LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 5/1 pp. 21-28
  • Proklamaturi tas-Saltna Attivi fl-Art Kollha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Proklamaturi tas-Saltna Attivi fl-Art Kollha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • B’Antiċipazzjoni Tat-​Tmiem Taʼ Żminijiet Il-​Ġentili
  • Jipproklamaw B’Mod Żeluż Lis-​Saltna Stabbilita
  • Iħabirku Biex Jilħqu L-​Art Abitata Kollha
  • Nilħqu L-​Akbar Għadd Possibbli Bl-​Aħbar Tajba
  • Nies li jippritkaw—Predikaturi li joffru lilhom infushom minn rajhom
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Is-Saltna titwieled fis-sema
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 5/1 pp. 21-28

Proklamaturi tas-​Saltna Attivi fl-​Art Kollha

“Se tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-​iktar parti ’l bogħod taʼ l-​art.”—ATTI 1:8.

1. Ġesù x’messaġġ qal li s-​segwaċi tiegħu se jkunu jipproklamaw fi żmienna?

META kien qiegħed jiddeskrivi x-​xogħol li Jehovah kien bagħat lil Ibnu biex jagħmel fuq l-​art, Ġesù qal: “Irrid niddikjara l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.” (Luqa 4:43) B’mod simili, meta kien qiegħed jitkellem dwar ix-​xogħol li d-​dixxipli tiegħu kellhom jagħmlu fuq l-​art meta hu rritorna b’awtorità taʼ sultan, Ġesù qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna se tkun ippridkata fl-​art abitata kollha għal xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14.

2. (a) Għala hu daqshekk importanti li l-​messaġġ tas-​Saltna jingħata pubbliċità kbira? (b) X’mistoqsija għandna lkoll kemm aħna nistaqsu lilna nfusna?

2 L-​aħbar dwar is-​Saltna t’Alla għala hi tant importanti? Is-​Saltna għala tirrikjedi daqstant pubbliċità estensiva? Għaliex hija s-​Saltna Messjanika li se tivvindika s-​sovranità universali taʼ Jehovah. (1 Korintin 15:24-28) Permezz tagħha, Jehovah se jesegwixxi ġudizzju kontra s-​sistema taʼ affarijiet satanika preżenti u jwettaq il-​wegħda tiegħu li jbierek lill-​familji kollha taʼ l-​art. (Ġenesi 22:17, 18; Danjel 2:44) Billi ġiegħel li tingħata xiehda rigward is-​Saltna, Jehovah sab lil dawk li hu wara dilikhom biex ikunu werrieta sħab maʼ Ibnu. Permezz tal-​proklamazzjoni tas-​Saltna, xogħol taʼ frid qiegħed jitwettaq ukoll illum. (Mattew 25:31-33) Jehovah irid li nies mill-​ġnus kollha jiġu mwissijin rigward l-​iskop tiegħu. Hu jridhom li jkollhom opportunità li jagħżlu l-​ħajja bħala sudditi tas-​Saltna tiegħu. (Ġwann 3:16; Atti 13:47) Qiegħed int tieħu sehem sħiħ f’li tipproklama din is-​Saltna?

B’Antiċipazzjoni Tat-​Tmiem Taʼ Żminijiet Il-​Ġentili

3. (a) B’mod xieraq, x’kien is-​suġġett li C. T. Russell tkellem fuqu f’mawra bikrija biex jorganizza gruppi għal studju tal-​Bibbja? (b) Dawk l-​Istudenti tal-​Bibbja bikrin x’irrealizzaw rigward il-​post li s-​Saltna t’Alla għandha jkollha fil-​ħajjiet tagħhom?

3 Lura fl-​1880, Charles Taze Russell, l-​ewwel editur tar-​rivista Watch Tower, għamel mawra fil-​Grigal taʼ l-​Istati Uniti biex jinkuraġġixxi l-​formazzjoni taʼ gruppi għal studju tal-​Bibbja. B’mod xieraq, is-​suġġett li tkellem dwaru kien “Things Pertaining to the Kingdom of God.” (“Affarijiet Li Jappartjenu Lis-Saltna T’Alla”) Kif rifless f’ħarġiet bikrin tal-​Watch Tower, l-​Istudenti tal-​Bibbja (kif kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien) irrealizzaw li jekk kienu se jagħtu prova li jistħoqqilhom li jkollhom sehem fis-​Saltna t’Alla, iridu jagħmlu s-​Saltna l-​interess ewlieni tagħhom, billi bil-​ferħ jużaw il-​ħajjiet tagħhom, l-​abbiltajiet tagħhom, u r-​riżorsi tagħhom fis-​servizz tagħha. Kull ħaġa oħra fil-​ħajja riedet tieħu t-​tieni post. (Mattew 13:44-46) Ir-​responsabbiltà tagħhom kienet tinkludi li jipproklamaw lil oħrajn l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla. (Isaija 61:1, 2) Sa liema punt għamlu dan qabel it-​tmiem taʼ Żminijiet il-​Ġentili fl-​1914?

