Żgħażagħ—It-Tagħlim taʼ Min Tagħtu Kas?
“Xi wħud se jaqgħu ’l hemm mill-fidi, billi jagħtu kas . . . tagħlim tad-demonji.”—1 TIMOTEW 4:1.
1. (a) Iż-żgħażagħ liema għażla għandhom? (b) Jehovah kif jgħallem?
IL-MISTOQSIJA hawn indirizzata liż-żgħażagħ hi, It-tagħlim taʼ min tagħtu kas? Dan jissuġġerixxi li intom iż-żgħażagħ għandkom għażla. L-għażla hi bejn li tirreaġixxu b’mod favorevoli għat-tagħlim divin u li ssegwu t-tagħlim tad-demonji. Jehovah jgħallem permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja, kif ukoll permezz tal-ministeru taʼ dawk li juża bħala r-rappreżentanti tiegħu fuq l-art. (Isaija 54:13; Atti 8:26-39; Mattew 24:45-47) Imma teħodha b’sorpriża int li d-demonji wkoll jgħallmu?
2. Għala huwa vitali li ngħassu kontra t-tagħlim tad-demonji partikolarment f’dan iż-żmien?
2 L-appostlu Pawlu kiteb: “F’perijodi taʼ żmien iktar tard xi wħud se jaqgħu ’l hemm mill-fidi, billi jagħtu kas ħwejjeġ mitkellma u spirati li jiżżvijaw u tagħlim tad-demonji.” (1 Timotew 4:1) Ladarba qegħdin ngħixu fl-“aħħar jiem” meta Satana u d-demonji tiegħu huma attivi b’mod speċjali, tistaʼ int tifhem għala nistaqsu l-mistoqsija, It-tagħlim taʼ min tagħti kas? (2 Timotew 3:1-5; Rivelazzjoni 12:7-12) Minħabba li Satana u d-demonji tiegħu huma tant makakki, tant seduċċivi fil-metodi tagħhom kif jaħdmu, huwa vitali li int tagħti konsiderazzjoni bir-reqqa lil din il-mistoqsija.—2 Korintin 11:14, 15.
Id-Demonji u T-Tagħlim Tagħhom
3. Min huma d-demonji, x’inhu l-iskop tagħhom, u kif ifittxu li jwettquh?
3 Id-demonji kienu darba anġli taʼ Jehovah, imma rribellaw kontra l-Ħallieq tagħhom u b’hekk saru alleati taʼ Satana. (Mattew 12:24) L-għan tagħhom hu li jikkorrompu lin-nies u jdawruhom lil hinn milli jaqdu lil Alla. Biex iwettqu dan, id-demonji jużaw għalliema umani biex jippromwovu mod taʼ ħajja egoista u immorali li hi kkundannata minn Jehovah. (Qabbel 2 Pietru 2:1, 12-15.) Ħarsa b’lura lejn il-mod kif dawk li qabel kienu anġli leali saru demonji se tgħinek tidentifika t-tagħlim tagħhom u l-mod taʼ ħajja li dan it-tagħlim jippromwovi.
4. (a) L-anġli diżubbidjenti għala ġew fuq l-art fi żmien Noè? (b) Xi ġralhom l-anġli mill-agħar u n-nisel tagħhom waqt id-Dulluvju?
4 Fi żmien Noè, ċerti anġli tant saru attirati lejn il-bniet sbieħ tal-bnedmin li dawn il-ħlejjaq spirti ħallew il-pożizzjonijiet tagħhom fis-sema biex jiġu fl-art. L-għaqda sesswali tagħhom man-nisa rriżultat f’nisel ibridu msejjaħ Nefilim. Ladarba huwa kontra n-natura li ħlejjaq spirti jabitaw mal-bnedmin, dak li għamlu l-anġli diżubbidjenti maʼ dawk in-nisa kien sewwa sew ħażin daqs l-atti omosesswali mwettqin iktar tard mill-irġiel u s-subien taʼ Sodom. (Ġenesi 6:1-4; 19:4-11; Ġuda 6, 7) Għalkemm l-imseħbin taʼ l-anġli nqerdu fl-ilmijiet taʼ l-għarqa flimkien mat-tfal ibridi tagħhom, l-anġli mill-agħar neżgħu l-iġsma tal-laħam immaterjalizzati tagħhom u rritornaw lejn is-sema fejn saru l-imseħbin demoniċi taʼ Satana x-Xitan.—2 Pietru 2:4.
