Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Il-Verità tal-Bibbja Tgħaqqad lil Familja
ILLUM, f’ħafna partijiet tad-dinja, l-unità tal-familja hija kważi xi ħaġa taʼ l-imgħoddi. Madankollu, il-Bibbja tirrivela s-sigriet taʼ l-unità tal-familja. Ikkunsidra l-kliem taʼ Ġesù: “Kulmin jismaʼ dawn il-qwiel minn tiegħi u jagħmilhom se jkun imxebbah maʼ raġel għaqli, li bena daru fuq il-blata.” (Mattew 7:24) Eluf taʼ familji fost ix-Xhieda taʼ Jehovah kisbu l-unità billi applikaw dan il-kliem u billi użaw il-Bibbja bħala pedament biex jibnu familja tassew magħquda. Oħrajn qegħdin ukoll jiksbu unità bħal din, kif turi din l-esperjenza li ġejja.
Waqt li Daniel kien qiegħed jaqdi fl-armata fi Franza, kappillan taʼ l-armata ssuġġerixxa li Daniel jixtri Bibbja, u hekk għamel, u beda jaqraha regolarment. Eventwalment ġie trasferit lejn Taħiti. Xi ftit mis-suldati sħab Daniel kienu Avventisti, u oħrajn kienu Mormoni. Il-konversazzjonijiet tagħhom taʼ spiss waqgħu fuq is-suġġett tar-reliġjon. Darba waħda surġent-maġġur introduċa lil Daniel mal-mara tiegħu, li kienet waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Hi qattgħet nofs taʼ nhar sħiħ twieġeb il-ħafna mistoqsijiet li kellu Daniel u kkuntattjatu maʼ waħda mill-kongregazzjonijiet lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Taħiti. F’qasir żmien beda studju regulari tal-Bibbja.
Il-ġenituri taʼ Daniel lura fi Franza kienu Kattoliċi sinċieri ħafna. Missieru kien counselor taʼ l-iskola u kien inkarigat mill-istruzzjoni reliġjuża fi skola Kattolika. Billi ried jaqsam mal-ġenituri tiegħu xi ftit mid-dehen spiritwali u prezzjuż li kien qiegħed jitgħallem, Daniel beda bil-mod il-mod iżerżqilhom xi ħsibijiet Bibliċi fl-ittri tiegħu.
Għall-ewwel omm Daniel tant kienet ferħana, imma mbagħad ixxokkjat ruħha meta sabet l-isem Jehovah f’waħda mill-ittri taʼ binha. Ftit jiem wara, semgħet programm tar-radju li ppreżenta lix-Xhieda taʼ Jehovah bħala “setta perikoluża.” Hi kitbet lil Daniel, billi talbitu biex jaqtaʼ kull kuntatt max-Xhieda immedjatament. Madankollu, Daniel kompla jagħmel progress fl-istudju tiegħu tal-Bibbja u malajr għamel arranġamenti biex iħalli l-armata u jerġaʼ lura lejn Franza.
Hekk kif reġaʼ lura d-dar, Daniel qattaʼ kull għaxija—xi drabi sa tard bil-lejl—f’diskussjonijiet twal fuq il-Bibbja maʼ ommu. Fl-aħħar hi aċċettat li tmur maʼ Daniel il-Kingdom Hall. Meta attendiet l-ewwel laqgħa tagħha, tant kienet impressjonata li bdiet studju tal-Bibbja hija stess b’mod regulari. Hi għamlet progress mgħaġġel u wara qasir żmien tgħammdet.
Missier Daniel kien raġel tolleranti ħafna imma kien iddedikat ferm lejn il-professjoni u l-attivitajiet reliġjużi tiegħu. Xorta waħda, darba minnhom wassal lil martu u lil Daniel għal konvenzjoni distrettwali. Kien l-14 taʼ Lulju, u kellu f’moħħu li jara l-parata taʼ Jum il-Bastilja fil-belt. Waqt li kien qiegħed jistenna, għelbitu l-kurżità, u ttawwal fis-sala tal-konvenzjoni. Kien impressjonat bl-ordni u bil-paċi li ra fost in-nies taʼ Jehovah, u hekk kif mexa mid-diversi dipartimenti tal-konvenzjoni kulħadd beda jsejjaħlu “ħu.” Hu nesa għalkollox dwar il-parata taʼ Jum il-Bastilja u baqaʼ sat-tmiem tal-konvenzjoni. Hu talab għal studju tal-Bibbja u għamel progress mgħaġġel f’li jitgħallem il-verità. Madankollu, iktar ma tgħallem, iktar beda jħossu barra minn loku fix-xogħol tiegħu, u għalhekk fl-età taʼ 58 sena, ħalla l-impjieg tiegħu. Issa t-tlieta fil-familja huma ddedikati u mgħammdin u qegħdin f’unità jaqdu lil Jehovah flimkien.
Kienet il-verità tal-Bibbja li għamlet lill-familja taʼ Daniel unita. Tistaʼ wkoll tagħmel lil familji oħrajn uniti jekk huma jitgħallmuha u japplikawha b’qalbhom kollha. (w94 4/1)