4. Il-​grupp żgħir taʼ Studenti tal-​Bibbja sa liema punt qassmu letteratura tal-​Bibbja qabel l-​1914?

4 Mill-​1870 sa l-​1914, l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu relattivament ftit fin-​numru. Sal-​1914, xi 5,100 biss kien jieħdu sehem attiv f’li jagħtu xiehda pubblika. Imma kemm kienet xiehda straordinarja din! Fl-​1881, sentejn biss wara li ġie ppubblikat għall-​ewwel darba l-​Watch Tower, huma ħadu ħsieb iqassmu l-​pubblikazzjoni taʼ 162 paġna Food for Thinking Christians (Ikel Għal Kristjani Li Jaħsbu). F’temp taʼ ftit xhur, kienu qassmu 1,200,000 kopja. Fi ftit snin, għaxriet taʼ miljuni taʼ fuljetti kienu qegħdin jiġu mqassmin kull sena b’ħafna lingwi.

5. Min kienu l-​colporteurs, u liema xorta taʼ spirtu wrew?

5 Ukoll b’seħħ mill-​1881, xi wħud offrew is-​servizzi tagħhom bħala evanġelizzaturi colporteur. Dawn kienu l-​predeċessuri tal-​pijunieri (evanġelizzaturi full-time) tal-​lum. Xi wħud mill-​colporteurs, billi vvjaġġaw bil-​mixi jew b’xi rota, personalment taw xiehda fi kważi kull parti tal-​pajjiż fejn kienu joqogħdu. Oħrajn ħabirku biex marru f’oqsma barranin u kienu l-​ewwel li ħadu l-​aħbar tajba lejn artijiet bħall-​Finlandja, Barbados, u Burma (li issa hi Myanmar). Huma wrew żelu missjunarju bħal dak taʼ Ġesù Kristu u l-​appostli tiegħu.—Luqa 4:43; Rumani 15:23-25.

6. (a) Kemm kienu estensivi l-​vjaġġi taʼ Ħuna Russell biex jifrex il-​verità tal-​Bibbja? (b) X’sar iżjed biex javanza l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba f’oqsma barranin qabel it-​tmiem taʼ Żminijiet il-​Ġentili?

6 Ħuna Russell innifsu vvjaġġa b’mod estensiv biex jifrex il-​verità. Hu mar il-​Kanada ripetutament; tkellem fil-​Panama, fil-​Ġamajka, u f’Kuba; hu għamel għadd taʼ vjaġġi lejn l-​Ewropa; u dar il-​globu f’mawra taʼ evanġelizzar. Hu bagħat ukoll lil irġiel oħrajn biex jagħtu bidu għal u jieħdu t-​tmexxija fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba f’oqsma barranin. Adolf Weber intbagħat lejn l-​Ewropa għall-​ħabta taʼ l-​1895, u l-​ministeru tiegħu nxtered mill-​Iżvizzera għal ġo Franza, l-​Italja, il-​Ġermanja, u l-​Belġju. E. J. Coward intbagħat lejn l-​inħawi tal-​Karibew. Robert Hollister ġie inkarigat biex imur fl-​Orjent fl-​1912. Hemm, fuljetti speċjali tħejjew f’għaxar lingwi, u miljuni taʼ kopji minnhom ġew iċċirkolati fl-​Indja, fiċ-​Ċina, fil-​Ġappun, u fil-​Korea minn distributuri lokali. Li kieku kont tgħix f’dak iż-​żmien, kienet qalbek tqanqlek biex tagħmel sforz ħerqan f’li tilħaq lil oħrajn fil-​komunità tiegħek u lil hinn minnha bl-​aħbar tajba?

7. (a) Il-​gazzetti kif intużaw biex tiġi intensifikata x-​xiehda? (b) X’kienet il-​“Photo-Drama of Creation,” u kemm rawha nies f’sena waħda biss?

7 Hekk kif Żminijiet il-​Ġentili qorbu lejn tmiemhom, intużaw xi gazzetti biex jippubblikaw priedki fuq il-​Bibbja minn Ħuna Russell. L-​enfasi ewlieni tagħhom ma kienx fuq is-​sena 1914 imma, minflok, fuq l-​iskop t’Alla u ċ-​ċertezza tat-​twettieq tiegħu. Mal-​2,000 gazzetta f’daqqa, li kienu jilħqu mal-15,000,000 qarrej, kienu b’mod regulari jippubblikaw dawn il-​priedki. Imbagħad, mas-​sebħ tas-​sena 1914, is-​Soċjetà bdiet turi fil-​pubbliku l-​“Photo-Drama of Creation.” F’erbaʼ preżentazzjonijiet taʼ sagħtejn il-​waħda, ippreżentat veritajiet tal-​Bibbja mill-​ħolqien u matul iż-​żminijiet kollha sa ġol-​Millennju. F’temp taʼ sena waħda, udjenzi li ammontaw għal iktar minn disaʼ miljuni fl-​Amerka taʼ Fuq, fl-​Ewropa, fl-​Awstralja, u fi New Zealand kienu rawha.

8. Sal-​1914, l-​Istudenti tal-​Bibbja kemm kienu laħqu artijiet bl-​aħbar tajba?

8 Skond l-​informazzjoni disponibbli, sa l-​aħħar parti taʼ l-​1914, dan il-​grupp żeluż taʼ evanġelizzaturi kienu firxu l-​proklamazzjoni tagħhom tas-​Saltna t’Alla fi 68 art.a Imma dak kien biss bidu!

Jipproklamaw B’Mod Żeluż Lis-​Saltna Stabbilita

9. Fil-​konvenzjonijiet f’Cedar Point, ix-​xogħol taʼ għoti taʼ xiehda tas-​Saltna kif ingħata spinta speċjali?

9 Meta l-​Istudenti tal-​Bibbja nġabru f’Cedar Point, Ohio, fl-​1919, J. F. Rutherford, li kien dak iż-​żmien il-​president tal-​Watch Tower Society, iddikjara: “Il-​vokazzjoni tagħna kienet u għadha li nħabbru s-​saltna glorjuża li ġejja tal-​Messija.” Fit-​tieni konvenzjoni f’Cedar Point, fl-​1922, Ħuna Rutherford enfasizza l-​fatt li fit-​tmiem taʼ Żminijiet il-​Ġentili, fl-​1914, ‘is-​Sultan tal-​glorja kien ħa fuqu nnifsu l-​qawwa kbira tiegħu u beda jirrenja.’ Imbagħad, hu poġġa l-​kwistjoni ċar u tond quddiem l-​udjenza tiegħu, billi qal: “Temmnu intom li s-​Sultan tal-​glorja beda r-​renju tiegħu? Mela lura lejn l-​għalqa, O intom ulied Alla l-​iktar għoli! . . . Ħabbru l-​messaġġ maʼ kullimkien. Id-​dinja trid tkun taf li Jehovah hu Alla u li Ġesù Kristu hu Sultan tas-​slaten u Mulej tal-​mulejiet. Dan hu l-​jum fuq l-​oħrajn kollha. Araw, is-​Sultan jirrenja! Intom l-​aġenti pubbliċitarji tiegħu.”

10, 11. Ir-​radju, il-​karozzi bil-​loudspeakers, u l-​kartelluni kif intużaw b’mod effettiv biex jintlaħqu n-​nies bil-​verità tas-​Saltna?

10 Għaddew iktar minn 70 sena minn mindu saru dawk il-​konvenzjonijiet taʼ Cedar Point​—kważi 80 sena minn mindu Jehovah beda jesprimi s-​sovranità tiegħu permezz tal-​ħakma Messjanika taʼ Ibnu. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah sa liema punt attwalment wettqu x-​xogħol imqiegħed quddiemhom fil-​Kelma t’Alla? Liema sehem qiegħed ikollok int personalment fih?

11 Kmieni fis-​snin għoxrinijiet, ir-​radju sar disponibbli bħala strument li setaʼ jintuża biex jagħti pubbliċità kbira lill-​messaġġ tas-​Saltna. Matul is-​snin tletin, taħditiet minn konvenzjonijiet li jagħtu prominenza lis-​Saltna bħala t-​tama tad-​dinja ġew imxandrin minn gruppi taʼ stazzjonijiet tar-​radju jew minn trażmissjonijiet simultanji f’bosta lokalitajiet u minn linji tat-​telefon li kienu jduru mal-​globu kollu. Karozzi mgħammrin b’loudspeakers kienu wkoll użati biex isemmgħu f’postijiet pubbliċi taħditiet Bibliċi rrekordjati. Imbagħad, fl-​1936, fi Glasgow, l-​Iskozja, ħutna bdew jilbsu kartelluni hekk kif ippassiġġaw f’distretti tan-​negozju biex jirriklamaw taħditiet pubbliċi. Dawn kollha kienu modi effettivi biex tingħata xiehda lil ħafna nies f’dak iż-​żmien meta l-​għadd tagħna kien ftit.

12. Bħalma turi l-​Iskrittura, x’inhu wieħed mill-​iktar modi effettivi għalina bħala individwi biex nagħtu xiehda?

12 M’għandniex xi ngħidu, l-​Iskrittura tagħmilha ċara li bħala Kristjani, aħna individwalment għandna r-​responsabbiltà li nagħtu xiehda. Ma nistgħux sempliċement inħallu artikli tal-​gazzetti jew xandiriet tar-​radju jagħmlu x-​xogħol. Eluf taʼ Kristjani leali​—irġiel, nisa, u żgħażagħ—​aċċettaw dik ir-​responsabbiltà. Bħala riżultat, l-​ippridkar minn dar għal dar sar marka taʼ identifikazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah.—Atti 5:42; 20:20.

Iħabirku Biex Jilħqu L-​Art Abitata Kollha

13, 14. (a) Xi Xhieda għala jmorru joqogħdu fi bliet oħrajn, saħansitra f’pajjiżi oħrajn, biex iwettqu l-​ministeru tagħhom? (b) Interess bl-​imħabba minn uħud għal nies f’art twelidhom kif għen biex tinfirex l-​aħbar tajba?

13 Billi jafu li l-​messaġġ tas-​Saltna jrid jiġi ppridkat maʼ l-​art abitata kollha, uħud mix-​Xhieda taʼ Jehovah ikkunsidraw serjament x’jistgħu jagħmlu huma personalment biex jilħqu nħawi lil hinn mill-​komunità tagħhom.

14 Ħafna nies tgħallmu l-​verità wara li telqu minn pajjiżhom. Għalkemm huma forsi emigraw għal vantaġġ materjali, sabu xi ħaġa iżjed prezzjuża, u xi wħud ħassew il-​ħtieġa li jirritornaw lejn l-​art jew il-​komunità fejn twieldu biex jaqsmu l-​verità maʼ oħrajn. B’hekk, kmieni f’dan is-​seklu l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba espanda fl-​Iskandinavja, fil-​Greċja, fl-​Italja, f’pajjiżi taʼ l-​Ewropa tal-​Lvant, u f’ħafna nħawi oħrajn. Saħansitra issa, fis-​snin disgħin, il-​messaġġ tas-​Saltna qiegħed jinfirex bl-​istess manjiera.

15. Matul is-​snin għoxrin u s-​snin tletin, x’ġie mwettaq minn xi wħud li l-​attitudni tagħhom kienet bħal dik mistqarra f’Isaija 6:8?

15 Billi applikaw il-​pariri tal-​Kelma t’Alla fil-​ħajjiet tagħhom, xi wħud għamlu lilhom infushom disponibbli għal servizz f’postijiet fejn ma kinux għexu qabel. W. R. Brown (spiss imsejjaħ “Bible Brown”) kien wieħed minn dawn. Fl-​1923, biex jifrex ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, hu telaq minn Trinidad u mar fl-​Afrika tal-​Punent. Matul is-​snin tletin, Frank u Gray Smith, Robert Nisbet, u David Norman kienu fost dawk li ġarrew il-​messaġġ tas-​Saltna ’l fuq matul il-​kosta tal-​Lvant taʼ l-​Afrika. Oħrajn għenu biex jikkultivaw il-​qasam taʼ l-​Amerka t’Isfel. Kmieni fis-​snin għoxrin, George Young, Kanadiż, ħa sehem fix-​xogħol fl-​Arġentina, fil-​Brażil, fil-​Bolivja, fiċ-​Ċili, u fil-​Perù. Juan Muñiz, li kien qeda fi Spanja, kompla x-​xogħol fl-​Arġentina, fiċ-​Ċili, fil-​Paragwaj, u fl-​Urugwaj. Dawn kollha wrew spirtu bħal dak mistqarr f’Isaija 6:8: “Hawn jien! Ibgħat lili.”