5. Liema xorta taʼ ħlejjaq huma d-demonji, u kif jipprovaw iħarbtu l-liġijiet t’Alla?
5 Meta tqis dan l-isfond storiku, tifhem int x’tip taʼ ħlejjaq verament huma d-demonji? Huma perverti sesswali li, minn wara l-kwinti, jimmanipulaw lil din id-dinja li hi miġnuna wara s-sess. Għalkemm ġew miżmumin milli jimmaterjalizzaw mill-ġdid bħala bnedmin, huma jiksbu pjaċir mill-perverżjonijiet sesswali taʼ dawk li lilhom jistgħu jikkorrompu fuq l-art. (Efesin 6:11, 12) Id-demonji jipprovaw iħarbtu l-liġijiet taʼ Jehovah rigward il-kastità u l-moralità billi jġagħluhom jidhru restrittivi bla bżonn. Dawn l-anġli mill-agħar jirriklamaw l-immoralità sesswali bħala mod taʼ ħajja normali u taʼ pjaċir.
Jippromwovu Tagħlim Tad-Demonji
6. Għala m’għandux jissorprendina li d-demonji jippromwovu t-tagħlim tagħhom b’mod sottili?
6 Li d-demonji jippromwovu t-tagħlim tagħhom b’mod sottili m’għandux jissorprendina, ladarba dan hu l-metodu li l-mexxej tagħhom, Satana x-Xitan, uża biex iqarraq b’Eva. Ftakar li hu tkellem magħha bħal li kieku ried ikun taʼ għajnuna. “Huwa tassew hekk li Alla qal li ma tridux tieklu minn kull siġra tal-ġnien?” staqsa Satana. Imbagħad bil-makakkerija pprova jgerfex it-tagħlim t’Alla billi jgħid lil Eva li kienet se tibbenefika jekk tiekol mis-siġra pprojbita. “Fl-istess jum li tieklu minnha,” wiegħed ix-Xitan, “għajnejkom tassew se jinfetħu u intom tassew se ssiru bħal Alla, tafu t-tajjeb u l-ħażin.” (Ġenesi 3:1-5) B’hekk Eva ġiet imħajra, iva sseduċuta, f’li ma tobdix lil Alla.—2 Korintin 11:3; 1 Timotew 2:13, 14.
7. X’kien l-effett tat-tagħlim sottili tad-demonji, u liema twissija jipprovdi dan?
7 Fi żminijiet riċenti, ukoll, ħafna ġew isseduċuti. Id-demonji ppromwovew l-immoralità sesswali b’mod tant makakk li saret aċċettata minn ħafna li qabel kienu jikkundannawha. Per eżempju, meta waħda mara magħrufa ħafna li tagħti l-pariri fuq il-gazzetta fl-Istati Uniti wieġbet ittra fuq il-kwistjoni taʼ nies li m’humiex miżżewġin li jkollhom relazzjonijiet sesswali, hi kitbet: “Jien qatt ma ħsibt li se nbiddel fehmti fuq din il-kwistjoni, imma issa nemmen li koppji li huma serji dwar iż-żwieġ għandhom kultant imorru flimkien għal xi weekend biex jittestjaw il-kompatibilità tagħhom.” Imbagħad żiedet: “Ma nistax nemmen li jien ktibtu dak!” Saħansitra hi stess ma setgħetx temmen li kienet irrikkmandat il-fornikazzjoni, imma hekk kienet għamlet! B’mod ċar, irridu ngħassu li t-tagħlim tad-demonji ma jeffettwax il-ħarsa tagħna lejn prattiċi li Alla jikkundanna.—Rumani 1:26, 27; Efesin 5:5, 10-12.
8. (a) Il-kelma “dinja” kif inhi wżata fil-Bibbja? (b) Min jaħkem lid-dinja, u s-segwaċi taʼ Ġesù kif għandhom iqisu lid-dinja?
8 Qatt m’għandna ninsew li Satana hu “l-ħakkiem taʼ din id-dinja.” Fil-fatt, l-appostlu Ġwanni qal li “d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-wieħed mill-agħar.” (Ġwann 12:31; 1 Ġwann 5:19) Veru, Ġesù xi drabi uża l-kelma “dinja” biex jirreferi għall-umanità kollha. (Mattew 26:13; Ġwann 3:16; 12:46) Iżjed taʼ spiss, madankollu, hu uża l-kelma “dinja” biex jirreferi għas-soċjetà umana organizzata kollha li teżisti barra l-kongregazzjoni Kristjana vera. Per eżempju, Ġesù qal li s-segwaċi tiegħu ma jridu jkunu “ebda parti mid-dinja” (is-soċjetà umana bla tjieba) u li minħabba li ma kienu ebda parti mid-dinja, id-dinja kellha tobgħodhom. (Ġwann 15:19; 17:14-16) Il-Bibbja iktar minn hekk wissiet li għandna nevitaw li nsiru ħbieb taʼ did-dinja maħkuma minn Satana.—Ġakbu 4:4.
9, 10. (a)v Liema affarijiet dinjin jistimulaw xewqa mhix xierqa għas-sess? (b) Kif inhu possibbli li nidentifikaw min hemm wara dak li jgħallem id-divertiment tad-dinja?
9 L-appostlu Ġwanni ħeġġeġ: “Kunu tħobbu la lid-dinja u lanqas l-affarijiet fid-dinja.” Qal ukoll: “Kull ħaġa li hemm fid-dinja—ix-xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn u li wieħed jiffanfra bil-mezzi tal-ħajja—ma toriġinax mill-Missier.” (1 Ġwann 2:15, 16) Aħseb dwar dan. X’hemm fid-dinja llum li jistimula xewqa ħażina, per eżempju għal sess illeċitu? (1 Tessalonkin 4:3-5) Xi ngħidu dwar il-biċċa l-kbira mill-mużika tad-dinja? Pulizija mara li hi probation officer f’California qalet: “Bażikament, il-mużika tgħallem li m’għandekx għalfejn tismaʼ mill-ġenituri tiegħek, u li għandek tgħix il-ħajja kif trid int.” Tagħraf int is-sors tat-tagħlim ipprovdut minn mużika bħal din?
10 Ftakar li Satana, effettivament, qal lil Eva: ‘Qiegħda titlef xi ħaġa interessanti jew taʼ benefiċċju. Għix il-ħajja kif trid int. Iddeċiedi għalik innifsek dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. M’għandekx għalfejn tismaʼ minn Alla.’ (Ġenesi 3:1-5) M’huwiex dak l-istess tip taʼ messaġġ misjub f’ħafna mill-mużika tad-dinja? Imma d-demonji ma jgħallmux biss permezz tal-mużika. Jużaw ukoll programmi televiżivi kummerċjali, films, u videos biex jgħallmu. Dan kif? Sewwa, il-mezzi taʼ komunikazzjoni tad-dinja jippreżentaw divertiment li jagħmel it-tagħlim morali t’Alla jidher sikkanti. Huma jirriklamaw il-fornikazzjoni billi jenfasizzawha u jippreżentawha bħala mixtieqa.
11. Rigward il-morali, it-televiżjoni x’jgħallem taʼ spiss?
11 Ir-rivista U.S.News & World Report stqarret: “Fl-1991, it-tliet stazzjonijiet [taʼ l-Istati Uniti] urew iktar minn 10,000 inċidenti sesswali matul il-ħin ewlieni taʼ trażmissjonijiet; għal kull xena li turi relazzjonijiet sesswali bejn imseħbin fiż-żwieġ, l-istazzjonijiet urew 14-il xena taʼ sess barra miż-żwieġ.” Billi juri iktar minn 9,000 inċident taʼ sess illeċitu matul il-ħin ewlieni taʼ trażmissjonijiet f’sena waħda, x’tgħid li t-televiżjoni qiegħed jgħallem? Barry S. Sapolsky, li kien wieħed mill-awturi tar-rapport “Sex in Primetime Television: 1979 Versus 1989,” jistqarr: “Jekk adoloxxent għal snin sħaħ jara programmi televiżivi fejn in-nies jieħdu sehem f’kondotta sesswali diretta jew indiretta, dawn l-eluf taʼ immaġnijiet matul is-snin se jgħallmuhom li s-sess hu pjaċevoli—u mingħajr konsegwenzi.” M’hemmx dubju dwar dan: Id-divertiment tad-dinja jgħallem liż-żgħażagħ li m’hemm ebda regoli, li l-fornikazzjoni hi aċċettabbli, u li m’hemm ebda konsegwenzi ħżiena jekk tgħix b’mod li Alla jikkundannah.—1 Korintin 6:18; Efesin 5:3-5.
12. Id-divertiment tad-dinja għala hu taʼ theddida b’mod partikulari għaż-żgħażagħ Kristjani?
12 Il-mużika, il-films, il-videos, u t-televiżjoni tad-dinja huma ddisinjati biex jappellaw għaż-żgħażagħ. Huma jippromwovu t-tagħlim korrott tad-demonji! Imma għandu dan jissorprendina? Aħseb dwar dan. Jekk ir-reliġjon falza u l-politika huma parti mid-dinja taʼ Satana—u hekk huma b’mod ċar—jagħmel sens li temmen li d-divertiment li tippromwovi d-dinja hu ħieles mill-influwenza tad-demonji? Intom iż-żgħażagħ b’mod partikulari teħtieġu li tgħassu biex ma “tħallux id-dinja taʼ madwarkom iddeffiskom fil-forma tagħha stess.”—Rumani 12:2, The New Testament in Modern English, minn J. B. Phillips.
Agħmel Eżami Tiegħek Innifsek
13. Liema eżami tagħna nfusna għandu jsir?
13 Il-kwistjoni tat-tagħlim taʼ min tagħti kas hi ddeterminata mhux biss bil-kliem tiegħek imma wkoll bil-għemejjel tiegħek. (Rumani 6:16) Mela staqsi lilek innifsek, ‘Huma l-attitudni u l-korsa taʼ ħajti effettwati b’mod mhux xieraq minn dak li nitgħallem permezz tal-mezzi taʼ propaganda tad-dinja? Jistaʼ jkun li t-tagħlim tad-demonji qiegħed jippenetra ’l ġewwa f’ħajti?’ Biex jgħinek twieġeb dawn il-mistoqsijiet, għala ma tqabbilx l-ammont taʼ ħin u sforz li tqattaʼ tistudja l-Bibbja, tattendi għal-laqgħat Kristjani, u tkellem lil oħrajn dwar is-Saltna t’Alla maʼ dak li tqattaʼ tara t-TV, tismaʼ l-mużika, tipparteċipa fl-isport favorit tiegħek, jew tieħu sehem f’xi attivitajiet simili? Ladarba hemm daqshekk—tabilħaqq, l-istess ħajtek—fin-nofs, agħmel eżami onest tiegħek innifsek.—2 Korintin 13:5.
14. X’se jeffettwa s-saħħa spiritwali tagħna, u liema ħsieb attwali għandna nżommu f’moħħna?
14 Int taf tajjeb li l-ikel materjali li tiekol se jeffettwa s-saħħa fiżika tiegħek. B’mod simili, is-saħħa spiritwali tiegħek hi effettwata b’dak li titmaʼ lil moħħok u lil qalbek. (1 Pietru 2:1, 2) Fil-waqt li int tistaʼ tqarraq bik innifsek rigward x’inhuma l-interessi veri tiegħek, ma tistax tqarraq bl-Imħallef tagħna, Ġesù Kristu. (Ġwann 5:30) Mela staqsi lilek innifsek, ‘Kieku Ġesù kien fuq l-art, kont jien nimbarazza ruħi li kieku kellu jidħol u jismaʼ l-mużika tiegħi jew jara dak li nkun qed nara?’ Il-fatt attwali hu li Ġesù qiegħed jara u jaf l-għemejjel tagħna.—Rivelazzjoni 3:15.
Irreżisti Tagħlim Tad-Demonji
15. Il-Kristjani għala għandhom jiġġieldu iebes biex jirreżistu t-tagħlim tad-demonji?
15 Il-pressjoni li d-demonji jeżerċitaw fuq iż-żgħażagħ biex jagħtu kas tat-tagħlim tagħhom hi tremenda. Dawn l-ispirti mill-agħar donnhom li joffru ħajja taʼ gratifikazzjoni immedjata—waħda taʼ gost u pjaċir. Sabiex jogħġob lil Alla, Mosè tal-qedem irrifjuta “t-tgawdija temporanja tad-dnub” bħala membru prominenti fid-dar taʼ Farawni. (Ebrej 11:24-27) M’huwiex faċli li tirrifjuta dak li d-demonji joffru, u għalhekk int trid tiġġieled iebes biex tagħmel dak li hu sewwa. Dan hu speċjalment veru għaliex writna d-dnub u qlubna taʼ spiss jixxennqu biex jagħmlu dak li hu ħażin. (Ġenesi 8:21; Rumani 5:12) Minħabba inklinazzjonijiet midinbin, saħansitra l-appostlu Pawlu kellu jiħrax miegħu nnifsu u ma jħallix ix-xewqat tal-laħam tiegħu jiddominawh.—1 Korintin 9:27; Rumani 7:21-23.
16. Iż-żgħażagħ kif jistgħu jirreżistu pressjonijiet biex jieħdu sehem f’kondotta immorali?
16 Għalkemm tistaʼ tiġi ttantat biex “issegwi wara l-folla għal finijiet mill-agħar,” Alla jistaʼ jgħinek tirreżisti l-pressjoni minn uħud taʼ mparek biex issegwi l-korsa ħażina tagħhom. (Eżodu 23:2; 1 Korintin 10:13) Imma int trid tismaʼ mid-direzzjonijiet t’Alla, billi tgħożż il-kliem tiegħu f’qalbek. (Salm 119:9, 11) Teħtieġ tirrealizza li meta ż-żgħażagħ jiżolaw lilhom infushom, xewqa sesswali tistaʼ tinbena u twassal għall-ksur tal-liġi t’Alla. “Meta nkun waħdi man-namrat, ġismi jrid jagħmel ħaġa u moħħi jgħidli biex nagħmel oħra,” ammettiet waħda tfajla. Mela agħraf il-limitazzjonijiet tiegħek u rrealizza li qalbek hi qarrieqa. (Ġeremija 17:9) Tiżolax lilek innifsek. (Proverbji 18:1) Poġġi limiti fuq espressjonijiet taʼ affezzjoni. U taʼ importanza partikulari, żomm kumpanija mill-qrib biss maʼ dawk li jħobbu lil Jehovah u li għandhom rispett profond lejn il-liġijiet tiegħu.—Salm 119:63; Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33.
17. X’jistaʼ jgħin lil żgħażagħ Kristjani biex jiksbu s-saħħa sabiex jirreżistu t-tagħlim tad-demonji?
17 Studju bir-reqqa taʼ pubblikazzjonijiet Kristjani mfasslin għat-tisħiħ spiritwali tiegħek se jgħinek. Per eżempju, ikkunsidra l-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work u l-kapitlu “Il-Ġlieda biex Nagħmlu Dak Li Hu Sewwa” fil-ktieb Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem f’Ġenna taʼ l-Art. Ħalli l-istruzzjoni Skritturali pprovduta tinżel fil-fond f’moħħok u f’qalbek, u din se ssaħħek. Fatt li qatt m’għandek tinsa hu li f’din id-dinja kkontrollata mid-demonji li tagħmel dak li hu sewwa m’huwiex faċli. Mela iġġieled iebes. (Luqa 13:24) Ibni s-saħħa spiritwali tiegħek. Timitax lid-dgħajfin u beżżiegħa li jsegwu wara l-folla.
Ibbenefika Minn Tagħlim Divin
18. Liema huma xi benefiċċji taʼ li nagħtu kas tat-tagħlim divin?
18 Ftakar, ukoll, li int qatt ma se titlef xejn taʼ siwi billi tagħti kas tat-tagħlim taʼ Jehovah. Hu verament iħobbok, u hu għalhekk li qiegħed “jgħallmek biex tibbenefika lilek innifsek.” (Isaija 48:17) Mela agħti kas tat-tagħlim taʼ Jehovah, u evita l-uġigħ il-qalb taʼ kuxjenza rvinata, it-telf tar-rispett tiegħek innifsek, tqala mhix mixtieqa, mard trażmess sesswalment, jew traġedji simili. Jehovah jifraħ meta l-qaddejja tiegħu jipprovdulu risposta għall-isfida taʼ Satana li l-bnedmin m’humiex se jibqgħu leali lejn Alla taħt prova. (Ġob 1:6-12) Jekk tferraħ qalb Jehovah billi tkun leali lejh, int se tibqaʼ ħaj meta hu jagħmel ġudizzju kontra did-dinja, fil-waqt li dawk kollha li jiddisprezzaw il-liġijiet tiegħu se jgħibu.—Proverbji 27:11; 1 Korintin 6:9, 10; 1 Ġwann 2:17.
19. X’inhu l-valur taʼ li nassoċjaw maʼ dawk li japprezzaw il-benefiċċji tat-tagħlim taʼ Jehovah?
19 Jekk int tassoċja mill-qrib maʼ dawk li japprezzaw dak li Jehovah għamel għalihom, tistaʼ titgħallem mill-esperjenza tagħhom. Waħda li qabel kienet ivvizzjata bid-drogi u li kienet tipprattika l-immoralità spjegat: “Li kieku ma smajtx minn Jehovah, jien illum mejta. Ir-raġel li kont se niżżewweġ miet bl-AIDS. Il-ħbieb intimi tad-dinja li kelli qabel kollha mietu bl-AIDS jew qegħdin fi triqthom lejn il-mewt. Spiss narahom fit-toroq, u nirringrazzja lil Jehovah kuljum għal-liġijiet tiegħu li jiggvernaw lill-poplu tiegħu u jżommuna qaddisin jekk biss napplikawhom. Qatt ma kont daqshekk hienja, kuntenta, u b’sigurtà f’ħajti.” Verament, li nagħtu kas tat-tagħlim taʼ Jehovah dejjem jiswielna taʼ benefiċċju!
Agħmel L-Għażla T-Tajba
20, 21. (a) Iż-żgħażagħ liema żewġ għażliet għandhom? (b) Liema benefiċċju dejjiemi se jirriżulta milli nagħtu kas tat-tagħlim divin?
20 Inħeġġukom lilkom żgħażagħ: Agħmlu l-għażla t-tajba billi taqdu lil Jehovah. Imbagħad kunu reżoluti li żżommu sod maʼ dik id-deċiżjoni. (Ġożwè 24:15) Fil-fatt, tistaʼ tagħmel biss waħda minn żewġ għażliet. Ġesù qal li hemm it-triq wiesaʼ u spazjuża—il-waħda faċli li tagħmel dak li jogħġob lilek innifsek. Dik it-triq twassal għal tmiem, għall-qerda. It-triq l-oħra hi marsusa. Hija triq diffiċli biex timxi fiha f’din id-dinja immorali, ikkontrollata mid-demonji. Imma dik it-triq eventwalment se tieħu lil dawk għaddejjin minnha fid-dinja ġdida taʼ l-għaġeb t’Alla. (Mattew 7:13, 14) Liema triq se tieħu int? It-tagħlim taʼ min se tagħti kas?
21 Jehovah iħalli l-għażla f’idejk. Hu ma jipprovax jisforzak biex taqdih. “Jien poġġejt il-ħajja u l-mewt quddiemek,” qal il-profeta t’Alla Mosè, billi ħeġġeġ: “Agħżel il-ħajja.” Din l-għażla ssir “billi tħobb lil Jehovah Alla tiegħek, billi tismaʼ minn leħnu u billi tingħaqad miegħu.” (Dewteronomju 29:2; 30:19, 20) Jalla int b’mod għaqli tagħżel li tagħti kas tat-tagħlim divin u tgawdi ħajja bla tmiem fid-dinja ġdida glorjuża t’Alla. (w94 5/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ Min huma d-demonji, u x’jgħallmu?
◻ Id-demonji kif jippromwovu t-tagħlim tagħhom illum?
◻ Kif inhu possibbli li tirreżisti t-tagħlim tad-demonji?
◻ X’inhuma l-benefiċċji taʼ li tagħti kas it-tagħlim taʼ Jehovah?
[Stampa f’paġna 14]
Qabel id-Dulluvju, l-anġli diżubbidjenti u n-nisel tagħhom ippromwovew vjolenza u ħniżrijiet
[Stampa f’paġna 16]]
Kont int timbarazza ruħek li kieku Ġesù kellu jismaʼ l-mużika favorita tiegħek?