LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 4/1 pp. 4-6
  • Int Tistaʼ Tgawdi Ħbiberiji Dejjiema

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int Tistaʼ Tgawdi Ħbiberiji Dejjiema
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Eżempji Bibliċi Taʼ Ħbiberiji
  • Kif Tikkultiva L-​Ħbiberiji
  • Inżommu L-​Ħbiberiji Intatti
  • Inżommu Ħbiberiji f’Dinja Nieqsa mill-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Agħżel Ħbieb Tajbin
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Kif Jistaʼ Jkollok Ħafna Ħbieb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Ħobb lil Dawk li Alla Jħobb
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 4/1 pp. 4-6

Int Tistaʼ Tgawdi Ħbiberiji Dejjiema

JEŻISTU l-​intoppi għall-​ħbiberiji. Fil-​fatt, il-​Bibbja bassret li f’dawn “l-​aħħar jiem” kellu jkun hemm nuqqas taʼ mħabba, affezzjoni naturali, u lealtà. (2 Timotju 3:1-5, Karm Żammit; Mattew 24:12) Dawn il-​kundizzjonijiet ġabu magħhom pjaga li qatt ma kien hawn bħalha taʼ solitudni. Persuna qalet: “Qisna qegħdin fl-​arka taʼ Noè fl-​inħawi fejn noqgħod. Jekk ma tkunux koppja, titħallew barra.” Il-​ħtija kollha għal dan ma tistax tiġi mitfugħa fuq kull individwu li jħossu waħdu. F’xi partijiet tad-​dinja, l-​isfidi għal ħbiberiji dejjiema jinkludu affarijiet bħalma huma nies li spiss ibiddlu d-​dar, familji li jinfirdu, bliet mhux akkoljenti u perikolużi, u tnaqqis notevoli fil-​ħin liberu.

Wieħed li joqgħod f’belt moderna għandu mnejn jiġi f’kuntatt maʼ iktar nies f’ġimgħa milli qatt iltaqaʼ magħhom raħħâl tas-​seklu 18 f’sena jew saħansitra f’għomru! Madankollu, ir-​relazzjonijiet illum huma taʼ spiss superfiċjali. Ħafna jintefgħu b’ruħhom u ġisimhom għal issoċjalizzar kostanti u attentati biex igawdu. Irridu nammettu, iżda, li xalar bla siwi maʼ ħbieb magħżulin bl-​addoċċ huwa bħal li kieku wieħed qiegħed juża x-​xewk flok faħam. Jgħid Koħelet 7:5, 6: “Aħjar tismaʼ ċ-​ċanfir tal-​għaref, milli tismaʼ l-​għana tal-​boloh: għax bħaċ-​ċaqċiq tax-​xewk jaqbad taħt il-​borma, hekk id-​daħka taʼ l-​iblah. Imma dan ukoll hu frugħa.” Ix-​xewk għal mument jagħmel nar qawwi u storbjuż, imma dan m’għandux biżżejjed sustanza biex iżommna sħan. Bl-​istess mod, kumpanni storbjużi u daħqanin għandhom mnejn jaljenawna għal mument, imma m’humiex se jeliminaw is-​solitudni kollha u jissodisfaw il-​ħtieġa tagħna għal ħbieb veri.

Ħin waħdek huwa differenti mis-​solitudni. Xi ħin waħedna huwa neċessarju biex nirrifreskaw lilna nfusna u b’hekk ikollna iktar x’noffru bħala ħabib. Meta jiġu ffaċċjati mis-​solitudni, ħafna jduru immedjatament lejn xi forma taʼ divertiment elettroniku. Studju wieħed skopra li waħda mill-​iktar reazzjonijiet komuni għas-​solitudni hija li wieħed jara t-​televixin. Madankollu, ir-​riċerkaturi kkonkludew li żmien fit-​tul quddiem it-​televixin huwa wieħed mill-​agħar affarijiet li nistgħu nagħmlu meta nħossuna waħedna. Dan jippromwovi l-​passività, id-​diqa, u l-​fantasija, billi jsir sostitut fqir għal relazzjonijiet persunali maʼ nies oħrajn.

Attwalment, ħin waħedna jistaʼ jkun ferm taʼ valur jekk nużaw dan il-​ħin b’mod kostruttiv. Nistgħu nagħmlu dan billi naqraw, niktbu l-​ittri, nagħmlu affarijiet, u nistrieħu. Ħin waħedna kostruttiv jinkludi li nitolbu lil Alla, nistudjaw il-​Bibbja, u nimmeditaw fuqha. (Salm 63:7 [Salm 63:6, New World Translation]) Dawn huma modi biex nersqu eqreb lejn Alla Jehovah, dak li kieku jkun l-​akbar Ħabib tagħna.