16. Fejn minbarra ċ-​ċentri prinċipali taʼ popolazzjoni kien qiegħed isir l-​għoti taʼ xiehda fis-​snin taʼ qabel il-​gwerra?

16 L-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba kien qiegħed jilħaq saħansitra nħawi mbegħdin. Dgħajjes misjuqin minn Xhieda kienu qegħdin iżuru l-​portijiet iżolati kollha taʼ Newfoundland, il-kosta Norveġiża għal ġo l-​Artiku, il-​gżejjer tal-​Paċifiku, u l-​portijiet tax-​Xlokk taʼ l-​Asja.

17. (a) Sas-​sena 1935, kemm artijiet intlaħqu mix-​Xhieda? (b) Ix-​xogħol għala ma kienx spiċċa sa dak il-​punt?

17 Ħaġa taʼ l-​iskantament, sas-​sena 1935, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu attivi jippridkaw f’115-il art, u kienu laħqu 34 art oħra bi spedizzjonijiet taʼ għoti taʼ xiehda jew b’letteratura mibgħuta bil-​posta. Madankollu, ix-​xogħol kien għadu ma spiċċax. Dik is-​sena Jehovah fetħilhom għajnejhom għall-​iskop tiegħu li jiġbor “folla kbira” li kienet se tibqaʼ ħajja dritt għal ġod-​dinja ġdida tiegħu. (Rivelazzjoni 7:9, 10, 14) Xorta kien għad hemm ħafna għoti taʼ xiehda xi jsir!

18. Fix-​xogħol taʼ proklamazzjoni tas-​Saltna, liema rwolijiet wettqu l-​iskola taʼ Gilead u l-​Ministerial Training School?

18 Saħansitra waqt li t-​II Gwerra Dinjija belgħet l-​art u kien hemm projbizzjonijiet fuq il-​letteratura jew l-​attività tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’għexieren taʼ artijiet, il-​Watchtower Bible School of Gilead fetħet il-​bibien tagħha biex tħarreġ missjunarji prospettivi biex iwettqu jerġaʼ xogħol akbar taʼ proklamazzjoni internazzjonali tas-​Saltna. Sal-​lum, gradwati taʼ Gilead qdew f’iktar minn 200 art. Huma għamlu iktar milli qassmu l-​letteratura u mbagħad marru x’imkien ieħor. Huma kkonduċew studji tal-​Bibbja, organizzaw kongregazzjonijiet, u ħarrġu nies biex jerfgħu responsabbiltà teokratika. Iktar riċenti, anzjani u qaddejja ministerjali li ggradwaw mill-​Ministerial Training School għenu wkoll biex jimlew ħtiġijiet vitali f’konnessjoni maʼ dan ix-​xogħol f’sitt kontinenti. Pedament solidu ġie mqiegħed għal iżjed żjieda.—Qabbel 2 Timotew 2:2.

19. Il-​qaddejja taʼ Jehovah sa liema punt wieġbu għall-​istedina biex jaqdu fi nħawi taʼ ħtieġa akbar?

19 Setgħu oħrajn jgħinu biex jieħdu ħsieb taʼ xi territorju mhux maħdum? Fl-​1957, f’konvenzjonijiet mad-​dinja kollha, individwi u familji​—Xhieda maturi taʼ Jehovah—​ġew inkuraġġiti biex jikkunsidraw li jmorru jgħixu f’inħawi fejn il-​bżonn hu akbar sabiex joqogħdu hemm u jwettqu l-​ministeru tagħhom hemm. L-​istedina kienet simili għal dik ippreżentata minn Alla lill-​appostlu Pawlu, li ra f’viżjoni raġel li talbu bil-​ħerqa: “Aqbeż qabża sal-​Maċedonja u għinna.” (Atti 16:9, 10) Xi wħud għamlu ċ-​ċaqliqa fis-​snin ħamsin; oħrajn iktar tard. Xejn inqas minn elf Xhieda marru joqogħdu fl-​Irlanda u fil-​Kolumbja; mijiet marru joqogħdu f’ħafna postijiet oħrajn. Għaxriet taʼ eluf taʼ oħrajn marru joqogħdu f’inħawi fejn il-​bżonn kien akbar fil-​pajjiż tagħhom stess.—Salm 110:3.

20. (a) Mill-​1935 ’il hawn, x’sar bi twettieq tal-​profezija taʼ Ġesù f’​Mattew 24:14? (b) Matul l-​aħħar ftit snin, kif kien hemm żjieda fir-​ritmu tax-​xogħol?

20 Bil-​barka taʼ Jehovah fuq il-​poplu tiegħu, ix-​xogħol taʼ proklamazzjoni tas-​Saltna jkompli jimxi ’l quddiem b’pass straordinarju. Mill-​1935 ’il hawn l-​għadd taʼ pubblikaturi żdied b’iktar minn tmenin darba, u r-​rata taʼ żjieda fost il-​pijunieri kien 60 fil-​mija iktar mir-​rata taʼ żjieda fil-​għadd taʼ pubblikaturi. L-​arranġament taʼ studji tal-​Bibbja fid-​djar inbeda matul is-​snin tletin. Hemm issa medja taʼ iktar minn erbaʼ miljuni u nofs studji li jsiru kull xahar. Mill-​1935 ’il hawn iktar minn 15-il biljun siegħa ġew iddedikati għax-​xogħol taʼ proklamazzjoni tas-​Saltna. Pridkar regulari taʼ l-​aħbar tajba qiegħed isir issa f’231 art. Hekk kif territorji fl-​Ewropa tal-​Lvant u fl-​Afrika nfetħu għal ippridkar iżjed ħieles taʼ l-​aħbar tajba, konvenzjonijiet internazzjonali ġew użati b’mod effettiv biex il-​messaġġ tas-​Saltna jitpoġġa b’mod prominenti quddiem il-​pubbliku. Bħalma Jehovah wiegħed żmien twil ilu, f’Isaija 60:22, hu ċertament qiegħed ‘jgħaġġel ix-​xogħol f’waqtu.’ Xi privileġġ grandjuż hu għalina li nieħdu sehem fih!

Nilħqu L-​Akbar Għadd Possibbli Bl-​Aħbar Tajba

21, 22. X’nistgħu nagħmlu aħna personalment biex inkunu Xhieda iżjed effettivi kulfejn naqdu?

21 Il-​Mulej għadu ma qalx li x-​xogħol spiċċa. Ħafna eluf għadhom iħaddnu l-​qima pura. Għalhekk tqum il-​mistoqsija, Qegħdin nagħmlu kulma hu possibbli biex nagħmlu użu tajjeb miż-​żmien li l-​paċenzja taʼ Jehovah ippermettiet għal dan ix-​xogħol?—2 Pietru 3:15.

22 Mhux kulħadd jistaʼ jmur joqgħod f’territorju li ma jinħadimx spiss. Imma qiegħed int tagħmel użu sħiħ mill-​opportunitajiet li huma miftuħin quddiemek? Tagħti int xiehda lill-​ħaddiema sħabek, lill-​għalliema u lil sħabek taʼ l-​iskola? Għamilt xi aġġustamenti għas-​sitwazzjonijiet li jitbiddlu fit-​territorju tiegħek? Jekk, minħabba bidliet fil-​modi kif qiegħed isir ix-​xogħol, ftit ferm nies ikunu d-​dar matul il-​ġurnata, dawwart int l-​iskeda tiegħek sabiex iżżurhom fil-​għaxijiet? Jekk ċertu bini qiegħed isir inaċċessibbli għal viżitaturi mhux mistednin, qiegħed int tagħmel għoti taʼ xiehda permezz tat-​telefon jew tal-​posta? Qiegħed terġaʼ tmur lura fejn issib l-​interess u toffri li tikkonduċi studji tal-​Bibbja fid-​dar? Qiegħed int twettaq bir-​reqqa l-​ministeru tiegħek?—Qabbel Atti 20:21; 2 Timotew 4:5.

23. Hekk kif Jehovah josserva dak li qegħdin nagħmlu fis-​servizz tiegħu, x’għandu jkun evidenti fil-​każ tagħna?

23 Jalla lkoll kemm aħna nwettqu l-​ministeru tagħna b’manjiera li turi ċar lil Jehovah li aħna verament napprezzaw il-​privileġġ grandjuż li nkunu x-​Xhieda tiegħu f’dawn iż-​żminijiet ferm importanti. Jalla jkun il-​privileġġ tagħna li nkunu xhieda li naraw b’għajnejna stess hekk kif Jehovah jesegwixxi ġudizzju fuq is-​sistema qadima u korrotta u jagħti bidu għall-​Ħakma Millennjali glorjuża taʼ Ġesù Kristu! (w94 5/1)

[Nota taʼ taħt]

a Magħdudin skond il-​mod li bih kienet maqsuma l-​art fil-​bidu tas-​snin disgħin.

B’Reviżjoni

◻ L-​ippridkar tal-​messaġġ tas-​Saltna għala hu tant importanti?

◻ L-​aħbar tajba sa liema punt kienet ippridkata sa l-​1914?

◻ Kemm ingħatat xiehda intensiva minn mindu twaqqfet is-​Saltna ’l hawn?

◻ X’jistaʼ jagħmel is-​sehem tagħna stess fil-​ministeru iżjed produttiv?

[Kaxxa f’paġni 24, 25]

IX-​XHIEDA TAʼ JEHOVAH—Proklamaturi Tas-​Saltna T’Alla

F’mijiet taʼ konvenzjonijiet madwar id-​dinja matul l-​1993-94, ġie annunzjat il-​ħruġ taʼ ktieb ġdid intitolat Jehovah’s Witnesses​—Proclaimers of God’s Kingdom. Din hija storja mill-​iktar informattiva u komprensiva tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Huwa ktieb taʼ 752 paġna, bi stampi sbieħ, b’iktar minn elf ritratt miġburin minn 96 art differenti. Sat-​tmiem taʼ l-​1993, dan kien diġà ġie ppubblikat f’25 lingwa u qiegħed jiġi tradott f’iktar.

X’jagħmel lil ktieb bħal dan f’waqtu? Fi snin riċenti miljuni taʼ nies madwar id-​dinja saru Xhieda taʼ Jehovah. Kollha kemm huma għandhom ikunu informati sewwa dwar l-​istorja taʼ l-​organizzazzjoni li magħha huma assoċjati. Iktar minn hekk, ix-​xandir u l-​mod taʼ qima tagħhom ippenetraw gruppi nazzjonali u razzjali madwar id-​dinja u ġew imħaddnin minn żgħażagħ u xjuħ, f’kull livell ekonomiku u edukattiv. Bħala riżultat, ħafna li josservaw x’inhu jiġri għandhom mistoqsijiet dwar ix-​Xhieda​—mhux biss dwar it-​twemmin tagħhom imma wkoll dwar l-​oriġini tagħhom, l-​istorja tagħhom, l-​organizzazzjoni tagħhom, l-​oġġettivi tagħhom. Oħrajn kitbu dwarhom, għalkemm mhux dejjem imparzjalment. Madankollu, ħadd ma jaf l-​istorja taż-​żmien li aħna fih tax-​Xhieda taʼ Jehovah aħjar milli jafuha x-​Xhieda nfushom. L-​edituri taʼ dan il-​ktieb għamlu ħilithom sabiex jippreżentaw dik l-​istorja f’manjiera oġġettiva u sinċiera. F’li għamlu hekk, huma ddokumentaw ukoll it-​twettieq sa llum taʼ l-​aspett tant sinjifikanti tas-​sinjal tal-​preżenza taʼ Kristu illi huwa rrekordjat f’Mattew 24:14, u huma għamlu dan b’dettalji li setgħu jiġu pprovduti biss minn dawk li huma involuti fix-​xogħol imbassar hemm.

Il-​ktieb huwa maqsum f’sebaʼ sezzjonijiet prinċipali:

L-​ewwel sezzjoni: Dan il-​porzjon jesplora l-​għeruq storiċi tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Dan jinkludi ħarsa ġenerali konċiża u informattiva taʼ l-​istorja moderna tagħhom mill-​1870 sa l-​1992.

It-​tieni sezzjoni: Hawnhekk hawn reviżjoni żvelanti dwar l-​iżvilupp progressiv tat-​twemmin li jiddistingwi lix-​Xhieda taʼ Jehovah minn għaqdiet reliġjużi oħrajn.

It-​tielet sezzjoni: Din il-​parti tal-​ktieb teżamina l-​iżvilupp strutturali taʼ l-​organizzazzjoni tagħhom. Din tirrakkonta fatti interessanti dwar il-​laqgħat tagħhom tal-​kongregazzjoni u konvenzjonijiet, kif ukoll il-​mod li bih jibnu Swali tas-​Saltna, Swali akbar taʼ l-​Assembleat, u faċilitajiet għal ippubblikar taʼ letteratura Biblika. Hi turi b’liema żelu x-​Xhieda taʼ Jehovah jipproklamaw is-​Saltna t’Alla u l-​imħabba li hija murija waqt li huma jieħdu ħsieb xulxin fi żminijiet taʼ kriżi.

Ir-​rabaʼ sezzjoni: Hawnhekk se ssib dettalji affaxxinanti dwar kif il-​proklamazzjoni tas-​Saltna t’Alla waslet sa pajjiżi kbar u gżejjer remoti madwar il-​globu. Immaġina biss​—ippridkar fi 43 art fis-​sena 1914, imma f’229 art sa l-​1992! L-​esperjenzi taʼ dawk li ħadu sehem f’din l-​espansjoni globali tabilħaqq iqawwu l-​qalb.

Il-​ħames sezzjoni: It-​twettieq taʼ dan ix-​xogħol kollu taʼ pproklamar tas-​Saltna rrikjeda l-​iżvilupp taʼ faċilitajiet internazzjonali għall-​ippubblikar taʼ Bibbji kif ukoll taʼ letteratura Biblika f’iktar minn mitejn lingwa. Hawn se titgħallem dwar dak l-​aspett tax-​xogħol tagħhom.

Is-​sitt sezzjoni: Ix-​Xhieda ffaċċjaw ukoll tiġrib​—xi wħud minħabba imperfezzjoni umana, oħrajn minħabba aħwa foloz, u saħansitra iktar minħabba persekuzzjoni sfaċċata. Il-​Kelma t’Alla wissiet li dan hekk kellu jkun. (Luqa 17:1; 2 Timotew 3:12; 1 Pietru 4:12; 2 Pietru 2:1, 2) Din is-​sezzjoni tal-​ktieb tirrakkonta b’mod ħaj x’seħħ attwalment u kif il-​fidi tax-​Xhieda taʼ Jehovah għamlitha possibbli li joħorġu vittorjużi.

Is-​sebaʼ sezzjoni: F’konklużjoni, il-​ktieb jikkunsidra għala x-​Xhieda taʼJehovah huma konvinti b’mod sod illi l-​organizzazzjoni li huma jagħmlu parti minnha qiegħda verament tiġi mmexxija minn Alla. Din tiddiskuti wkoll għala huma jħossu n-​neċessità, organizzazzjonalment u individwalment, sabiex jibqgħu għassa.

B’żieda maʼ dan t’hawn fuq, dan il-​volum iddisinnjat b’mod attraenti jinkludi sezzjoni sabiħa u ferm informattiva taʼ 50 paġna bi stampi bil-​kulur, li juru l-​kwartieri ġenerali dinjin kif ukoll il-​fergħat li qegħdin jiġu wżati mix-​Xhieda taʼ Jehovah mad-​dinja kollha.

Jekk mhux diġà għamilt hekk, inti ċertament li sejjer tibbenefika billi takkwista u taqra kopja taʼ din il-​pubblikazzjoni affaxxinanti.

Kummenti Minn Uħud Li Qrawh

X’inhuma r-​reazzjonijiet taʼ dawk li diġà qraw dan il-​ktieb? Hawnhekk hawn ftit minnhom:

“Għadni kemm spiċċajt il-​qari tad-​dokumentarju affaxxinanti u ħaj Jehovah’s Witnesses​—Proclaimers of God’s Kingdom. Hija biss organizzazzjoni lealment u umilment devota lejn il-​verità li tistaʼ tikteb b’mod tant onest, kuraġġuż, u sensittiv.”

“Jinqara qisu l-​ktieb taʼ l-​Atti, bl-​onestà u s-​sinċerità tiegħu.”

“X’pubblikazzjoni ġdida li ssammrek! . . . Hija kapolavur storiku.”

Wara li qara madwar nofs il-​ktieb, wieħed raġel kiteb: “Ġejt imbellah, imbikkem u kważi qabiżli d-​dmugħ. . . . Fis-​snin kollha li għandi, l-​ebda pubblikazzjoni oħra ma qanqlitni daqshekk emozzjonalment.”

“Qalbi tfur bil-​ferħ kull darba li naħseb kif dan il-​ktieb sejjer isaħħah il-​fidi kemm taʼ dawk li għadhom żgħar kif ukoll taʼ dawk il-​ġodda li għadhom deħlin fl-​organizzazzjoni llum.”

“Jiena dejjem apprezzajt il-​verità, imma l-​qari taʼ dan il-​ktieb fetaħli għajnejja u għenni nirrealizza iktar minn qatt qabel illi l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah huwa wara dan kollu.”

[Stampi f’paġna 26]

Ħafna nies intlaħqu bil-​messaġġ tas-​Saltna saħansitra meta x-​Xhieda kienu ftit fin-​numru

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja