Joqrob it-Trijonf tal-Vera Qima
“Il-Mulej ikun imbagħad sultan fuq l-art kollha.”—ŻAKKARIJA 14:9.
1. X’kienet l-esperjenza taʼ Kristjani midlukin matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, u dan kif kien imbassar?
MATUL l-ewwel gwerra dinjija, Kristjani midlukin sofrew ħafna tbatijiet u tfigħ fil-ħabsijiet minn idejn il-ġnus li kienu jiggwerraw. Is-sagrifiċċji tagħhom taʼ tifħir lil Jehovah kienu ristretti severament, u waqgħu fi stat taʼ jasar spiritwali. Dan kollu kien imbassar f’Żakkarija 14:2, li jiddeskrivi attakk internazzjonali fuq Ġerusalemm. Il-belt taʼ din il-profezija hija “Ġerusalemm tas-sema,” is-Saltna tas-sema t’Alla u l-post tat-“tron taʼ Alla u tal-Ħaruf.” (Lhud 12:22, 28; 13:14; Apokalissi 22:3) Il-midlukin t’Alla fuq l-art jirrappreżentaw lil dik il-belt. L-uħud leali fosthom issuperaw dak l-attakk, billi rrifjutaw li jħallu lilhom infushom jiġu eżiljati “mill-belt.”a
2, 3. (a) Il-qima taʼ Jehovah kif ittrijonfat mill-1919 ’l hawn? (b) Mill-1935 ’l hawn, liema żvilupp seħħ?
2 Fis-sena 1919 uħud midlukin leali ġew meħlusin mill-kundizzjoni mjassra tagħhom, u immedjatament għamlu użu mill-perijodu taʼ paċi li ġie wara l-gwerra. Bħala ambaxxaturi taʼ Ġerusalemm tas-sema, huma ħatfu l-opportunità grandjuża li jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla u li jassistu f’li jiġbru l-membri finali tal-144,000. (Mattew 24:14; 2 Korintin 5:20) Fis-sena 1931 huma adottaw l-isem Skritturali xieraq Xhieda taʼ Jehovah.—Isaija 43:10, 12.
3 Minn dak iż-żmien ’l hawn, ix-Xhieda midlukin t’Alla qatt ma ħarsu lura. Lanqas saħansitra Hitler bl-organizzazzjoni politika u militari Nażista tiegħu ma setaʼ jsikkithom. Minkejja persekuzzjoni mad-dinja kollha, ix-xogħol tagħhom ħalla l-frott maʼ l-art kollha. B’mod partikulari mis-sena 1935, ngħaqdet magħhom il-“kotra kbira” internazzjonali, imbassra fil-ktieb taʼ l-Apokalissi. Dawn ukoll huma Kristjani ddedikati mgħammdin u “l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf,” Ġesù Kristu. (Apokalissi 7:9, 14) Madankollu, dawn m’humiex uħud midlukin, bit-tama taʼ ħajja fis-sema. It-tama tagħhom hi li jirtu dak li tilfu Adam u Eva, jiġifieri, ħajja umana perfetta fuq l-art magħmula ġenna. (Salm 37:29; Mattew 25:34) Illum, il-folla l-kbira tgħodd iktar minn ħames miljun ruħ. Il-vera qima taʼ Jehovah qiegħda tittrijonfa, imma t-trijonf finali tagħha għad irid jiġi.
Barranin Fit-Tempju Spiritwali T’Alla
4, 5. (a) Il-folla l-kbira fejn iqimu lil Jehovah? (b) Liema privileġġi jgawdu, u bi twettiq taʼ liema profezija?
4 Bħalma kien imbassar, il-folla l-kbira qegħdin “lejl u nhar jaqdu [’l Alla] fit-tempju tiegħu.” (Apokalissi 7:15) Ladarba dawn m’humiex Israeliti spiritwali u saċerdotali, Ġwanni x’aktarx li rahom weqfin fit-tempju fil-bitħa taʼ barra tal-Ġentili. (1 Pietru 2:5) Kemm sar glorjuż it-tempju spiritwali taʼ Jehovah, bil-konfini tiegħu mimlijin b’din il-kotra kbira li, flimkien mal-fdal taʼ Israel spiritwali, qegħdin ifaħħruh!
5 Il-folla l-kbira ma jaqdux lil Alla fil-kundizzjoni ffigurata mill-bitħa interna tal-qassisin. Huma ma jiġux iddikjarati twajbin bl-iskop li jkunu wlied spiritwali u adottati t’Alla. (Rumani 8:1, 15) Minkejja dan, billi jeżerċitaw fidi fir-rahan taʼ Ġesù, huma għandhom waqfa nadifa quddiem Jehovah. Huma jiġu ddikjarati twajbin bl-iskop li jkunu ħbieb tiegħu. (Qabbel Ġakbu 2:21, 23.) Huma wkoll ipprivileġġati li jippreżentaw sagrifiċċji aċċettabbli fuq l-artal spiritwali t’Alla. B’hekk, f’din il-folla kbira, il-profezija taʼ Isaija 56:6, 7 qiegħda ġġarrab twettiq glorjuż: “Ulied il-frustier li ntrabtu mal-Mulej biex jaqduh, u biex iħobbu isem il-Mulej, . . . lil dawn inwassalhom sal-muntanja mqaddsa tiegħi, u nferraħhom fid-dar tat-talb tiegħi; il-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji tagħhom ikunu jogħġbuni tielgħa minn fuq l-artal tiegħi, għax dari ‘dar it-talb’ tissejjaħ għall-popli kollha.”
6. (a) Il-barranin liema xorta taʼ sagrifiċċji joffru? (b) Ir-reċipjent taʼ l-ilma fil-bitħa tal-qassisin dwar liema ħaġa jfakkarhom?
6 Fost is-sagrifiċċji li dawn il-barranin joffru hemm ‘il-kelma taʼ xofftejhom [bħal offerti taʼ qamħ mitħun fin] li tistqarr isem Alla’ u li ‘jagħmlu l-ġid lill-oħrajn, u jaqsmu bejniethom dak li għandhom.’ (Lhud 13:15, 16) Ir-reċipjent kbir taʼ l-ilma li l-qassisin riedu jużaw biex jinħaslu hu wkoll tfakkira importanti għal dawn il-barranin. Huma wkoll iridu jissottomettu rwieħhom għal tindif spiritwali u morali hekk kif il-Kelma t’Alla tintgħamel b’mod progressiv iżjed ċara lilhom.
Il-Qaddis u L-Għamara Tiegħu
7. (a) Il-folla l-kbira kif iqisu l-privileġġi tas-saċerdozju qaddis? (b) Xi barranin liema privileġġi miżjudin irċevew?
7 Għandhom il-Qaddis u l-għamara tiegħu xi tifsira għal din il-folla kbira taʼ barranin? Tajjeb, qatt m’huma se jkunu fil-kundizzjoni ffigurata mill-Qaddis. M’humiex imweldin mill-ġdid bħala wlied spiritwali t’Alla b’ċittadinanza tas-sema. Iġagħalhom dan iħossuhom invidjużi jew imxennqin? Le. Minflok, huma jithennew bil-privileġġ tagħhom li jappoġġjaw lill-fdal tal-144,000, u huma juru apprezzament profond għall-iskop t’Alla f’li jadotta lil dawn l-ulied spiritwali, li se jieħdu sehem maʼ Kristu f’li jelevaw lill-umanità għal perfezzjoni. Ukoll, il-folla kbira taʼ barranin jgħożżu l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla f’li jagħtihom tama taʼ ħajja taʼ dejjem fil-Ġenna fuq l-art. Xi wħud minn dawn il-barranin, bħan-Netinim tal-qedem, ngħataw privileġġi taʼ indokrar f’li jassistu s-saċerdozju qaddis.b (Isaija 61:5) Minn fost dawn Ġesù jaħtar “kapijiet fuq l-art kollha.”—Salm 45:17 [Salm 45:16, NW].
8, 9. Il-folla l-kbira liema benefiċċju jiksbu billi jikkunsidraw l-għamara tal-Qaddis?
8 Fil-waqt li qatt m’huma se jidħlu fil-Qaddis antitipiku, il-folla kbira taʼ barranin jitgħallmu lezzjonijiet imprezzabbli mill-għamara tiegħu. Sewwa sew bħalma l-gandlier kellu bżonn provista kontinwa taʼ żejt, hekk ukoll il-barranin jeħtieġu spirtu qaddis biex jgħinhom jifhmu tajjeb veritajiet progressivi mill-Kelma t’Alla, imwasslin lilhom permezz taʼ “l-irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW) Jerġaʼ, l-ispirtu t’Alla jgħinhom iwieġbu għal din l-istedina: “L-Ispirtu u l-Għarusa [il-fdal midlukin] jgħidu: ‘Ejja!’ Min jismaʼ, ħa jgħid: ‘Ejja!’ U min hu bil-għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b’xejn min irid l-ilma tal-Ħajja.” (Apokalissi 22:17) B’hekk, il-gandlier huwa tfakkira għall-folla l-kbira dwar l-obbligu tagħhom biex jiddu bħala Kristjani u biex jevitaw kwalunkwe ħaġa fl-attitudni, fil-ħsieb, fil-kliem, jew fl-għemil li tistaʼ tnikket l-ispirtu qaddis t’Alla.—Efesin 4:30.
9 Il-mejda taʼ ħobż esponut tfakkar lill-folla l-kbira li biex jibqgħu b’saħħithom spiritwalment, huma jridu jieħdu regolarment minn ikel spiritwali mill-Bibbja u minn pubblikazzjonijiet taʼ “l-irsir leali u diskret.” (Mattew 4:4) L-artal taʼ l-inċens ifakkarhom dwar l-importanza taʼ li jitolbu bil-ħrara lil Jehovah għall-għajnuna sabiex iżommu l-integrità tagħhom. (Luqa 21:36) It-talb tagħhom għandu jinkludi espressjonijiet mill-qalb taʼ tifħir u radd il-ħajr. (Salm 106:1) L-artal taʼ l-inċens ifakkarhom ukoll dwar il-bżonn li jfaħħru lil Alla b’modi oħrajn, bħalma huma permezz tal-kant tagħhom b’qalbhom kollha t’għanjiet tas-Saltna fil-laqgħat Kristjani u billi jippreparaw tajjeb biex jagħmlu ‘stqarrija pubblika effettiva għas-salvazzjoni.’—Rumani 10:10.
It-Trijonf Komplet Tal-Qima Vera
10. (a) Lejn liema prospett grandjuż nistgħu nħarsu ’l quddiem? (b) Liema żvilupp irid iseħħ l-ewwel?
10 Illum ‘ħafna popli’ mill-ġnus kollha qegħdin jiġru lejn id-dar taʼ qima taʼ Jehovah. (Isaija 2:2, 3) Billi jikkonferma dan, Apokalissi 15:4 jistqarr: “Min ma jibżax minnek Mulej, u ma jsebbaħx lil ismek? Għax int waħdek qaddis; il-ġnus kollha jiġu u jinxteħtu quddiemek iqimuk, għax il-ġudizzji tiegħek intwerew.” Żakkarija kapitlu 14 jiddeskrivi dak li jiġi wara. Fil-futur qarib, l-attitudni ħażina tal-maġġoranza tan-nies fuq l-art se tilħaq il-quċċata tagħha hekk kif huma jinġemgħu għall-aħħar darba biex jiggwerraw kontra Ġerusalemm—ir-rappreżentanti fuq l-art taʼ Ġerusalemm tas-sema. Imbagħad Jehovah se jaġixxi. Bħala Alla Gwerrier, “joħroġ il-Mulej jitqabad maʼ dawk il-ġnus” li jazzardaw jagħmlu dan l-attakk.—Żakkarija 14:2, 3.
11, 12. (a) Jehovah kif se jwieġeb għall-attakk globali li ġej fuq l-adoraturi fit-tempju tiegħu? (b) X’se jkun ir-riżultat tal-gwerra t’Alla?
11 “Din tkun id-daqqa [“flaġell,” NW] li biha l-Mulej isawwat il-popli kollha li għamlu gwerra lil Ġerusalemm: Laħamhom jitħassrilhom waqt li jkunu għadhom fuq riġlejhom, għajnejhom jinfaqgħulhom f’ħofrithom, u lsienhom idubilhom ġo ħalqhom. U tiġi fuqhom dak in-nhar taħwida tal-għaġeb min-naħa tal-Mulej, u kull wieħed jaqbad id l-ieħor u jerfgħu jdejhom għal xulxin.”—Żakkarija 14:12, 13.
12 Jekk dan il-flaġell hux litterali jew figurattiv, irridu nistennew biex naraw. Madankollu, ħaġa waħda hi ċerta. Fil-waqt li l-għedewwa t’Alla jkunu qegħdin javanzaw biex jagħmlu l-attakk globali tagħhom fuq il-qaddejja taʼ Jehovah, huma se jiġu mwaqqfin minn turijiet straordinarji tal-qawwa li tistaʼ kollox t’Alla. Ħluqhom se jissikktu. Ikun bħal li kieku l-ilsna sfidanti tagħhom se jkunu dabu. Il-mira magħquda tagħhom se ssir mċajpra fil-vista tagħhom, bħal li kieku għajnejhom tmermru. Il-qawwiet fiżiċi tagħhom, li tawhom il-ħila biex jagħmlu l-attakk, se jispiċċaw fix-xejn. Konfużi, se jduru għal xulxin b’qatla kbira. B’hekk l-għedewwa kollha fuq l-art tal-qima t’Alla se jiġu meqrudin. Fl-aħħar, il-ġnus kollha se jkunu ġew sforzati jirrikonoxxu s-sovranità universali taʼ Jehovah. Il-profezija se titwettaq: “Il-Mulej ikun imbagħad sultan fuq l-art kollha.” (Żakkarija 14:9) Wara dan, Satana u d-demonji tiegħu se jintrabtu hekk kif jibda r-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu b’barkiet kbar maħżunin għall-umanità.—Apokalissi 20:1, 2; 21:3, 4.
L-Irxoxt Taʼ L-Art
13. Min huma l-uħud “li jibqgħu mill-ġnus kollha”?
13 Il-profezija taʼ Żakkarija tissokta f’kapitlu 14, vers 16: “Jiġri mbagħad li dawk kollha li jibqgħu mill-ġnus kollha li jkunu ġew għal Ġerusalemm jitilgħu minn sena għal oħra biex jinxteħtu quddiem is-Sultan, il-Mulej taʼ l-eżerċti, u biex jagħmlu l-festa tal-Egħrejjex.” Skond il-Bibbja, in-nies ħajjin kollha llum li jibqgħu jgħixu sat-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar u li jiġu ġġudikati li huma għedewwa tal-vera qima se jġarrbu l-“piena tat-telfien taʼ dejjem.” (2 Tessalonkin 1:7-9; ara wkoll Mattew 25:31-33, 46.) M’humiex se jkollhom irxoxt. X’aktarx, allura, dawk “li jibqgħu” jinkludu l-membri tal-ġnus li mietu qabel il-gwerra finali t’Alla u li għalihom hemm tama bbażata fuq il-Bibbja taʼ l-irxoxt. “Tiġi siegħa,” wiegħed Ġesù, “meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu u joħorġu: dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin iqumu għall-kundanna.”—Ġwann 5:28, 29.
14. (a) Uħud irxoxtati x’iridu jagħmlu biex jiksbu l-ħajja taʼ dejjem? (b) X’se jiġrilu kulmin jirrifjuta li jiddedika lilu nnifsu lil Jehovah u jipprattika l-vera qima?
14 Dawn l-uħud irxoxtati kollha jridu jagħmlu xi ħaġa sabiex l-irxoxt tagħhom jirriżulta f’wieħed taʼ ħajja u mhux wieħed taʼ ġudizzju kontra tagħhom. Huma jridu jiġu fil-btieħi taʼ l-art tat-tempju taʼ Jehovah u jmilu f’dedikazzjoni lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu. Kwalunkwe wħud irxoxtati li jirrifjutaw li jagħmlu dan se jsofru l-istess flaġell li jaqaʼ fuq il-ġnus taż-żmien preżenti. (Żakkarija 14:18) Min jaf kemm uħud irxoxtati se jingħaqdu bil-ferħ mal-folla l-kbira f’li jiċċelebraw il-Festa taʼ l-Għerejjex antitipika? Bla dubju, se jkun hemm ħafna, u t-tempju spiritwali l-kbir taʼ Jehovah se jsir saħansitra iżjed glorjuż bħala riżultat!
Il-Festa Taʼ L-Għerejjex Antitipika
15. (a) Liema kienu xi ftit karatteristiċi notevoli tal-Festa taʼ l-Għerejjex Israelita tal-qedem? (b) Għala kienu jiġu offruti 70 barri matul il-festa?
15 Kull sena, Israel tal-qedem kien ikkmandat jiċċelebra l-Festa taʼ L-Għerejjex. Kienet iddum ġimgħa u kienet tiġi fil-konklużjoni tal-ġbir tal-ħsad tagħhom. Kien żmien mimli ferħ taʼ radd il-ħajr. Matul dik il-ġimgħa, riedu joqogħdu f’għerejjex temporanji miksijin bil-weraq tas-siġar, speċjalment friegħi tal-palm. Din il-festa kienet tfakkar lil Israel kif Alla kien salva lil missirijiethom ’il barra mill-Eġittu u kif kien ħa ħsiebhom meta abitaw fl-għerejjex waqt li kienu jiġġerrew għal 40 sena fix-xagħri sakemm waslu fl-Art Imwiegħda. (Levitiku 23:39-43) Matul il-festa, 70 barri kienu jiġu ssagrifikati fuq l-artal tat-tempju. Evidentement, din il-karatteristika tal-festa kienet profetika tax-xogħol li jsalva l-ħajja perfett u komplet imwettaq minn Ġesù Kristu. Il-benefiċċji tas-sagrifiċċju bħala rahan tiegħu eventwalment se jinfirxu fuq dixxendenti bla għadd tas-70 familja taʼ l-umanità li tnisslu minn Noè.—Ġenesi 10:1-29; Numri 29:12-34; Mattew 20:28.
16, 17. (a) Il-Festa taʼ l-Għerejjex antitipika meta bdiet, u kif issoktat? (b) Il-folla l-kbira kif jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni?
16 B’hekk, il-Festa taʼ L-Għerejjex tal-qedem ippontat lejn il-ġbir mimli ferħ taʼ midinbin mifdijin għal ġot-tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah. L-antitip taʼ din il-festa beda f’Pentekoste tat-33 E.K. bil-bidu tal-ġbir mimli ferħ taʼ Israeliti spiritwali għal ġol-kongregazzjoni Kristjana. (Atti 2:41, 46, 47) Dawn il-midlukin apprezzaw li huma kienu “barranin u għorba” fid-dinja taʼ Satana għaliex ‘iċ-ċittadinanza reali tagħhom teżisti fis-smewwiet.’ (1 Pietru 2:11; Filippin 3:20) Il-festa mimlija ferħ kienet ġiet oskurata temporanjament mill-apostasija li rriżultat fil-formazzjoni tal-Kristjaneżmu. (2 Tessalonkin 2:1-3) Madankollu, il-festa reġgħet kompliet fl-1919 bil-ġbir mimli ferħ tal-membri finali tal-144,000 Israeliti spiritwali, segwit minn dak tal-folla kbira internazzjonali t’Apokalissi 7:9.
17 Il-folla kbira huma deskritti bħala li għandhom friegħi tal-palm f’idejhom, li juri li huma wkoll ċelebranti mimlijin ferħ tal-Festa taʼ l-Għerejjex antitipika. Bħala Kristjani ddedikati, huma jieħdu sehem bil-ferħ fix-xogħol taʼ ġbir taʼ iktar adoraturi għal ġot-tempju taʼ Jehovah. Iktar minn hekk, bħala midinbin, huma japprezzaw li m’għandhomx drittijiet għal abitazzjoni permanenti fuq l-art. Huma, flimkien maʼ wħud irxoxtati fil-futur, iridu jibqgħu jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu sakemm jaslu għall-perfezzjoni umana fit-tmiem tar-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu.—Apokalissi 20:5.
18. (a) X’se jiġri fit-tmiem tar-Renju t’Elf Sena taʼ Ġesù Kristu? (b) Il-vera qima taʼ Jehovah kif se tittrijonfa finalment?
18 Imbagħad, l-adoraturi t’Alla fuq l-art se jieqfu quddiemu f’perfezzjoni umana mingħajr il-bżonn taʼ saċerdozju tas-sema. Iż-żmien se jkun ġie meta Ġesù Kristu “jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier.” (1 Korintin 15:24) Satana se jinħall “għal ftit taż-żmien” biex jittestja lill-umanità pperfezzjonata. Kwalunkwe wħud żleali se jinqerdu għal dejjem, flimkien maʼ Satana u d-demonji tiegħu. Dawk li jibqgħu leali se jingħataw ħajja taʼ dejjem. Huma se jsiru abitanti permanenti fil-Ġenna taʼ l-art. B’hekk il-Festa taʼ l-Għerejjex antitipika se tkun ġiet għal konklużjoni glorjuża u mimlija suċċess. Il-vera qima se tkun ittrijonfat għall-glorja taʼ dejjem taʼ Jehovah u għall-hena eterna taʼ l-umanità.—Apokalissi 20:3, 7-10, 14, 15. (w96 7/1)
[Noti taʼ taħt]
a Għal kummentarju vers b’vers dwar Żakkarija kapitlu 14, ara l-ktieb Paradise Restored to Mankind—By Theocracy!, ippubblikat fl-1972 mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., kapitli 21 u 22.
b Għal iktar informazzjoni fuq in-Netinim taż-żmien modern, ara It-Torri tal-Għassa, tal-15 taʼ Lulju, 1992, paġna 15.
Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni
◻ “Ġerusalemm” kif kienet taħt attakk matul l-ewwel gwerra dinjija?—Żakkarija 14:2.
◻ Xi ġralhom in-nies t’Alla mill-1919 ’l hawn?
◻ Min illum jieħu sehem f’li jiċċelebra l-Festa taʼ l-Għerejjex antitipika?
◻ Il-vera qima kif se tittrijonfa kompletament?
[Stampa f’paġna 31]
Friegħi tal-palm kienu jintużaw fl-iċċelebrar tal-Festa taʼ l-Għerejjex