Eżempji Bibliċi Taʼ Ħbiberiji

Għalkemm huwa tajjeb li tingwalaha maʼ ħafna nies, il-​Bibbja tfakkarna li “ħabib tassew jintrabat miegħek aktar minn ħuk.” (Proverbji 18:24) Ilkoll kemm aħna neħtieġu xi ftit ħbieb intimi li verament jimpurtahom minna, li l-​ħbiberija tagħhom iġġibilna ferħ, saħħa, u paċi. Waqt li ħbiberiji veri bħal dawn jistgħu ma jkunux komuni llum, xi eżempji antiki huma msemmijin b’mod speċjali fil-​Bibbja. Per eżempju, kien hemm il-​ħbiberija li tispikka bejn David u Ġonatan. X’nistgħu nitgħallmu minnha? Il-​ħbiberija tagħhom għala baqgħet?

L-ewwel ħaġa, David u Ġonatan kellhom interessi importanti inkomuni. Fuq kollox, huma kellhom l-​istess devozzjoni profonda għal Alla Jehovah. Malli nnota l-​fidi li David kellu f’Alla u l-​azzjonijiet tiegħu biex jiddefendi l-​poplu t’Alla, “qalb Ġonatan ntrabtet maʼ qalb David, u Ġonatan ħabbu bħalu nnifsu.” (1 Samwel 18:1) L-​imħabba li tnejn ikollhom għal Alla, allura, tgħin biex tgħaqqad lill-​ħbieb flimkien.

Ġonatan u David kienu individwi b’saħħithom li għexu fi qbil maʼ prinċipji divini. Huma setgħu għalhekk jirrispettaw lil xulxin. (1 Samwel 19:1-7; 20:9-14; 24:6) Aħna tabilħaqq imberkin jekk ikollna ħbieb devoti li huma mmexxijin minn prinċipji Skritturali.

Fatturi oħrajn ikkontribwew għall-​ħbiberija taʼ David u Ġonatan. Ir-​relazzjoni tagħhom kienet onesta u diretta, u kull wieħed kien jiftaħ qalbu maʼ l-​ieħor. Ġonatan lealment poġġa l-​interessi taʼ David qabel tiegħu stess. Ma kienx għajjur minħabba li David ġie mwiegħed l-​istat taʼ sultan; minflok, Ġonatan appoġġjah emozzjonalment u spiritwalment. U David aċċetta l-​għajnuna tiegħu. (1 Samwel 23:16-18) B’modi addattati Skritturalment, David u Ġonatan urew is-​sentimenti tagħhom lejn xulxin. Il-​ħbiberija devota tagħhom kienet ibbażata fuq apprezzament u affezzjoni veri. (1 Samwel 20:41; 2 Samwel 1:26) Din kienet indistruttibbli għaliex iż-​żewġt irġiel baqgħu leali lejn Alla. Li npoġġu prinċipji bħal dawn fil-​prattika jistaʼ jgħinna nibnu u nżommu ħbiberiji veri.

Kif Tikkultiva L-​Ħbiberiji

Qiegħed int tfittex ħbieb veri? Tistaʼ ma jkollokx għalfejn tfittex fil-​bogħod. Xi wħud fost il-​konoxxenzi regulari tiegħek jistgħu jkunu ħbiebek, u għandhom mnejn jeħtieġu l-​ħbiberija tiegħek. Speċjalment fejn jidħlu sħabek Kristjani, huwa għaqli li tapplika l-​parir taʼ l-​appostlu Pawlu biex ‘tiftaħ qalbek beraħ.’ (2 Korintin 6:11-13) Madankollu, tinnervjax jekk kull attentat biex tagħmel ħbieb ma jirriżultax f’rabta profonda. Ġeneralment trid iż-​żmien biex tiżviluppa ħbiberija, u mhux kull relazzjoni se tkun profonda indaqs. (Koħelet 11:1, 2, 6) M’għandniex xi ngħidu, biex ingawdu ħbiberiji ġenwini, ma rridux inkunu egoisti, u għandna bżonn insegwu l-​parir taʼ Ġesù: “Dak kollu li tridu li l-​bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom.”—Mattew 7:12.

Min jeħtieġ il-​ħbiberija tiegħek? Minbarra dawk taʼ mparek, xi ngħidu dwar uħud iżgħar jew nies akbar? Il-​ħbiberiji taʼ David u Ġonatan, Rut u Naomi, u Pawlu u Timotju kollha involvew differenza mhux ħażin fl-​età. (Rut 1:16, 17; 1 Korintin 4:17) Tistaʼ testendi l-​ħbiberija tiegħek lejn ir-​romol u nies oħrajn mhux miżżewġin? Aħseb, ukoll, dwar dawk li huma ġodda fl-​inħawi tiegħek. Huma għandhom mnejn kellhom jitilfu s-​sħubija tal-​biċċa l-​kbira tal-​ħbieb tagħhom jekk mhux taʼ kollha minħabba li ġarrew jew minħabba li bidlu l-​mod taʼ ħajja tagħhom. Tistenniex li oħrajn jiġu huma fuqek. Jekk int Kristjan, agħmel ħbiberiji dejjiema billi tapplika l-​parir taʼ Pawlu: “Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin.”—Rumani 12:10.

Nistgħu naħsbu dwar il-​ħbiberiji bħala forma taʼ għoti. Ġesù qal li jekk nipprattikaw l-​għoti, in-​nies se jagħtu lilna. Hu indika wkoll li hemm iktar hena f’li wieħed jagħti milli hemm f’li jirċievi. (Luqa 6:38; Atti 20:35) Iltqajt int maʼ nies minn ambjenti differenti? Il-​konvenzjonijiet internazzjonali tax-​Xhieda taʼ Jehovah taw prova li nies taʼ kulturi varjati jistgħu jifformaw ħbiberiji veri u dejjiema meta jkollhom il-​qima t’Alla inkomuni.

Inżommu L-​Ħbiberiji Intatti

Sfortunatament, dawk li huma kkunsidrati bħala ħbieb xi drabi jweġġgħu s-​sentimenti taʼ xulxin. Tqasqis li jagħmel ħsara, kunfidenzjalità ttraduta, nuqqas t’apprezzament​—dawn huma fost l-​affarijiet li jweġġgħu ferm meta joriġinaw minn xi ħadd li kkunsidrajtu bħala ħabib veru. X’jistaʼ jsir f’sitwazzjonijiet bħal dawn?

Agħti eżempju tajjeb. Agħmel kulma tistaʼ biex tevita li tikkaġuna wġigħ bla bżonn. F’xi postijiet huwa popolari li ħbieb jgħaddu biż-​żmien in-​nuqqasijiet taʼ xulxin. Imma trattament aħrax jew ingann m’huwiex se jiġbed lill-​ħbieb eqreb lejn xulxin, avolja suppost li jkunu qegħdin jagħmluh ‘biex jiċċajtaw.’—Proverbji 26:18, 19.

Aħdem iebes biex iżżomm il-​ħbiberiji. Jistaʼ jkun hemm xi nuqqas taʼ ftehim xi kultant meta l-​ħbieb jistennew iżżejjed minn xulxin. Ħabib li hu marid jew preokkupat minħabba xi problema gravi wisq probabbli m’huwiex se jkun kapaċi juri kordjalità bħas-​soltu. Fi żminijiet bħal dawn, allura, ipprova kun komprensiv u uri appoġġ.

Solvi l-​problemi malajr u b’qalb tajba. Agħmel dan privatament jekk ikun possibbli. (Mattew 5:23, 24; 18:15) Kun ċert li l-​ħabib tiegħek ikun jaf li int trid iżżomm relazzjoni tajba. Ħbieb sinċieri jaħfru lil xulxin. (Kolossin 3:13) Se tkun int dik ix-​xorta taʼ ħabib​—wieħed li qiegħed iżomm qrib iktar minn ħu?

Li taqra u taħseb dwar il-​ħbiberiji huwa biss il-​bidu. Jekk qegħdin inġarrbu s-​solitudni, ejjew nieħdu azzjoni xierqa, u m’aħniex se nkunu waħedna għal żmien twil. Jekk nagħmlu ħilitna, nistgħu nagħmlu ħbieb veri. Maʼ xi wħud minnhom, se nifformaw rabta speċjali. Imma ħadd ma jistaʼ jieħu post Alla, l-​akbar Ħabib. Jehovah biss jistaʼ jafna, jifhimna, u jappoġġjana kompletament. (Salm 139:1-4, 23, 24) Iktar minn hekk, il-​Kelma tiegħu toffri tama meraviljuża għall-​futur​—dinja ġdida fejn se jkun possibbli li wieħed ikollu ħbieb veri għal dejjem.—2 Pietru 3:13. (w96 3/15)

[Stampi f’paġna 5]

David u Ġonatan gawdew ħbiberija vera, u hekk ukoll nistgħu aħna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja