Għala Qegħdin Jitolbu Maħfra?
L-IDEA li l-knejjes għandhom jindmu minn ħtijiethom u jirriformaw lilhom infushom m’hijiex ġdida. Religioni e miti (Reliġjonijiet u Ħrejjef), dizzjunarju tar-reliġjon, jgħid li l-integrità li kienet tallega li kellha l-knisja tal-bidu kienet tiġbed l-interess tan-nies matul il-Medju Evu u wasslet lil ħafna biex jitolbu riforma reliġjuża.
Fis-sena 1523, wara li Luteru kisirha maʼ Ruma, Papa Adrijanu VI ttanta jfejjaq il-ferita billi bagħat dan il-messaġġ lid-Dieta taʼ Nuremburgu: “Nafu tajjeb li għal ħafna snin saru affarijiet li jistħoqqilhom stmerrija fis-Santa Sede . . . Se nkunu diliġenti għall-aħħar f’li nirriformaw l-ewwelnett il-Kurja Rumana, li minnha, x’aktarx, kellu l-bidu tiegħu dan il-ħażen kollu.” Madankollu, din l-ammissjoni ma rnexxietx f’li tfejjaq ix-xiżma u lanqas f’li tbiegħed il-korruzzjoni mill-Kurja tal-Papa.
Iktar reċenti, il-knejjes ġew ikkritikati għas-skiet li żammew rigward l-Olokawst. Ġew akkużati wkoll li ma skuraġġewx lill-membri tagħhom milli jieħdu sehem fil-gwerer. Fis-sena 1941, fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, qassis bl-isem taʼ Primo Mazzolari staqsa: “Ruma għala ma rreaġixxietx bl-aħrax għat-tkissir tal-Kattoliċiżmu bħalma kienet tagħmel, u kif għad għandha d-drawwa li tagħmel, fil-każ taʼ duttrini inqas perikolużi?” Duttrini inqas perikolużi minn xiex? Il-qassis kien qed jitkellem dwar in-nazzjonaliżmu li jqanqal il-gwerer, u li f’dak iż-żmien kien qed jagħmel ħerba miċ-ċivilizzazzjoni.
Il-fatt hu, iżda, li sa żminijiet pjuttost reċenti, jekk ir-reliġjonijiet jammettu li għandhom tort, din kienet tkun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola. Fis-sena 1832, bi tweġiba għal xi wħud li kienu qed iħeġġu lill-Knisja Kattolika biex ‘tissaħħaħ mill-ġdid,’ Papa Gregorju XVI qal: “Hija ħaġa verament assurda u inġurjuża li tipproponi ċertu ‘restawr u tisħiħ mill-ġdid’ għall-protezzjoni u t-tkabbir [tal-knisja], bħallikieku din tistaʼ titqies suġġetta għad-difetti.” Xi ngħidu għal difetti li tant kienu jispikkaw li ħadd ma jistaʼ jiċħad li saru? Ġew adottati diversi strateġiji biex jiġu ġġustifikati. Per eżempju, xi teologi sostnew li l-knisja hija kemm qaddisa u kemm midinba. L-istituzzjoni nfisha jingħad li hi qaddisa—li Alla jħarisha mill-iżball. Xorta waħda, il-membri tagħha huma midinbin. B’hekk, meta jsiru xi atroċitajiet f’isem il-knisja, mhux l-istituzzjoni nfisha għandha tinżamm responsabbli, imma individwi li huma fi ħdan il-knisja. Hija din ħaġa raġunata? Mhux għat-teologu Kattoliku Ruman Hans Küng, li kiteb: “Ma teżisti ebda Knisja perfetta li hija separata mill-membri imperfetti tagħha.” Hu spjega: “Il-Knisja li m’għandha ebda dnub xi tqerr ma teżistix.”
L-Ekumeniżmu u l-Waqfa Morali
Int tistaʼ tkun kurjuż dwar liema żviluppi wasslu lill-knejjes biex jitolbu l-maħfra issa. Għall-ewwel, il-Protestanti u l-Ortodossi ammettew li kienu responsabbli għal “firdiet fil-passat” fost denominazzjonijiet differenti. Dan għamluh fil-konferenza ekumenika “Fidi u Ordni” li nżammet f’Lausanne, l-Isvizzera, fl-1927. Eventwalment il-Knisja Kattolika Rumana għamlet l-istess. B’mod speċjali mill-Vatikan IIa ’l hawn, prelati f’pożizzjoni għolja, inklużi Papiet, bdew jitolbu maħfra għal firdiet ġewwa l-Kristjaneżmu b’regolarità li dejjem tiżdied. Għal liema skop? Milli jidher, iridu li jkun hemm iktar unità fil-Kristjaneżmu. Il-kittieb Kattoliku taʼ l-istorja Nicolino Sarale stqarr li fil-“proġett taʼ ‘stqarrijiet taʼ mea culpa’” taʼ Ġwanni Pawlu II, “hemm strateġija, u din hija l-ekumeniżmu.”
Madankollu, iktar mill-ekumeniżmu huwa involut. Illum, l-istorja infamja tal-Kristjaneżmu hija magħrufa sew. “Min hu Kattoliku ma jistax sempliċement jinjora din l-istorja kollha,” jgħid it-teologu Hans Urs von Balthasar. “L-istess Knisja li minnha jagħmel parti l-Papa għamlet jew ippermettiet li jsiru affarijiet li llum żgur ma nistgħux napprovawhom.” Għaldaqstant, il-Papa waqqaf kummissjoni biex “titfaʼ dawl fuq il-paġni mudlama tal-knisja sabiex . . . tkun tistaʼ tintalab maħfra.” Raġuni oħra, allura, għala l-knisja hija lesta li tikkritika lilha nfisha tidher li hi xewqa biex tikseb lura l-waqfa morali li kellha.
Bl-istess ħsieb f’moħħu, il-kittieb taʼ l-istorja Alberto Melloni, meta kkummenta fuq it-talbiet għall-maħfra li għamlet il-knisja, kiteb: “Fir-realtà, dak li xi kultant tkun qed titlob il-knisja huwa ħelsien temporanju mill-akkużi u r-responsabbiltà.” Iva, il-Knisja Kattolika tidher li qed tipprova tfarfar minn fuq spallejha l-piż tad-dnubiet li għamlet fil-passat sabiex terġaʼ tikseb il-kredibilità f’għajnejn in-nies. Irridu ngħidu onestament, iżda, li tidher li hi iktar ikkonċernata li tkun fil-paċi mad-dinja milli m’Alla.
Imġiba bħal din tfakkarna f’Sawl, l-ewwel sultan taʼ Iżrael. (1 Samwel 15:1-12) Hu kkommetta żball serju, u meta dan ġie mikxuf, għall-ewwel ipprova jiġġustifika lilu nnifsu—iġib skuża għall-iżball tiegħu—lil Samwel, profeta leali t’Alla. (1 Samwel 15:13-21) Fl-aħħar, is-sultan kellu jammetti maʼ Samwel: “Dnibt għax ksirt il-kelma tal-Mulej.” (1 Samwel 15:24, 25) Iva, hu ammetta l-ħtija li kellu. Imma l-kliem li qal wara dan lil Samwel jikxef x’kellu l-iktar f’moħħu: “Dnibt! Imma issa agħtini l-ġieħ quddiem ix-xjuħ tal-poplu tiegħi u quddiem Iżrael.” (1 Samwel 15:30) Evidentement, Sawl kien iktar ikkonċernat bil-pożizzjoni tiegħu f’għajnejn Iżrael milli b’li jkun irrikonċiljat m’Alla. Din l-attitudni ma rriżultatx f’li Alla jaħfirlu lil Sawl. Taħseb li attitudni simili se tirriżulta f’li Alla jaħfrilhom lill-knejjes?
Mhux Kulħadd Jaqbel
Mhux kulħadd jaqbel li l-knejjes għandhom jitolbu maħfra pubblikament. Per eżempju, xi Kattoliċi Rumani ma jiħdux pjaċir meta l-Papa tagħhom jitlob maħfra talli xi nies kienu nżammu bħala skjavi jew jaċċetta lura “eretiċi” bħal Hus u Calvin. Skond sorsi mill-Vatikan, id-dokument mibgħut lill-kardinali li ppropona “eżami tal-kuxjenza” dwar l-istorja tal-millennju li għadda taʼ Kattoliċiżmu, ġie kkritikat minn kardinali li attendew konċistorju li nżamm f’Ġunju taʼ l-1994. Meta l-Papa xorta waħda ried jinkludi l-punti fundamentali taʼ dak il-proponiment f’enċiklika, il-kardinal Taljan Giacomo Biffi ħareġ nota pastorali li fiha afferma: “Il-Knisja m’għandha ebda dnub.” Minkejja dan, hu ammetta: “Li nitolbu maħfra għal żbalji ekkleżjastiċi tas-sekli li għaddew . . . għandu mnejn iservi biex ma nidhrux daqshekk koroh.”
“L-ammissjoni tad-dnub hija wieħed mill-iktar suġġetti kontroversjali fil-Knisja Kattolika,” jgħid il-kummentatur għall-Vatikan Luigi Accattoli. “Jekk il-Papa jammetti l-iżbalji tal-missjunarji, jeżistu missjunarji li onestament jinkeddu b’dan.” Iżjed minn hekk, wieħed ġurnalist Kattoliku Ruman kiteb: “Jekk inhu veru li l-Papa għandu idea daqstant terribbli taʼ l-istorja tal-Knisja, huwa diffiċli li tifhem kif issa jistaʼ jippreżenta lil din l-istess Knisja bħala l-protagonista tad-‘drittijiet tal-bniedem,’ l-‘omm u għalliema’ li hi waħedha tistaʼ tiggwida lill-umanità lejn it-tielet millennju tassew promettenti.”
Il-Bibbja twissi kontra turija taʼ ndiema li tkun motivata minn xejn għajr il-mistħija taʼ meta wieħed jinqabad fl-iżball. Din ix-xorta taʼ ndiema rari twassal għal bidla permanenti fl-individwu li jindem. (Qabbel 2 Korintin 7:8-11.) Indiema li għandha valur f’għajnejn Alla hija akkumpanjata minn “frott li jixraq lill-indiema”—jiġifieri, evidenza tas-sinċerità taʼ l-indiema.—Luqa 3:8.
Il-Bibbja tgħid li l-individwu li jindem u jammetti ħtijietu jrid jaqtaʼ l-għemejjel ħżiena, jieqaf milli jagħmilhom. (Proverbji 28:13) Ġara dan? Sewwa, wara l-ammissjonijiet kollha taʼ żbalji li saru mill-Knisja Kattolika Rumana u knejjes oħrajn, x’ġara f’konflitti ċivili reċenti fl-Afrika ċentrali u fl-Ewropa tal-Lvant, fejn kienu involuti popolazzjonijiet kbar taʼ “Kristjani”? Aġixxew il-knejjes bħala forza għall-paċi? Il-mexxejja kollha tagħhom tkellmu pubblikament f’unità kontra l-atroċitajiet li l-membri tagħhom kienu qegħdin jikkommettu? Le. Mhux talli hekk, imma xi ministri reliġjużi saħansitra ħadu sehem fil-massakri!
Ġudizzju Divin
Meta tkellem dwar l-istqarrijiet ripetuti taʼ mea culpa li għamel il-Papa, il-Kardinal Biffi staqsa b’ironija: “Rigward dnubiet storiċi, ma jkunx aħjar għalina lkoll li nistennew il-ġudizzju universali?” Sewwa, il-ġudizzju taʼ l-umanità kollha huwa imminenti. Alla Jehovah jafhom tajjeb il-paġni mudlama taʼ l-istorja tar-reliġjon. Dalwaqt, se jitlob kont minn dawk ħatjin. (Apokalissi 18:4-8) Sadanittant, huwa possibbli li wieħed isib forma taʼ qima li mhix ikkontaminata mill-ħtija tad-demm, l-intolleranza qattiela, u d-delitti l-oħrajn li l-knejjes tal-Kristjaneżmu qed jitolbu skuża għalihom? Iva.
Kif nistgħu nagħmlu dan? Billi napplikaw ir-regola li stqarr Ġesù Kristu: “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom.” Ir-rekord taʼ l-istorja, li xi reliġjonijiet jixtiequ li jintesa, jgħinna nidentifikaw mhux biss lil dawk li Ġesù sejħilhom “profeti foloz” imma wkoll lil dawk li pproduċew “frott tajjeb.” (Mattew 7:15-20) Min huma dawn? Nistidnuk biex dan tiskoprih int stess billi teżamina l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Ara min illum tassew qed jipprova jimxi mal-Kelma t’Alla minflok ma jfittex li jibqaʼ jżomm pożizzjoni influwenti fid-dinja.—Atti 17:11.
[Nota taʼ taħt]
a Il-wieħed u għoxrin kunsill ekumeniku li ltaqaʼ f’erbaʼ sessjonijiet f’Ruma mill-1962 sa l-1965.
[Stampa f’ paġna 5]
Il-knejjes qegħdin jitolbu skuża għal atroċitajiet bħal dawn
[Sors]
The Complete Encyclopedia of Illustration/J. G. Heck