetajiet.” Hu nnota li “’l fuq minn biljun ruħ issa jgħixu f’faqar assolut” u li “dan ħeġġeġ il-forzi li jwasslu għal ġlied vjolenti.” Dawn “it-tbatijiet gravi,” hu qal, “jisfidaw ir-rimedji li jistgħu jamministraw il-gvernijiet.” U l-kap taʼ organizzazzjoni influwenti afferma: “Il-problema ċentrali li qiegħda tiffaċċja lis-soċjetà hi dik li din saret ingovernabbli.” Kemm huma veri l-kliem taʼ Salm 146:3: “Tpoġġux il-fiduċja tagħkom fin-nobbli, lanqas f’bin il-bniedem tal-art, li lilu ma tappartjeni ebda salvazzjoni.”
9. Min huma l-iktar responsabbli għad-dlam li jostor lill-umanità, u min jistaʼ jeħlisna minn din l-influwenza?
9 Is-sitwazzjoni llum hi bħalma bassar Isaija 60:2: “Ħares! dalma nfisha se tiksi l-art, u swidija kbira l-gruppi nazzjonali.” Din id-dalma li qiegħda tiksi lill-maġġoranza vasta tal-abitanti tal-art hi minħabba li huma ma jassorbux id-dawl spiritwali mingħand Jehovah. U l-kawża ewlenija tad-dlam spiritwali hu Satana x-Xitan u d-demonji tiegħu, il-għedewwa prinċipali taʼ Dak Alla tad-dawl. Huma “l-ħakkiema tad-dinja taʼ dan id-dlam.” (Efesin 6:12) Kif igħid it-2 Korintin 4:4, ix-Xitan hu “l-alla taʼ din is-sistema taʼ affarijiet,” li “għama l-imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux, biex id-dawl tal-aħbar tajba glorjuża dwar il-Kristu, li hu x-xbiha t’Alla, jistaʼ ma jiddix.” L-ebda ħakma umana ma tistaʼ teħles lid-dinja mill-influwenza taʼ Satana. Alla biss jistaʼ.
“Dawl Kbir”
10. Isaija kif bassar li fi żmienna dawl kellu jiddi fuq l-umanità?
10 Madankollu, waqt li dalma ħoxna tiksi lill-biċċa l-kbira tal-umanità, il-Kelma t’Alla pprofetizzat ukoll f’Isaija 60:2, 3: “Fuqek Jehovah se jiddi, u fuqek il-glorja tiegħu stess se tkun tidher. U ġnus ċertament li se jmorru lejn dawlek.” Dan hu fi qbil maʼ Isaija kapitlu 2, li wiegħed li l-qima vera mdawla taʼ Jehovah se tiġi stabbilita f’dawn l-aħħar jiem u, kif igħidu versi 2 u 3, “lejha l-ġnus kollha jridu jiġru bħal xmara. U ħafna popli ċertament li se jmorru u jgħidu: ‘Ejjew u ħalli nitilgħu lejn il-muntanja taʼ Jehovah,’” jiġifieri, lejn il-qima vera eżaltata tiegħu. Mela għalkemm id-dinja hija kkontrollata minn Satana, dawl mingħand Alla qed jiġi mitfugħ u qed jillibera qtajjiet kbar taʼ nies mid-dlam.
11. Min kellu jkun l-iktar prominenti f’li jirrifletti d-dawl taʼ Jehovah, u Simeon kif identifikah?
11 Il-profezija f’Isaija 9:2 bassret li Alla kien se jibgħat lil xi ħadd fid-dinja biex jirrifletti d-dawl tiegħu. Hija tgħid: “In-nies li kienu qegħdin jimxu fid-dlam raw dawl kbir. Inkwantu għal dawk li joqogħdu fl-art tad-dell fond, dawl innifsu idda fuqhom.” Dan id-“dawl kbir” hu l-Kelliemi taʼ Jehovah, Ġesù Kristu. Ġesù qal: “Jien id-dawl tad-dinja. Min isegwini b’ebda mod ma se jimxi fid-dlam, imma se jippossjedi d-dawl tal-ħajja.” (Ġwann 8:12) Dan kien magħruf minn xi wħud saħansitra meta Ġesù kien għadu tfajjel ċkejken. Luqa 2:25 igħid li raġel jismu Simeon kien “twajjeb u reverenzjali” u li “l-ispirtu qaddis kien fuqu.” Meta Simeon ra lit-tfajjel ċkejken Ġesù, hu qal f’talba lil Alla: “Għajnejja raw il-mezz tiegħek taʼ salvazzjoni li int lestejt quddiem wiċċ il-popli kollha, dawl biex jitneħħa l-velu mill-ġnus.”—Luqa 2:30-32.
12. Ġesù meta u kif beda jneħħi l-velu taʼ dalma li jostor lin-nies?
12 Ġesù beda jneħħi l-velu taʼ dlam mill-umanità ftit wara l-magħmudija tiegħu. Mattew 4:12-16 igħidilna li dan wettaq Isaija 9:1, 2, li tkellem dwar id-“dawl kbir” li kellu jibda jiddi fuq nies li kienu mexjin fi dlam spiritwali. Mattew 4:17 igħid: “Minn dak iż-żmien ’il quddiem Ġesù beda jippriedka u jgħid: ‘Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet resqet fil-qrib.’” Billi ppriedka dwar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, Ġesù dawwal lin-nies dwar l-iskopijiet t’Alla. Hu “tafaʼ dawl fuq il-ħajja u n-nuqqas taʼ taħsir permezz tal-aħbar tajba.”—2 Timotew 1:10.
13. Ġesù kif iddeskriva lilu nnifsu, u għala setaʼ jagħmel hekk b’tant ċertezza?
13 Ġesù bil-fedeltà rrifletta d-dawl t’Alla. Hu qal: “Jien ġejt bħal dawl fid-dinja, sabiex kulmin qiegħed ipoġġi fidi fija jistaʼ ma jibqax fid-dlam. . . . Jien ma tkellimtx minn jeddi, imma l-Missier innifsu li bagħatni tani kmandament dwar x’irrid ingħid u x’irrid nitkellem. Ukoll, jien naf li l-kmandament tiegħu jfisser ħajja taʼ dejjem.”—Ġwann 12:44-50.
“Permezz Tiegħu Kienet il-Ħajja”
14. Ġesù kif inhu identifikat fi Ġwann 1:1, 2?
14 Iva, Jehovah bagħat lil Ibnu lejn l-art biex ikun dawl biex juri lin-nies it-triq għall-ħajja taʼ dejjem. Innota kif dan hu ppreżentat fi Ġwann 1:1-16. Versi 1 u 2 jaqraw: “Fil-bidu kien il-Kelma, u l-Kelma kien maʼ Alla, u l-Kelma kien wieħed alla. Dan il-wieħed kien fil-bidu maʼ Alla.” Hawn Ġwanni jsejjaħ lil Ġesù qabel sar bniedem bit-titlu l-“Kelma.” Dan jidentifika l-funzjoni li kien iwettaq bħala l-Kelliemi taʼ Alla Jehovah. U meta Ġwanni jistqarr li “fil-bidu kien il-Kelma,” dan ifisser li l-Kelma kien il-bidu tax-xogħlijiet taʼ ħolqien taʼ Jehovah, “il-bidu tal-ħolqien minn Alla.” (Rivelazzjoni 3:14) Il-pożizzjoni mill-iktar distinta tiegħu fost il-ħlejjaq t’Alla tagħti bażi vera biex hu jissejjaħ “wieħed alla,” wieħed setgħan. Isaija 9:6 isejjaħlu “Alla Setgħan,” għalkemm mhux Alla li Jistaʼ Kollox.
15. Liema informazzjoni oħra jagħtina Ġwann 1:3-5 dwar Ġesù?
15 Ġwann 1:3 jistqarr: “L-affarijiet kollha bdew jeżistu permezz tiegħu, u mingħajru lanqas saħansitra ħaġa waħda ma bdiet teżisti.” Kolossin 1:16 igħid li “permezz tiegħu l-affarijiet l-oħra kollha nħolqu fis-smewwiet u fuq l-art.” Ġwann 1:4 igħid li “permezz tiegħu kienet il-ħajja, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.” Mela permezz tal-Kelma, il-għamliet l-oħrajn kollha taʼ ħajja ġew maħluqin; ukoll permezz taʼ Ibnu, Alla jagħmilha possibbli għall-umanità midinba, li qiegħda tmut, biex tikseb ħajja taʼ dejjem. Ċertament Ġesù hu l-wieħed setgħan li Isaija 9:2 isejjaħlu “dawl kbir.” U Ġwann 1:5 igħid: “[I]d-dawl qiegħed jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.” Id-dawl jirrappreżenta l-verità u t-tjieba, f’kuntrast mad-dlam, li jirrappreżenta l-iżball u n-nuqqas taʼ tjieba. B’hekk Ġwanni juri li d-dlam mhux se jikkonkwista lid-dawl.
16. Ġwanni l-Għammied kif ipponta lejn l-iskop tax-xogħol taʼ Ġesù?
16 Ġwanni issa jargumenta f’versi 6 sa 9: “Kien hemm raġel li kien mibgħut bħala rappreżentant t’Alla: kien jismu Ġwanni [l-Għammied]. Dan ir-raġel ġie għal xiehda, sabiex jagħti xiehda dwar id-dawl, biex nies taʼ kull xorta jistgħu jemmnu permezz tiegħu. Hu [Ġwanni] ma kienx dak id-dawl, imma ġie biex jagħti xiehda dwar dak id-dawl [Ġesù]. Il-veru dawl li jagħti dawl lil kull xorta taʼ bniedem kien wasal biex jiġi fid-dinja.” Ġwanni pponta lejn il-Messija li kien ġej u dawwar lis-segwaċi tiegħu Lejh. Maż-żmien, kull xorta taʼ nies ingħataw l-opportunità biex jaċċettaw id-dawl. Mela Ġesù ma ġiex biss għall-benefiċċju tal-Lhud imma għall-benefiċċju tal-umanità kollha—sinjuri jew fqar, huma taʼ liema razza huma.
17. Ġwann 1:10, 11 x’jgħidilna dwar il-qagħda spiritwali tal-Lhud fi żmien Ġesù?
17 Versi 10 u 11 ikomplu: “Hu kien fid-dinja, u d-dinja bdiet teżisti permezz tiegħu, imma d-dinja ma kinetx tafu. Hu ġie f’daru stess, imma niesu stess ma daħħluhx ġewwa.” Ġesù, fl-eżistenza tiegħu qabel sar bniedem, kien il-wieħed li permezz tiegħu ġiet maħluqa d-dinja taʼ bnedmin. Meta kien fuq l-art, iżda, hu ġie rrifjutat mill-biċċa l-kbira taʼ niesu stess, il-Lhud. Huma ma ridux li jinkixfu l-ħażen u l-ipokrezija tagħhom. Ippreferew id-dlam mid-dawl.
18. Ġwann 1:12, 13 kif juri li xi wħud setgħu jsiru tfal t’Alla b’wirt speċjali?
18 Ġwanni jgħid f’versi 12 u 13: “Madankollu, dawk kollha li laqgħuh, lilhom ta l-awtorità li jsiru t-tfal t’Alla, għaliex huma kienu qegħdin jeżerċitaw fidi f’ismu; u huma twieldu, mhux mid-demm jew minn rieda tal-laħam jew mir-rieda tal-bniedem, imma minn Alla.” Dawn il-versi juru li għall-ewwel, is-segwaċi taʼ Ġesù ma kinux ulied Alla. Qabel ġie Ġesù fuq l-art, la l-istat taʼ iben bħal dan u lanqas xi tama għas-sema ma kienu miftuħin għall-bnedmin. Imma bil-mertu tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu li eżerċitaw il-fidi fih, xi bnedmin ġew addottati bħala wlied u setgħu jkollhom it-tama taʼ ħajja bħala slaten maʼ Kristu fis-Saltna tas-sema t’Alla.
19. Ġesù għala jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jirrifletti d-dawl t’Alla, bħalma jidher fi Ġwann 1:14?
19 Vers 14 jirraġuna: “Mela l-Kelma sar laħam u għammar fostna, u aħna kellna dehra tal-glorja tiegħu, glorja bħalma tappartjeni lil iben uniġenitu minn missier.” Fuq l-art, Ġesù rrifletta l-glorja t’Alla bħalma setaʼ jagħmel biss l-Iben imwieled l-ewwel t’Alla. Għaldaqstant, b’mod uniku, hu kien l-aħjar wieħed ikkwalifikat biex jirrivela lil Alla u l-iskopijiet Tiegħu lin-nies.
20. Bħalma nsibu fi Ġwann 1:15, Ġwanni l-Għammied x’jgħidilna dwar Ġesù?
20 Imbagħad, l-appostlu Ġwanni jikteb f’vers 15: “Ġwanni [l-Għammied] ta xiehda dwaru, iva, hu fil-fatt għajjat—dan kien il-wieħed li qal dan—billi qal: ‘Il-wieħed li ġej warajja avvanza quddiemi, għaliex hu eżista qabli.’” Ġwanni l-Għammied twieled xi sitt xhur qabel it-twelid taʼ Ġesù bħala bniedem. Imma Ġesù għamel ħafna iżjed xogħlijiet minn Ġwanni, biex b’hekk avvanza quddiem Ġwanni b’kull mod. U Ġwanni rrikonoxxa li Ġesù kien eżista qablu, ladarba Ġesù kellu eżistenza qabel sar bniedem.
Għotjiet mingħand Jehovah
21. Ġwann 1:16 għala jgħid li aħna rċevejna “qalb tajba mhix mistħoqqa fuq qalb tajba mhix mistħoqqa”?
21 Ġwann 1:16 jirraġuna: “Aħna lkoll irċevejna minn ġol-milja tiegħu, saħansitra qalb tajba mhix mistħoqqa fuq qalb tajba mhix mistħoqqa.” Għalkemm il-bnedmin jitwieldu fid-dnub għaliex jirtuh mingħand Adam, Jehovah għandu l-iskop li jeqred lil din is-sistema mill-agħar, iġib is-salvazzjoni lil miljuni għal ġod-dinja ġdida, jagħti l-irxoxt lill-mejtin, u jneħħi d-dnub u l-mewt, li jwasslu għal ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-art. Dawn il-barkiet kollha huma mhux mistħoqqa mill-bnedmin midinbin, mhux bi ħlas għal xogħolhom. Huma għotjiet mingħand Jehovah permezz taʼ Kristu.
22. (a) L-akbar għotja t’Alla x’tagħmel possibbli? (b) Liema stedina hija estiża lilna fl-aħħar ktieb tal-Bibbja?
22 X’inhi l-ikbar għotja li tagħmel dan kollu possibbli? “Alla tant ħabb lid-dinja [tal-umanità] li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, sabiex kulmin qiegħed jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) B’hekk, għarfien eżatt dwar Alla u Ibnu, “l-Aġent Ewlieni tal-ħajja,” hu vitali għal dawk li jridu dawl spiritwali u ħajja taʼ dejjem. (Atti 3:15) Hu għalhekk li l-aħħar ktieb tal-Bibbja jestendi l-istedina li ġejja lil dawk kollha li jħobbu l-verità u li jridu l-ħajja: “‘Ejja!’ U ħalli kulmin qiegħed jismaʼ jgħid: ‘Ejja!’ U ħalli kulmin hu bil-għatx jiġi; ħalli kulmin jixtieq jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.”—Rivelazzjoni 22:17.
23. Nies bħal ngħaġ x’se jagħmlu meta jiġu lejn id-dawl?
23 Nies umlin, bħal ngħaġ, mhux biss se jiġu lejn id-dawl tad-dinja imma se jsegwuh dak id-dawl: “[I]n-ngħaġ isegwuh, għaliex jagħrfu [t-ton tal-verità f’]leħnu.” (Ġwann 10:4) Tabilħaqq, huma jitgħaxxqu li ‘jsegwu l-passi tiegħu mill-qrib’ għaliex jafu li jekk jagħmlu hekk se jfisser ħajja eterna għalihom.—1 Pietru 2:21.
Kif Twieġeb Int?
◻ Liema żewġ għamliet taʼ dawl joħorġu mingħand Jehovah?
◻ It-tidwil spiritwali għala hu tant importanti llum?
◻ Ġesù b’liema mod kien “dawl kbir”?
◻ Ġwann kapitlu 1 x’jgħidilna dwar Ġesù?
◻ Liema għotjiet jiġu għand dawk li jsegwu d-dawl tad-dinja?