LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 8/1 pp. 13-18
  • Żommu l-Unità f’Dawn l-Aħħar Jiem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żommu l-Unità f’Dawn l-Aħħar Jiem
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Issottometti Ruħek Għar-​Rieda Divina
  • Iggranfa Mal-​Verità
  • Uża L-​Ilsien Kif Jixraq!
  • Kun Wieħed Li Jaħfer!
  • L-​Unità u D-​Deċiżjonijiet Persunali
  • Żomm Dejjem L-​Unità Kristjana
  • Il-Familja taʼ Jehovah Tgawdi Unità Prezzjuża
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • L-Unità Kristjana Tigglorifika lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Il-Qima Vera Tintgħaraf mill-Unità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • L-Għaqda Kristjana Vera—Kif?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 8/1 pp. 13-18

Żommu l-​Unità f’Dawn l-​Aħħar Jiem

“Ġibu ruħkom kif jixraq lil l-​Evanġelju . . . , qawwija fi spirtu wieħed, u tissieltu b’ruħ waħda għall-​fidi taʼ l-​Evanġelju.”—FILIPPIN 1:27.

1. Liema kuntrast hemm bejn ix-​Xhieda taʼ Jehovah u d-​dinja?

DAWN huma “l-​aħħar jiem.” Mingħajr dubju, “żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom” qegħdin hawn. (2 Timotju 3:1-5, NW) F’dan iż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” bit-​taqlib tiegħu fis-​soċjetà umana, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jispikkaw f’kuntrast qawwi minħabba l-​paċi u l-​unità tagħhom. (Danjel 12:4) Imma kull individwu li jappartjeni lill-​familja globali t’adoraturi taʼ Jehovah jiġi mitlub biex jaħdem iebes biex iżomm din l-​unità.

2. Pawlu x’qal dwar li nżommu l-​unità, u liema mistoqsija se nikkunsidraw?

2 L-​appostlu Pawlu ammonixxa lill-​Kristjani sħabu biex iżommu l-​unità. Hu kiteb: “Ġibu ruħkom kif jixraq lil l-​Evanġelju taʼ Kristu, ħalli sew jekk niġi narakom, sew jekk inkun ’il bogħod, nismaʼ fuqkom li intom tinsabu qawwija fi spirtu wieħed, u tissieltu b’ruħ waħda għall-​fidi taʼ l-​Evanġelju, bla xejn ma tibżgħu minn dawk li joħduha magħkom. Dan ikun għalihom prova tat-​telfien tagħhom, imma għalikom prova tas-​salvazzjoni; u dan kollu ġej minn Alla.” (Filippin 1:27, 28) Il-​kliem taʼ Pawlu juri biċ-​ċar li rridu naħdmu flimkien bħala Kristjani. Mela, allura, x’se jgħinna biex inżommu l-​unità Kristjana tagħna f’dawn iż-​żminijiet taʼ prova?

Issottometti Ruħek Għar-​Rieda Divina

3. L-​ewwel Ġentili mhux ċirkonċiżi meta u kif saru segwaċi taʼ Kristu?

3 Mod wieħed kif inżommu l-​unità tagħna huwa li nissottomettu ruħna għar-​rieda divina f’kull żmien. Dan jistaʼ jitlob għal xi aġġustament fil-​mod kif naħsbuha. Ikkunsidra d-​dixxipli Lhud bikrin taʼ Ġesù Kristu. Meta l-​appostlu Pietru ppriedka għall-​ewwel darba lil Ġentili mhux ċirkonċiżi fis-​sena 36 E.K., Alla xerred l-​ispirtu qaddis fuq dawn in-​nies tal-​ġnus, u ġew mgħammdin. (Atti, kapitlu 10) Sa dak iż-​żmien, Lhud, proseliti għall-​Ġudaiżmu, u Samaritani biss, kienu saru segwaċi taʼ Ġesù Kristu.—Atti 8:4-8, 26-38.

4. Wara li spjega x’kien seħħ f’konnessjoni maʼ Kornelju, Pietru x’qal, u dan liema prova ppreżenta għad-​dixxipli Lhud taʼ Ġesù?

4 Meta l-​appostli u aħwa oħrajn f’Ġerusalemm saru jafu dwar il-​konverżjoni taʼ Kornelju u taʼ Ġentili oħrajn, kienu interessati f’li jisimgħu r-​rapport taʼ Pietru. Wara li spjega dak li kien ġara f’konnessjoni maʼ Kornelju u l-​Ġentili kredenti l-​oħrajn, l-​appostlu kkonkluda bil-​kliem: “Mela jekk Alla tahom [lil dawk il-​Ġentili kredenti] l-​istess don [taʼ spirtu qaddis] kif tah lilna [il-Lhud] meta emminna fil-​Mulej Ġesù Kristu, jien x’jien biex stajt inżomm lil Alla?” (Atti 11:1-17) Dan kien taʼ prova għas-​segwaċi Lhud taʼ Ġesù Kristu. Kienu huma se jissottomettu ruħhom għar-​rieda t’Alla u jaċċettaw lil Ġentili kredenti bħala adoraturi sħabhom? Jew kienet se tiġi pperikolata l-​unità tal-​qaddejja taʼ Jehovah fuq l-​art?

5. L-​appostli u l-​aħwa l-​oħrajn kif wieġbu għall-​fatt li Alla kien iffavorixxa ndiema lill-​Ġentili, u x’nistgħu nitgħallmu minn din l-​attitudni?

5 Ir-​rakkont jgħid: “Meta [l-appostli u aħwa oħrajn] semgħu dan il-​kliem siktu, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: ‘Mela Alla lill-​pagani wkoll tahom l-​indiema li twassal għall-​ħajja!’” (Atti 11:18) Dik l-​attitudni ppreservat u ppromwoviet l-​unità tas-​segwaċi taʼ Ġesù. F’biss qasir żmien, ix-​xogħol taʼ ppridkar avanza fost il-​Ġentili, jew nies tal-​ġnus, u l-​barka taʼ Jehovah kienet fuq attivitajiet bħal dawn. Aħna nfusna għandna nbaxxu rasna meta tintalab il-​koperazzjoni tagħna f’konnessjoni mal-​formazzjoni taʼ xi kongregazzjoni ġdida jew meta jsir xi aġġustament teokratiku taħt il-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla. Il-​koperazzjoni tagħna mill-​qalb se togħġob lil Jehovah u se tgħinna nżommu l-​unità tagħna f’dawn l-​aħħar jiem.

Iggranfa Mal-​Verità

6. Il-​verità liema rabta għandha maʼ l-​unità taʼ l-​adoraturi taʼ Jehovah?

6 Bħala parti mill-​familja t’adoraturi taʼ Jehovah, aħna nżommu l-​unità għaliex ilkoll kemm aħna ‘mgħallmin minn Alla’ u nżommu sod mal-​verità rrivelata tiegħu. (Ġwann 6:45; Salm 43:3) Ladarba t-​tagħlim tagħna huwa bbażat fuq il-​Kelma t’Alla, ilkoll kemm aħna nitkellmu fi qbil. Aħna naċċettaw bil-​ferħ l-​ikel spiritwali magħmul disponibbli minn Jehovah permezz taʼ “l-​irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW) Tagħlim uniformi bħal dan jgħinna nżommu l-​unità tagħna mad-​dinja kollha.

7. Jekk aħna individwalment insibu diffikultà biex nifhmu xi punt, x’għandna nagħmlu, u x’m’għandniex nagħmlu?

7 Xi ngħidu jekk aħna individwalment ikollna diffikultà nifhmu jew naċċettaw xi punt partikulari? Għandna nitolbu għall-​għerf u nagħmlu riċerka fl-​Iskrittura u f’pubblikazzjonijiet Kristjani. (Proverbji 2:4, 5; Ġakbu 1:5-8) Diskussjoni maʼ xi anzjan tistaʼ tgħin. Jekk il-​punt xorta waħda ma jistax jiġi mifhum, għandu mnejn l-​aħjar ħaġa tkun li tħalli l-​biċċa toqgħod. Jistaʼ jagħti l-​kas li iktar informazzjoni fuq is-​suġġett tiġi ppubblikata, u mbagħad il-​fehma tagħna se tiċċara. Ikun żbaljat, madankollu, li nipprovaw nikkonvinċu lil oħrajn fil-​kongregazzjoni biex jaċċettaw l-​opinjoni kuntrarja tagħna stess. B’dan inkunu qegħdin niżirgħu n-​nuqqas taʼ qbil, mhux naħdmu biex nippreservaw l-​unità. Kemm hu aħjar li nibqgħu “mexjin fil-​verità” u ninkuraġġixxu lil oħrajn biex jagħmlu hekk!—3 Ġwann 4.

8. Liema attitudni lejn il-​verità hija xierqa?

8 Fl-​ewwel seklu, Pawlu qal: “Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imb’wiċċ. Issa nagħraf biċċa, imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa.” (1 Korintin 13:12) Għalkemm il-​Kristjani bikrin ma rawx id-​dettalji kollha, huma baqgħu magħqudin. Issa aħna għandna fehma wisq iżjed ċara taʼ l-​iskop taʼ Jehovah u tal-​Kelma tiegħu taʼ verità. Ejjew għalhekk inkunu grati għall-​verità li rċevejna permezz taʼ “l-​irsir leali.” U ejjew inkunu grati li Jehovah mexxiena permezz taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu. Fil-​waqt li mhux dejjem kellna l-​istess ammont t’għarfien, ma konniex bil-​ġuħ jew bil-​għatx spiritwalment. Minflok, ir-​Ragħaj tagħna, Jehovah, żammna magħqudin u ħa ħsiebna tajjeb.—Salm 23:1-3.

Uża L-​Ilsien Kif Jixraq!

9. L-​ilsien kif jistaʼ jintuża biex jippromwovi l-​unità?

9 Li tuża l-​ilsien biex tinkuraġġixxi lil oħrajn huwa mod importanti biex tippromwovi l-​unità u spirtu taʼ fratellanza. L-​ittra li solviet kwistjoni fuq iċ-​ċirkonċiżjoni, bħalma ntbagħtet mill-​ġemgħa li tiggverna taʼ l-​ewwel seklu, kienet sors taʼ inkuraġġiment. Wara li qrawha, id-​dixxipli Ġentili f’Antijokija “ferħu għall-​faraġ li tathom.” Ġuda u Silas, li kienu ntbagħtu minn Ġerusalemm bl-​ittra, “farrġu lil l-​aħwa u wettquhom b’ħafna kliem.” Bla dubju, il-​preżenza taʼ Pawlu u Barnabas ukoll inkuraġġiet u saħħet lil kredenti sħabhom f’Antijokija. (Atti 15:1-3, 23-32) Hekk nistgħu nagħmlu aħna meta ninġabru għal-​laqgħat Kristjani u ‘nagħmlu l-​qalb lil xulxin’ permezz tal-​preżenza tagħna u kummenti li jibnu.—Lhud 10:24, 25.

10. Biex tinżamm l-​unità, x’għandu mnejn li jkollu jsir jekk iseħħ xi tgħajjir?

10 Madankollu, l-​użu żbaljat taʼ l-​ilsien jistaʼ jhedded l-​unità tagħna. “L-​ilsien: huwa biċċa ċkejkna fil-​ġisem, imma jistaʼ jiftaħar li jagħmel ħwejjeġ kbar,” kiteb id-​dixxiplu Ġakbu. “Ara, ftit nar jistaʼ jqabbadlek foresta sħiħa.” (Ġakbu 3:5) Jehovah jobgħod lil dawk li jikkaġunaw il-​ġlied. (Proverbji 6:16-19) Kliem bħal dan jistaʼ jikkaġuna firda. Mela, allura, xi ngħidu jekk isir tgħajjir, jiġifieri, tfigħ taʼ kliem abbużiv lejn xi ħadd jew li tissuġġettah għal kliem insolenti? L-​anzjani se jipprovaw jgħinu lil dak li żbalja. Madankollu, wieħed li jgħajjar u li ma jkunx niedem għandu jiġi maqtugħ mis-​sħubija sabiex il-​paċi, l-​ordni, u l-​unità tal-​kongregazzjoni jistgħu jinżammu. Wara kollox, Pawlu kiteb: “Tagħmluhiex maʼ min jissejjaħ ħukom u jkun . . . insolenti . . . ; maʼ dan l-​anqas biss tieklu ma għandkom.”—1 Korintin 5:11.

11. L-​umiltà għala hija importanti jekk inkunu għedna xi ħaġa li kkaġunat tensjoni bejna u bejn kredent seħibna?

11 Li nliġġmu lsienna jgħinna nżommu l-​unità. (Ġakbu 3:10-18) Imma nassumu li xi ħaġa li nkunu għedna tkun ikkaġunat tensjoni bejna u bejn xi Kristjan bħalna. Ma jkunx xieraq li nieħdu l-​inizjattiva biex nagħmlu l-​paċi maʼ ħuna, billi nitolbu apoloġija jekk ikun hemm bżonn? (Mattew 5:23, 24) Veru, dan jirrikjedi l-​umiltà, jew trażżin tal-​moħħ, imma Pietru kiteb: “Ilbsu l-​umiltà maʼ xulxin għax Alla jeqfilhom lill-​kburin, imma lil l-​umli jagħtihom il-​grazzja tiegħu.” (1 Pietru 5:5) L-​umiltà se tqanqalna biex ‘insegwu l-​paċi’ maʼ ħutna, billi nammettu l-​iżbalji tagħna u billi nitolbu apoloġija xierqa. Dan jgħinna nżommu l-​unità tal-​familja taʼ Jehovah.—1 Pietru 3:10, 11.

12. Kif nistgħu nużaw l-​ilsien biex nippromwovu u nżommu l-​unità tan-​nies taʼ Jehovah?

12 Aħna nistgħu navanzaw l-​ispirtu tal-​familja fost dawk fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah jekk nużaw ilsienna kif jixraq. Ladarba dak kien li għamel Pawlu, hu setaʼ jfakkar lit-​Tessalonikin: “Aħna, kif tafu, ġibna ruħna maʼ kull wieħed minnkom qisna missier maʼ wliedu: farraġniekom, għamilnielkom il-​qalb, ħeġġiġniekom ħalli timxu kif hu xieraq quddiem Alla.” (1 Tessalonikin 2:11, 12) Billi kien t’eżempju mill-​aħjar f’dan ir-​rigward, Pawlu setaʼ jħeġġeġ lill-​Kristjani sħabu biex ‘ilissnu kliem li jikkonsla lill-​erwieħ dipressi.’ (1 Tessalonikin 5:14, NW) Aħseb dwar kemm ġid nistgħu nagħmlu billi nużaw l-​ilsien biex nikkonslaw, ninkuraġġixxu, u nibnu lil oħrajn. Iva, “kelma f’waqtha, kemm hi sabiħa!” (Proverbji 15:23) Iktar minn hekk, kliem bħal dan jgħin jippromwovi u jżomm l-​unità tan-​nies taʼ Jehovah.

Kun Wieħed Li Jaħfer!

13. Għala għandna nkunu wħud li jaħfru?

13 Li taħfer lil min offendiek u talbek apoloġija huwa essenzjali jekk irridu nżommu l-​unità Kristjana. U kemm-il darba għandna naħfru? Ġesù qal lil Pietru: “Ma ngħidlikx sa sebaʼ darbiet . . . imma sa sebgħa u sebgħin darba.” (Mattew 18:22) Jekk ma naħfrux, inkunu qegħdin naħdmu kontra l-​interessi tagħna nfusna. B’liema mod? Sewwa, il-​mibgħeda u li nżommu f’qalbna se jisirqulna l-​paċi tal-​moħħ. U jekk insiru magħrufin għal manjieri ħorox u taʼ bla maħfra, nistgħu nġibu tmaqdir fuqna nfusna. (Proverbji 11:17) Li nżommu f’qalbna ma jogħġobx lil Alla u jistaʼ jwassal għal dnub serju. (Levitiku 19:18) Ftakar li Ġwanni l-​Għammied nqatatlu rasu f’komplott maħsub minn Erodija li kienet mill-​agħar u li kienet “saret tobogħdu.”—Mark 6:19-28.

14. (a) Mattew 6:14, 15 x’jgħallimna dwar il-​maħfra? (b) Għandna dejjem nistennew apoloġija qabel ma naħfru lil xi ħadd?

14 It-​talba mudell taʼ Ġesù tinkludi dan il-​kliem: “Aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina.” (Luqa 11:4) Jekk ma naħfrux, nissograw li xi darba Alla Jehovah ma jibqax jaħfer id-​dnubiet tagħna, għax Ġesù qal: “Għax jekk intom taħfru lill-​bnedmin il-​ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-​smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-​bnedmin il-​ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-​ħtijiet tagħkom.” (Mattew 6:14, 15) Mela jekk aħna verament irridu nagħmlu l-​parti tagħna biex inżommu l-​unità fil-​familja t’adoraturi taʼ Jehovah, se nkunu wħud li jaħfru, forsi billi sempliċement ninsew offiża li għandha mnejn tkun minħabba xi nuqqas taʼ ħsieb u ma saritx b’intenzjoni ħażina. Pawlu qal: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-​Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.” (Kolossin 3:13) Meta nkunu wħud li jaħfru, ngħinu nżommu l-​unità prezzjuża taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah.

L-​Unità u D-​Deċiżjonijiet Persunali

15. X’jgħin lin-​nies taʼ Jehovah biex iżommu l-​unità meta jieħdu deċiżjonijiet persunali?

15 Alla għamilna aġenti morali ħielsa bil-​privileġġ u r-​responsabbiltà li nieħdu deċiżjonijiet persunali. (Dewteronomju 30:19, 20; Galatin 6:5) Madankollu, aħna nistgħu nżommu l-​unità tagħna għaliex naġixxu fi qbil mal-​liġijiet u l-​prinċipji tal-​Bibbja. Aħna nikkunsidrawhom meta nieħdu deċiżjonijiet persunali. (Atti 5:​29; 1 Ġwann 5:3) Nassumu li tqum kwistjoni dwar in-​newtralità. Nistgħu nieħdu deċiżjoni persunali informata billi niftakru li ‘m’aħna ebda parti mid-​dinja’ u li ‘bdilna x-​xwabel tagħna f’sikek tal-​moħriet.’ (Ġwann 17:16; Isaija 2:2-4) B’mod simili, meta rridu nieħdu deċiżjoni persunali dwar ir-​relazzjoni tagħna maʼ l-​Istat, aħna nikkunsidraw dak li tgħid il-​Bibbja dwar li nħallsu lura “lil Alla dak li hu taʼ Alla,” fil-​waqt li nissottomettu ruħna lejn ‘l-​awtorità taʼ fuqna’ f’affarijiet sekulari. (Luqa 20:25; Rumani 13:1-7; Titu 3:1, 2) Iva, li nagħtu kas tal-​liġijiet u l-​prinċipji tal-​Bibbja meta nieħdu deċiżjonijiet persunali jgħin biex inżommu l-​unità Kristjana tagħna.

16. Kif nistgħu ngħinu biex inżommu l-​unità meta nieħdu deċiżjonijiet li la huma tajbin u lanqas żbaljati Skritturalment? Agħti tixbieha.

16 Aħna nistgħu ngħinu biex inżommu l-​unità Kristjana saħansitra meta nieħdu xi deċiżjoni li hija totalment persunali u la hija tajba u lanqas żbaljata Skritturalment. Dan kif? Billi nuru tħassib taʼ mħabba għal oħrajn li jistgħu jiġu effettwati mid-​deċiżjoni tagħna. Biex nagħtu tixbieha: Fil-​kongregazzjoni f’Korintu tal-​qedem, qamet kwistjoni dwar laħam issagrifikat lill-​idoli. M’għandniex xi ngħidu, Kristjan ma kienx se jieħu sehem f’ċerimonja idolatruża. Madankollu, ma kienx dnub li tiekol laħam taʼ din ix-​xorta li kien jibqaʼ żejjed li kien jiġi skarnat b’mod xieraq, u li kien jinbiegħ f’suq pubbliku. (Atti 15:28, 29; 1 Korintin 10:25) Minkejja dan, il-​kuxjenzi taʼ xi Kristjani kienu inkwetati fuq li jittiekel dan il-​laħam. Pawlu għalhekk ħeġġeġ lil Kristjani oħrajn biex jevitaw li jfixkluhom. Fil-​fatt, kiteb: “Jekk l-​ikel jiskandalizza lil ħija, ma niekol qatt iżjed laħam biex ma niskandalizzax lil ħija.” (1 Korintin 8:13) Mela saħansitra jekk ebda liġi jew prinċipju tal-​Bibbja m’huwa involut, kemm huwa taʼ mħabba li tikkunsidra lil oħrajn meta tieħu deċiżjonijiet persunali li jistgħu jeffettwaw l-​unità tal-​familja t’Alla!

17. X’ikun għaqli li nagħmlu meta jkollna nieħdu deċiżjonijiet persunali?

17 Jekk ma nkunux ċerti liema korsa se nieħdu, ikun għaqli li niddeċiedu b’tali mod li nżommu kuxjenza nadifa, u oħrajn għandhom jirrispettaw id-​deċiżjoni tagħna. (Rumani 14:10-12) M’għandniex xi ngħidu, meta rridu nieħdu deċiżjoni persunali, għandna nfittxu l-​gwida taʼ Jehovah bit-​talb. Bħas-​salmista, nistgħu nitolbu b’fiduċja: “Agħtini widen . . . Inti l-​blata u l-​fortizza tiegħi; f’ġieħ ismek mexxini u wennisni.”—Salm 31:3, 4 [Salm 31:2, 3, NW].

Żomm Dejjem L-​Unità Kristjana

18. Pawlu kif xebbah l-​unità tal-​kongregazzjoni Kristjana?

18 Fl-​ewwel Korintin kapitlu 12, Pawlu uża l-​ġisem uman biex ixebbah l-​unità tal-​kongregazzjoni Kristjana. Hu enfasizza d-​dipendenza minn xulxin u l-​importanza taʼ kull membru. “Kieku kollha kellhom ikunu membru wieħed, fejn hu l-​ġisem?” staqsa Pawlu. “Imma ħafna, iva, huma l-​membri, iżda wieħed hu l-​ġisem. Il-​għajn ma tistax tgħid lil l-​id: ‘Jiena ma għandix bżonnok’, anqas ir-​ras tgħid lis-​saqajn: ‘ma għandix bżonnok’.” (1 Korintin 12:19-21) B’mod simili, mhux ilkoll kemm aħna fil-​familja t’adoraturi taʼ Jehovah inwettqu l-​istess inkarigu. Madankollu, aħna magħqudin, u neħtieġu lil xulxin.

19. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​provvedimenti spiritwali t’Alla, u wieħed ħu avanzat fl-​età x’qal f’dan ir-​rigward?

19 Bħalma l-​ġisem jeħtieġ ikel, attenzjoni, u direzzjoni, aħna neħtieġu l-​provvedimenti spiritwali li Alla jagħtina permezz tal-​Kelma, l-​ispirtu, u l-​organizzazzjoni tiegħu. Biex nibbenefikaw minn dawn il-​provvedimenti, irridu nkunu parti mill-​familja taʼ Jehovah taʼ fuq l-​art. Wara ħafna snin fis-​servizz t’Alla, wieħed ħu kiteb: “Tant jien grat li għext fl-​għarfien taʼ l-​iskopijiet taʼ Jehovah minn dawk is-​snin bikrin eżatt qabel l-​1914 meta ma kienx kollox tant ċar . . . sa llum il-​ġurnata meta l-​verità tiddi bħax-​xemx taʼ nofs in-​nhar. Jekk kien hemm ħaġa waħda li kienet l-​iktar importanti għalija, din kienet il-​kwistjoni taʼ li nżomm qrib maʼ l-​organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah. L-​esperjenza bikrija tiegħi għallmitni kemm mhux għaqli li tistrieħ fuq raġunar uman. Ladarba moħħi kien deċiż fuq dak il-​punt, kont determinat li nibqaʼ viċin taʼ l-​organizzazzjoni leali. B’liema mod ieħor jistaʼ wieħed jikseb il-​favur u l-​barka taʼ Jehovah?”

20. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu dwar l-​unità tagħna bħala n-​nies taʼ Jehovah?

20 Jehovah sejjaħ lin-​nies tiegħu ’l barra mid-​dlam u l-​firda dinjin. (1 Pietru 2:9) Hu ġabna f’unità mbierka miegħu nnifsu u mal-​kredenti sħabna. Din l-​unità se teżisti fis-​sistema ġdida t’affarijiet li issa tant hi qrib. F’dawn l-​aħħar jiem kritiċi, għalhekk, ejjew inkomplu ‘nitlibbsu bl-​imħabba’ u nagħmlu kulma nistgħu biex nippromwovu u nżommu l-​unità prezzjuża tagħna.—Kolossin 3:14. (w96 7/15)

Kif Twieġeb Int?

◻ Li nagħmlu r-​rieda t’Alla u li niggranfaw mal-​verità għala jistaʼ jgħinna nżommu l-​unità?

◻ L-​unità kif inhi relatata maʼ l-​użu xieraq taʼ l-​ilsien?

◻ X’inhu involut f’li tkun wieħed li jaħfer?

◻ Kif nistgħu nżommu l-​unità meta nieħdu deċiżjonijiet persunali?

◻ Għala għandna nżommu l-​unità Kristjana?

[Stampa f’paġna 14]

Sewwa sew bħalma dan ir-​ragħaj iżomm il-​merħla tiegħu flimkien, hekk Jehovah iżomm lin-​nies tiegħu magħqudin

[Stampi f’paġna 16]

Billi umilment nitolbu apoloġija meta noffendu lil xi ħadd, aħna ngħinu biex nippromwovu l-​unità

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja