Ħajti Bħala Lebbruż—Mimlija Ferħ u Mbierka Spiritwalment
KIF IRRAKKONTAT MINN ISAIAH ADAGBONA
Jien trabbejt f’Akure, in-Niġerja.
Il-familja tiegħi kienet tkabbar il-yams, il-banana, il-kassava, u l-kawkaw. Missieri ma ridnix immur l-iskola. Kien jgħidli: “Inti bidwi. M’għandekx bżonn tkun taf taqra biex tkabbar il-yams.”
IMMA jien xorta ridt nitgħallem naqra. Fil-għaxijiet, kont noqgħod nissemmaʼ minn wara t-tieqa taʼ dar fejn kien ikun hemm għalliem privat jgħallem lil xi tfal. Dan kien fl-1940 meta kelli xi 12-il sena. Meta kien jarani missier it-tfal, kien jaqbad jgħajjat u jkeċċini. Imma jien xorta bqajt immur. Xi drabi l-għalliem ma kienx jiġi, u jien kont nidħol bis-serqa u noqgħod nara l-kotba tat-tfal flimkien magħhom. Xi kultant kienu jħalluni nissellef il-kotba tagħhom. Dak kien kif tgħallimt naqra.
Ningħaqad mal-Poplu t’Alla
Maż-żmien iddobbajt Bibbja u bdejt naqraha regolarment qabel immur norqod. Lejla minnhom qrajt Mattew kapitlu 10, li juri li d-dixxipli taʼ Ġesù kellhom ikunu mibgħudin u ppersegwitati mill-bnedmin.
Ftakart li x-Xhieda taʼ Jehovah kienu ġew id-dar tiegħi u ġew ittrattati ħażin. Daħalli f’rasi li dawn jistgħu jkunu n-nies li Ġesù kien tkellem dwarhom. Meta x-Xhieda reġgħu ġew, ksibt rivista mingħandhom. Hekk kif bdejt nassoċja magħhom, sirt il-mira taʼ ħafna ridikolar. Madankollu, iktar ma n-nies ipprovaw jiskuraġġuni, iktar sirt konvint u ferħan li kont sibt ir-reliġjon vera.
Dak li verament impressjonani dwar ix-Xhieda kien li, b’differenza mill-gruppi reliġjużi l-oħrajn fl-inħawi tiegħi, huma ma kinux iħalltu l-qima tagħhom mad-drawwiet u t-tradizzjonijiet tar-reliġjon pagana lokali. Per eżempju, għalkemm il-familja tiegħi kienet tattendi l-knisja Anglikana, missieri kellu niċċa taʼ l-alla Joruban Ogun.
Wara li miet missieri, suppost li dik in-niċċa writtha jien. Jien ma ridthiex, għax kont naf li l-Bibbja tikkundannaha l-idolatrija. Bil-għajnuna taʼ Jehovah bdejt nagħmel progress spiritwali, u f’Diċembru taʼ l-1954, tgħammidt.
Qabditni l-Lebbra
Iktar kmieni dik is-sena, innotajt li kelli nefħa f’saqajja u ma bdejtx inħosshom. Kieku rfist fuq il-ġamar jaħraq, ma kont inħoss ebda wġigħ. Wara xi żmien, tfaċċaw ulċeri ħomor fuq ġbini u xofftejja. La jien u lanqas il-familja tiegħi ma konna nafu x’kienet il-problema; ħsibna li kienet ekżema. Mort għand 12-il erbalista nfittex mezz biex infiq. Fl-aħħar, wieħed minnhom qalilna li kelli l-lebbra.
Dak kien xokk! Ħadtha bi kbira u ma stajtx norqod sew. Kont inqum imwerwer. Imma l-għarfien li kelli tal-verità tal-Bibbja u l-fatt li striħajt fuq Jehovah għenuni nħares lejn il-futur b’fiduċja.
In-nies qalulha lil ommi li jekk immur s’għand oraklu biex noffri s-sagrifiċċji, kont se mmur għall-aħjar. Jien irrifjutajt li mmur, għax kont naf li azzjoni bħal din ma kinitx se togħġob lil Jehovah. Billi rrealizzaw li kont diġà ħadt id-deċiżjoni tiegħi dwar il-kwistjoni, il-ħbieb t’ommi ssuġġerewlha li taqbad lewża tal-kola u tmissli moħħi biha. Imbagħad setgħet tippreżenta l-lewża tal-kola lill-oraklu biex jużaha fis-sagrifiċċji għan-nom tiegħi. Jien ma ridt li jkolli x’naqsam xejn maʼ dan u għedtilha bix-xewqa tiegħi. Fl-aħħar qatgħet qalbha tipprova tinvolvini fir-reliġjon pagana.
Sa dak in-nhar li mort l-isptar, il-lebbra diġà kienet waslet fi stadju avanzat. Kelli ulċeri maʼ ġismi kollu. L-isptar tawni l-mediċina, u bil-mod il-mod il-ġilda tiegħi reġgħet ġiet għan-normal.
Ħasbu li Kont Mejjet
Imma l-kbir kien għadu ġej. Qabditni infezzjoni kbira f’sieqi l-leminija, u fl-1962 kellhom jaqtgħuhieli. Wara l-operazzjoni, kien hemm komplikazzjonijiet mediċi. It-tobba ma stennewx li se nibqaʼ ħaj. Qassis missjunarju li kien abjad ġie biex jamministra l-aħħar sagramenti. Kont dgħajjef wisq biex nitkellem, imma infermiera qaltlu li jien kont wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Il-qassis qalli: “Trid tibdel ir-reliġjon u ssir Kattoliku ħalli tkun tistaʼ tmur fis-sema?” Qbadt nidħak ġo qalbi. Bdejt nitlob lil Jehovah jagħtini s-saħħa ħalli nwieġeb. Bi sforz kbir irnexxieli ngħid, “Le!” Il-qassis dar u telaq ’l hemm.
Il-kundizzjoni tiegħi marret għall-agħar sa ma l-istaff taʼ l-isptar ħasbu li kont mejjet. Għattewli wiċċi b’liżar. Iżda ma ħadunix fil-kamra mortwarja, ladarba l-ewwel kien jeħtieġ li tabib jew infermier jiċċertifikani mejjet. Ma kien hemm ebda tabib li kien imissu xogħol, u l-infermiera kollha kienu marru party. Għalhekk, dak il-lejl ħallewni fis-sala. Meta t-tabib ġie jagħmel il-visti tiegħu l-għada fil-għodu, ħadd ma resaq lejn is-sodda tiegħi peress li kont għadni mgħotti u kienu għadhom jaħsbu li kont mejjet. Eventwalment, xi ħadd innota li l-“katavru” taħt il-liżar kien qiegħed jiċċaqlaq!
Sewwa, jien irkuprajt, u f’Diċembru taʼ l-1963 ħaduni l-Abeokuta Leprosy Hospital Settlement fil-Lbiċ tan-Niġerja. Ili ngħix hemmhekk minn dak iż-żmien ’l hawn.
Oppożizzjoni lejn l-Ippridkar Tiegħi
Kien hemm madwar 400 lebbruż fl-isptar meta wasalt, u jien kont l-uniku Xhud. Ktibt lis-Soċjetà, u huma rrispondew fil-pront billi taw direzzjoni lill-aħwa tal-Kongregazzjoni taʼ Akomoje biex jikkuntattjawni. Għalhekk, qatt ma tlift il-kuntatt maʼ l-aħwa.
Malli wasalt l-isptar, bdejt nippriedka. Il-kappillan lokali ma ħax pjaċir b’dan, u rrapportani lill-uffiċjal tas-servizzi soċjali li kien inkarigat mill-kamp. L-uffiċjal tas-servizzi soċjali kien raġel akbar fl-età li kien mill-Ġermanja. Qalli li ma kelli ebda dritt ngħallem il-Bibbja minħabba li ma kontx taʼ l-iskola jew ma kellix xi ċertifikat biex nagħmel dan; u la ma kontx ikkwalifikat, lin-nies ma kontx se ngħallimhom tajjeb. Li kieku ppersistejt, stajt nitkeċċa mill-isptar u niġi mċaħħad mill-kura medika. Lanqas ħallieni ngħid xejn dwar dan.
Imbagħad ħareġ direttiva li ħadd m’għandu jistudja l-Bibbja miegħi. B’riżultat taʼ dan, dawk li kienu wrew interess ma baqgħux jiġu għandi.
Jien ħadt din il-kwistjoni quddiem Jehovah fit-talb, u tlabtu għall-għerf u d-direzzjoni. Il-Ħadd taʼ wara, mort fil-knisja Battista li kien hemm fl-isptar, għalkemm ma pparteċipajtx fis-servizzi reliġjużi. Kien hemm ħin waqt is-servizz reliġjuż li fih dawk preżenti setgħu jistaqsu xi mistoqsijiet. Jien għollejt idi u staqsejt: “Jekk in-nies tajbin kollha sejrin fis-sema u n-nies ħżiena kollha sejrin xi mkien ieħor, Isaija 45:18 għala jgħid li Alla sawwar l-art biex tkun abitata?”
Instemaʼ ħafna tgemgim fost il-kongregazzjoni. Fl-aħħar, il-kappillan missjunarju qal li l-modi t’Alla ma nistgħux nifhmuhom. Meta qalli hekk, jien weġibt il-mistoqsija tiegħi stess billi qrajt skritturi li juru li 144,000 se jmorru fis-sema, li dawk mill-agħar se jinqerdu, u li nies twajbin se jgħixu fuq l-art għal dejjem.—Salm 37:10, 11; Apokalissi 14:1, 4.
Kulħadd beda jċapċap b’apprezzament għal dik it-tweġiba. Imbagħad il-kappillan qal: “Ċapċpu għal darb’oħra għax dan ir-raġel tassew jafha l-Bibbja.” Wara li spiċċa s-servizz reliġjuż, xi wħud ġew fuqi u qaluli: “Int taf iktar mill-kappillan!”
Tibqaʼ Ssir Pressjoni biex Nitkeċċa
Dan naqqas ħafna mill-persekuzzjoni, u n-nies reġgħu bdew jistudjaw il-Bibbja miegħi. Madankollu, kien għad fadal min jopponi li għamel pressjoni fuq l-uffiċjal tas-servizzi soċjali biex iqalfatni ’l barra. Madwar xahar wara dak is-servizz reliġjuż fil-knisja, sejjaħli ħdejh u qalli: “Għala tibqaʼ tippriedka? Fil-pajjiż tiegħi, in-nies ma jiħdux pjaċir bix-Xhieda taʼ Jehovah, u lanqas hawnhekk. Għala qed taqlagħli l-inkwiet? Ma tafx li nistaʼ nkeċċik?”
Jien weġibt: “Nann, jien nirrispettak għal tliet raġunijiet. l_-ewwel, għax int akbar minni, u l-Bibbja tgħid li għandna nuru rispett lejn ix-xagħar abjad. It-tieni raġuni għala nirrispettak hi li int ħallejt pajjiżek biex ġejt tgħinna hawnhekk. It-tielet ra-ġuni hi li int qalbek tajba, ġeneruż u tgħin lil dawk fil-hemm. Imma b’liema jedd taħseb li tistaʼ tkeċċini? Il-president tal-pajjiż ma jkeċċihomx lix-Xhieda taʼ Jehovah. Il-ħakkiem tradizzjonali taʼ dan ir-reġjun ma jkeċċiniex. Anki jekk ittellaqni ’l barra minn dan il-kamp, Jehovah xorta jibqaʼ jieħu ħsiebi.”
Qatt qabel ma kont kellimtu b’mod daqshekk dirett, u stajt nara li baqaʼ impressjonat. Telaq ’l hemm mingħajr ma lissen kelma waħda. Iktar tard, meta xi ħadd gerger kontrija, hu wieġeb, mifxul: “M’iniex se nindaħal iktar f’din il-kwistjoni. Jekk għandek xi oġġezzjoni dwar l-ippridkar tiegħu, mur iddiskutiha miegħu!”
Il-Klassi għat-Tagħlim tal-Qari u l-Kitba
L-oppożizzjoni lejn l-ippridkar tiegħi kompliet min-naħa taʼ dawk li kienu jattendu l-knisja Battista fil-kamp. Imbagħad ġietni idea. Mort fuq l-uffiċjal tas-servizzi soċjali u staqsejtu jekk stajtx nibda klassi għat-tagħlim tal-qari u l-kitba. Meta staqsa kemm ridt nitħallas, għedtlu li kont lest li ngħallem mingħajr ħlas.
Huma pprovdew klassi, blackboard, u ġibs, u għalhekk bdejt ngħallem lil xi wħud li kienu residenti hemm jaqraw. Konna nagħmlu l-lezzjonijiet kuljum. Għall-ewwel nofs siegħa, kont ngħallimhom jaqraw, imbagħad kont nirrakkonta u nispjega storja mill-Bibbja. Wara, konna naqraw ir-rakkont mill-Bibbja.
Studenta minnhom kienet mara jisimha Nimota. Kienet turi interess profond f’affarijiet spiritwali u kienet tistaqsi mistoqsijiet reliġjużi kemm fil-knisja u kemm fil-moskea. Hemmhekk ma ngħatatx tweġiba għall-mistoqsijiet tagħha, u għalhekk kienet tiġi tistaqsi lili. Eventwalment, hi ddedikat ħajjitha lil Jehovah u tgħammdet. Fl-1966 iżżewwiġna.
Il-biċċa l-kbira taʼ l-aħwa li hemm fil-kongregazzjoni tagħna llum tgħallmu jaqraw permezz taʼ dik il-klassi. Jien ma kellix l-għerf biex nissuġġerixxi li tibda dik il-klassi. Ċertament, din kienet evidenza tal-barka taʼ Jehovah. Wara dan, ħadd ma pprova jwaqqafni milli nippriedka.
Sala tas-Saltna fil-Kamp
Saż-żmien li Nimota u jien iżżewwiġna, kien hemm erbgħa minna li konna niltaqgħu regolarment biex nistudjaw It-Torri taʼ l-Għassa flimkien. Għal madwar sena, konna niltaqgħu fil-kamra fejn jaħslu l-ġrieħi tal-lebbra. Imbagħad l-uffiċjal tas-servizzi soċjali, li issa kien sar ħabib tiegħi, qalli: “Mhux sewwa li tqimu lil Alla tagħkom f’kamra fejn tingħata l-kura.”
Qalilna li stajna niltaqgħu f’remissa taʼ mastrudaxxa li kienet battala. Maż-żmien, dik ir-remissa ġiet ittrasformata f’Sala tas-Saltna. Fl-1992, bil-għajnuna taʼ l-aħwa tal-belt, lestejnieha. Kif tistaʼ tara fl-istampa f’paġna 24, is-sala tagħna hija bini b’saħħtu—imkaħħal u mbajjad, bl-art tal-konkrit u saqaf li jiflaħ.
Nippriedka lil Dawk Milqutin mil-Lebbra
Għal 33 sena, it-territorju tiegħi kien l-isptar tal-lebbrużi. X’jinvolvi li tippriedka lil-lebbrużi? Hawn fl-Afrika l-biċċa l-kbira tan-nies jemmnu li l-affarijiet kollha jiġu minn Alla. Għalhekk, meta jintlaqtu mil-lebbra, huma jemmnu li Alla huwa b’xi mod responsabbli. Xi wħud jaqgħu f’dipressjoni kbira minħabba l-kundizzjoni tagħhom. Oħrajn iħossuhom irrabjati u jgħidu: “Tkellimniex fuq Alla taʼ mħabba u ħniena. Li kieku dan huwa veru, neħilsu minnha din il-marda!” Imbagħad naqraw u nirraġunaw fuq Ġakbu 1:13, li jgħid: ‘Alla m’hu se jġarrab lil ħadd għall-ħażin.’ Wara dan, nispjegaw għala Jehovah jippermetti li n-nies jintlaqtu mill-mard, u niġbdu l-attenzjoni lejn il-wegħda tiegħu taʼ art magħmula ġenna fejn ħadd m’hu se jkun marid.—Isaija 33:24.
Ħafna wieġbu b’mod favorevoli għall-aħbar tajba. Minn mindu ġejt f’dan il-kamp, Jehovah wżani biex ngħin lil iktar minn 30 persuna sad-dedikazzjoni u l-magħmudija, kollha kemm huma lebbrużi. Ħafna rritornaw lejn id-dar wara li ġew imfejqin, u xi ftit mietu. Issa għandna 18-il pubblikatur tas-Saltna, u madwar 25 persuna jattendu għal-laqgħat regolarment. Tnejn minna jaqdu bħala anzjani, u għandna qaddej ministerjali wieħed u pijunier regulari wieħed. Kemm inħossni ferħan meta nara tant individwi li issa qegħdin jaqdu lil Jehovah lealment f’dan il-kamp! Meta ġejt hawn, bżajt li kont se nkun waħdi, imma Jehovah berikni b’mod meraviljuż.
Il-Ferħ taʼ li Naqdi lil Ħuti
Domt nieħu l-mediċina għal-lebbra mill-1960 sa madwar ħames snin ilu. Issa jien imfejjaq kompletament, l-istess bħall-oħrajn fil-kongregazzjoni. Il-lebbra ħalliet il-marka tagħha—tlift il-parti t’isfel taʼ riġli, u ma nistax niddritta jdejja—imma l-marda għaddietli.
Ladarba jien imfejjaq, xi wħud staqsewni għala ma nitlaqx mill-kamp u mmur lura d-dar. Hemm diversi raġunijiet għala nibqaʼ hawn, imma r-raġuni prinċipali hija li rrid nibqaʼ ngħin lil ħuti hawnhekk. Il-ferħ taʼ li nieħu ħsieb in-nagħaġ taʼ Jehovah jisboq dak kollu li tistaʼ tagħtini l-familja tiegħi jekk nerġaʼ lura għandhom.
Jien grat ħafna li kont naf lil Jehovah qabel ma sirt naf li kelli l-lebbra. Kieku ma kienx hekk, forsi kont noqtol lili nnifsi. Kien hemm ħafna diffikultajiet u problemi tul is-snin, imma ma kinitx il-mediċina li sostnietni—kien Jehovah. Meta nirrifletti fuq il-passat, tant inħossni ferħan; u meta naħseb dwar il-futur taħt is-Saltna t’Alla, inħossni jerġaʼ iktar u iktar ferħan.
[Kaxxa f’paġna 25]
Fatti li Għandek Tkun Taf Dwar il-Lebbra
X’inhi?
Il-lebbra taʼ żmienna hija marda kkaġunata minn baċillu li ġie identifikat fl-1873 minn Armauer Hansen. B’rikonoxximent għax-xogħol tiegħu, it-tobba jirreferu wkoll għal-lebbra bħala l-marda taʼ Hansen.
Il-baċillu jagħmel ħsara lin-nervituri, lill-għadam, lill-għajnejn, u lil ċerti organi. Wieħed ma jibqax iħoss ċerti partijiet taʼ ġismu, li taʼ spiss ikunu l-idejn u s-saqajn. Jekk ma tiġix ikkontrollata, il-marda tistaʼ tikkaġuna mankamenti koroh fil-wiċċ, fl-idejn u fis-saqajn. Din rari tkun fatali.
Hemm Fejqan?
Nies li taqbadhom lebbra ħafifa jfiqu mingħajr ebda kura. Każi iktar serji jistgħu jiġu mfejqin bil-mediċini.
L-ewwel mediċina li tikkumbatti l-lebbra, u li bdiet tintuża fis-snin 50, kienet taħdem bil-mod u bdiet issir iktar u iktar ineffettiva għaliex il-baċillu tal-lebbra żviluppa reżistenza għaliha. Ġew żviluppati mediċini oħrajn, u sa mill-bidu tas-snin 80, il-Multi-Drug Therapy (MDT) (Terapija b’Diversi Mediċini) saret il-kura stabbilita li tintuża madwar id-dinja kollha. Din il-kura tħallat l-użu taʼ tliet mediċini—Dapsone, Rifampicin, u Clofazimine. Fil-waqt li l-MDT toqtol il-baċillu, din ma tirranġax il-ħsara li tkun diġà saret.
L-MDT hija effettiva ħafna biex tfejjaq il-marda. Bħala konsegwenza taʼ dan, in-numru taʼ nies li għandhom il-lebbra niżel minn 12-il miljun fl-1985 għal madwar 1.3 miljun sa nofs l-1996.
Kemm Tittieħed?
Il-lebbra ma titteħidx ħafna; il-biċċa l-kbira tan-nies għandhom is-sistema taʼ l-immunità b’saħħitha biżżejjed biex tiġġildilha. Meta fil-fatt titfaċċa, din normalment taqbad lil nies li jgħixu f’kuntatt mill-qrib għal tul taʼ żmien maʼ wħud infettati.
It-tobba ma jafux fiċ-ċert kif il-baċillu jidħol fil-ġisem tal-bniedem, imma jissuspettaw li dan jidħol minn ġol-ġilda jew mill-imnieħer.
Prospetti għall-Futur
Hemm il-mira li l-lebbra tiġi “eliminata bħala problema pubblika tas-saħħa” sas-sena 2000. Dan ifisser li n-numru taʼ każi taʼ lebbra fi kwalunkwe komunità m’huwiex se jkun iżjed minn persuna waħda għal kull 10,000. Taħt is-Saltna t’Alla din se tispiċċa kompletament.—Isaija 33:24.
Sorsi: Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; Federazzjoni Internazzjonali taʼ Assoċjazzjonijiet għall-Kura tal-Lebbra; u Manson’s Tropical Diseases, edizzjoni taʼ l-1996.
[Kaxxa f’paġna 27]
Hija l-Lebbra Llum l-Istess Bħal fi Żminijiet Bibliċi?
Kotba tal-mediċina llum jagħtu definizzjoni tal-lebbra f’termini preċiżi; l-isem xjentifiku għall-mikrobu involut huwa Mycobacterium leprae. M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja m’hijiex xi ktieb tal-mediċina. Il-kelmiet bl-Ebrajk u bil-Grieg li huma tradotti “lebbra” f’ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja għandhom tifsir iktar profond. Per eżempju, il-lebbra msemmija fil-Bibbja kienet tipproduċi sintomi li wieħed setaʼ jinduna bihom mhux biss fuq il-bnedmin imma anki fuq il-ħwejjeġ u d-djar, xi ħaġa li ma tiġrix fil-każ taʼ baċillu.—Levitiku 13:2, 47; 14:34.
Barra minn hekk, is-sintomi fuq il-bnedmin li jidentifikaw il-lebbra llum ma jaqblux eżatt mad-deskrizzjoni tal-lebbra fi żminijiet Bibliċi. Xi wħud jissuġġerixxu li dan jiġi spjegat mill-fatt li n-natura tal-mard tinbidel mal-mogħdija taż-żmien. Oħrajn jemmnu li l-lebbra li tirreferi għaliha l-Bibbja tiddeskrivi serje taʼ mardiet, li għandha mnejn tinkludi jew ma tinkludix il-marda kkaġunata mill-M. leprae.
It-Theological Dictionary of the New Testament jistqarr li kemm il-kelma Griega u kemm il-kelma Ebrajka li normalment jiġu tradotti bħala lebbra “jirreferu għall-istess marda jew grupp taʼ mardiet . . . Jistaʼ jkun hemm dubju jekk din il-marda hijiex dik li issa nsejħulha lebbra. Imma l-identifikazzjoni medika preċiża tal-marda ma teffettwax il-mod kif inqisu r-rakkonti taʼ fejqan [taʼ lebbrużi minn Ġesù u mid-dixxipli tiegħu].”
[Stampa f’paġna 24]
Il-kongregazzjoni ħdejn is-Sala tas-Saltna fil-kamp tal-lebbrużi
[Stampa f’paġna 26]
Isaiah Adagbona u martu, Nimota