Aħna Dejjem Se Jkollna Bżonn l-Armati?
L-ARMATI ħatfu parti kbira mir-riżorsi umani u lill-bniedem qerdulu ħafna mill-ferħ tiegħu. Minħabba f’hekk xi nies staqsew, ‘Tistaʼ qatt l-umanità tikseb dik ix-xorta taʼ sigurtà dinjija fejn l-armati jkunu jistgħu jiġu xolti?’ Ladarba issa sar possibbli li tiġi meqruda kull ħajja b’armi li jeqirdu bil-massa, il-mistoqsija saret waħda urġenti. Kemm huwa realistiku li nittamaw għal dinja mingħajr armati?
Għadd kbir taʼ preċedenti juru li meta relazzjonijiet internazzjonali tajbin jipproduċu l-fiduċja, dan jistaʼ jwassal għal ċertu ammont taʼ diżarmament. Bis-saħħa tal-ħbiberija in ġenerali li teżisti bejn il-Kanada u l-Istati Uniti, per eżempju, il-fruntiera taʼ 5,000 kilometru li taqsam iż-żewġ naħiet ilha ma tiġi protetta mill-armati għal iktar minn seklu u nofs. In-Norveġja u l-Isvezja laħqu ftehim simili, bħalma għamlu ħafna nazzjonijiet oħrajn. Jistaʼ xi ftehim bejn in-nazzjonijiet kollha jwassal għal dinja mingħajr armati? Bl-orruri li ġabet magħha l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-idea kisbet popolarità liema bħalha.
Meta ntlaħqet il-paċi fl-1918, wieħed mill-iskopijiet tat-trattat taʼ paċi taʼ Varsavja kien “li jintgħamel possibbli l-bidu taʼ limitazzjoni ġenerali fuq l-armamenti tan-nazzjonijiet kollha.” Matul is-snin segwenti, il-paċifiżmu sar popolari. Xi paċifisti tteorizzaw li l-gwerra hija l-agħar ħaġa li tistaʼ tiġri lil nazzjon u hi għaldaqstant agħar milli kieku jsofri telfa. Dawk kontra l-paċifiżmu ma qablux maʼ dan, billi qalu li matul is-sekli, il-Lhud fi nħawi mdaqqsa ftit li xejn waqfulhom bl-armi lill-attakkanti, iżda xorta baqgħu għaddejjin l-attentati krudili sabiex jeqirduhom. L-Afrikani ma tantx setgħu jirreżistu lil dawk li ġarrewhom lejn l-Amerka bħala skjavi, u madankollu, ġew immaltrattati bl-aħrax għal sekli sħaħ.
Bit-tfaqqigħ tat-Tieni Gwerra Dinjija, madankollu, ħafna paċifisti kkonkludew li l-pajjiżi jeħtieġu l-protezzjoni. Għalhekk, meta twaqqfet il-Ġnus Magħquda wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ma saritx daqstant enfasi fuq id-diżarmament imma iktar fuq il-kooperazzjoni internazzjonali sabiex tiġi evitata l-aggressjoni. Il-membri ttamaw li permezz taʼ din is-sigurtà mogħtija lin-nazzjonijiet, dawn kienu se jkunu iktar fiduċjużi li jnaqqsu l-armi.
Imbagħad feġġet problema oħra. Taʼ spiss, iktar ma nazzjon kien jistinka biex jipproteġi lilu nnifsu, iktar kien iħossu mhux protett in-nazzjon ġar tiegħu. Dan iċ-ċirku vizzjuż wassal għal tellieqa taʼ l-armamenti. Imma iktar reċenti, ir-relazzjonijiet imtejbin bejn in-nazzjonijiet il-kbar saħħew it-tama tad-diżarmament. Minn dak in-nhar ’l hawn, madankollu, il-Gwerra tal-Golf u l-inkwiet li nqalaʼ fl-ex-Jugoslavja neħħew kull tama taʼ diżarmament għal ħafna wħud. Madwar ħames snin ilu, ir-rivista Time ikkummentat: “Għalkemm il-gwerra bierda spiċċat, id-dinja saret post iktar perikoluż, minflok inqas.”
Ix-Xewqa għal “Pulizija” Globali
Ħafna osservaturi jikkonkludu li l-umanità teħtieġ awtorità dinjija unika b’armata qawwija biżżejjed sabiex tipproteġi lil kulħadd. Peress li la l-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda u lanqas il-qawwiet militari prinċipali tad-dinja m’huma kapaċi jagħmlu dan, xi wħud iħossu li ftit li xejn teżisti tama għall-futur. Imma jekk int taċċetta l-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla, forsi ġiek f’moħħok jekk Alla li Jistaʼ Kollox huwiex se jissodisfa dan il-bżonn urġenti.
Biex jinforza l-ġustizzja, se juża l-qawwa militari dak il-Wieħed li l-Bibbja ssejjaħlu “Alla taʼ l-imħabba u s-sliem”? Jekk iva, liema armata? Ħafna mill-armati tal-lum isostnu li għandhom l-appoġġ t’Alla, imma qegħdin huma verament iwettqu r-rieda t’Alla? Jew għandu Alla xi mezz ieħor kif jintervieni u jipprovdi l-paċi u s-sigurtà?—2 Korintin 13:11.
Fl-ewwel irvell, Alla li Jistaʼ Kollox kien keċċa lil Adam u Eva minn Għeden u poġġa lill-kerubini biex ma jħalluhomx jerġgħu lura. Hu kien ħabbar ukoll l-iskop tiegħu li jfarrak kull irvell ieħor kontra s-sovranità tiegħu. (Ġenesi 3:15) Jistaʼ dan jinvolvi l-użu taʼ xi armata min-naħa t’Alla?
Il-Bibbja ssemmi okkażjonijiet meta Alla kien fil-fatt uża l-armati sabiex jesegwixxi l-ġudizzji tiegħu. Per eżempju, is-saltniet fl-art taʼ Kangħan kienu jipprattikaw relazzjonijiet sesswali mal-bhejjem, jissagrifikaw lit-tfal, u jiggwerraw b’mod sadistiku. Alla ddikjara l-qerda totali tagħhom u nqeda bl-armata taʼ Ġożwè biex jesegwixxi s-sentenza. (Dewteronomju 7:1, 2) Bl-istess mod, l-armata tas-Sultan David esegwiet il-ġudizzju t’Alla kontra l-Filistej bħala turija taʼ kif Alla se jeqred kull ħażen fil-jum finali taʼ ġudizzju tiegħu.
Dawk il-ġrajjiet tawna x’nifhmu. Jehovah wera li hu jistaʼ juża armata biex jipprovdi sigurtà lill-poplu tiegħu. Tabilħaqq, Jehovah għandu xorta t’armata unika li se jużaha kontra l-irvell universali li qam kontra l-ħakma tiegħu.
“Il-Mulej taʼ l-Eżerċti”
Il-Bibbja tuża l-espressjoni “Il-Mulej taʼ l-Eżerċti” għal iktar minn 250 darba. L-espressjoni tirreferi bażikament għall-pożizzjoni t’Alla bħala l-kmandant taʼ qawwiet kbar t’anġli. F’okkażjoni minnhom, il-profeta Mikajja qal lis-Slaten Aħab u Ġosafat: “Jien rajt lill-Mulej bilqiegħda fuq it-tron tiegħu, u l-eżerċti kollha tas-sema qegħdin fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħu.” (1 Slaten 22:19) Hawnhekk qed jirreferi għal armati t’anġli. Jehovah kien uża lil dawn l-armati biex jipproteġi lill-poplu tiegħu. Meta kienet ġiet assedjata l-belt taʼ Dotan, il-qaddej t’Eliżew kien qataʼ qalbu għalkollox. Madankollu, biex iserraħlu moħħu, Alla wrieh dehra mirakoluża taʼ l-armata tiegħu taʼ ħlejjaq spirti. “U l-Mulej fetaħ għajnejn il-qaddej, u dan ra l-għolja mimlija żwiemel u karrijiet tan-nar.”—2 Slaten 6:15-17.
Ifissru ġrajjiet bħal dawn li Alla jappoġġja l-armati tal-lum? Xi armati tal-Kristjaneżmu għandhom mnejn isostnu li huma l-armati t’Alla. Ħafna minnhom talbu lill-membri tal-kleru biex ibirkuhom. Imma l-armati tal-Kristjaneżmu taʼ spiss jiġġieldu kontra xulxin, kontra kredenti sħabhom. Iż-żewġ gwerer dinjin taʼ dan is-seklu bdew bejn armati li kienu jsostnu li huma Kristjani. Dan ma jistax ikun li ġej minn Alla. (1 Ġwann 4:20) Fil-waqt li dawn il-qawwiet militari forsi jsostnu li qegħdin jiġġieldu għall-paċi, qal Ġesù lis-segwaċi tiegħu biex jorganizzaw armati bħal dawn f’attentat biex iwarrbu min-nofs lil dawk li joħolqu l-ksur tal-paċi fid-dinja?
Darba kien seħħ ksur serju tal-paċi meta marmalja armata ħatfet lil Ġesù waqt li kien fi ġnien jitlob mad-dixxipli tiegħu. Wieħed mid-dixxipli darab b’sejf lil wieħed raġel mill-marmalja. Ġesù uża dik l-okkażjoni biex jispjega prinċipju importanti. Hu qal: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered. Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun taʼ anġli?” Ġesù kellu armata vasta għad-dispożizzjoni tiegħu, imma Pietru ma kienx ġie ingaġġat bħala suldat fiha, u lanqas ma ġie ebda bniedem ieħor. Minflok, Pietru u l-bqija tas-segwaċi taʼ Ġesù kienu ġew imsejħin biex ikunu “sajjieda tal-bnedmin.” (Mattew 4:19; 26:47-53) Ftit tas-sigħat wara, Ġesù ċċara s-sitwazzjoni lil Pilatu. Hu qal: “Is-saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet taʼ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati m’hijiex taʼ hawn.” (Ġwann 18:36) Kuntrarju għas-saltna taʼ David li kienet ġiet stabbilita fuq l-art, is-Saltna li Alla ta lil Ġesù qiegħda fis-sema u din se ġġib il-paċi fuq l-art.
L-Armati t’Alla Joħorġu għall-Gwerra
L-armati t’Alla dalwaqt se jieħdu azzjoni. Hu u jiddeskrivi l-konflitt li jrid iseħħ, il-ktieb t’Apokalissi jsejjaħ lil Ġesù “l-Verb taʼ Alla.” Naqraw: “Mexjin warajh, fuq żwiemel bojod, kien hemm l-eżerċti tas-sema, lebsin l-għażel abjad bla nikta. Minn fommu ħierġa xabla misnuna, biex joqtol il-ġnus.” Il-Bibbja tgħid li dan l-inkontru se jirriżulta fit-tmiem tas-“slaten kollha taʼ l-art u l-eżerċti tagħhom.” Inkwantu għal dawk l-oħrajn li jonqsu li juru l-lealtà tagħhom lejn Alla, il-profezija żżid: “U l-bqija sfaw maqtula bix-xabla li kienet ħarġet minn fomm dak li kien riekeb fuq iż-żiemel.” Anki Satana x-Xitan se jitneħħa min-nofs. B’hekk, se jkun verament possibbli li jkun hawn dinja taʼ paċi mingħajr armati.—Apokalissi 19:11-21; 20:1-3.
Immaġina Dinja Mingħajr Gwerer
Tistaʼ ġġib quddiem għajnejk dinja li tant hi fil-paċi li m’għandhiex bżonn armati? Wieħed mis-salmi Bibliċi jgħid: “Ejjew, araw x’għamel il-Mulej, għemejjel taʼ l-għaġeb fuq l-art. Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art.”—Salm 46:9, 10 [Salm 46:8, 9, NW].
X’serħan se jkun dan! Immaġina x’possibbiltajiet se jkollha s-soċjetà umana meta fl-aħħar tinħeles mill-piż taʼ li jkollha toqgħod tħallas għall-armati u t-tagħmir tagħhom! In-nies ikunu jistgħu jikkonċentraw l-enerġiji tagħhom f’li jtejbu l-kundizzjonijiet t’għajxien għal kulħadd, f’li jnaddfu l-art u jħawluha mill-ġdid. Se jkun hemm opportunitajiet ġodda biex jinħolqu affarijiet li jkunu tassew utli għall-umanità.
Din il-wegħda se jkollha twettiq mad-dinja kollha: “Ma tinstemax aktar dnewwa f’artek, u ħerba u qerda fi trufijietek.” (Isaija 60:18) Il-miljuni taʼ refuġjati ddisprati qatt iktar m’huma se jaħarbu minn żoni milqutin bil-gwerer, imġegħlin iħallu warajhom lil djarhom u l-propjetà tagħhom biex jispiċċaw jgħixu f’kampijiet kollhom miżerja. Qatt iktar m’huma n-nies se jitniehdu għall-maħbubin tagħhom li jkunu nqatlu jew ġew immankati f’konflitti bejn in-nazzjonijiet. Is-Sultan taʼ Jehovah fis-sema se jistabbilixxi paċi dinjija permanenti. “Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja, u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar. Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija.”—Salm 72:7, 14.
Saħansitra iktar pjaċevoli se tkun il-ħajja fost in-nies li jkunu tgħallmu ma jobogħdux imma jimitaw il-modi taʼ mħabba t’Alla. Il-Kelma t’Alla tbassar: “Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.” Min jaf kif se jkun li ngħixu maʼ nies li jafu u jħobbu lil Jehovah? L-istess ktieb ibassar: “Is-sliem ikun frott il-ġustizzja, u l-ħidma tal-ġustizzja tkun serħan u tama għal dejjem. U l-poplu tiegħi f’post tas-sliem, jgħammar bla biżaʼ, mistrieħ fil-kwiet.”—Isaija 11:9; 32:17, 18.
Dawk in-nies li l-fidi tagħhom hi mibnija fuq għarfien Bibliku jagħrfu li l-armati t’Alla jinsabu għal-lest biex inaddfu l-art minn kull għadu tal-paċi. Dan l-għarfien jagħtihom il-fiduċja biex jaġixxu fuq dak li l-Bibbja tgħid li “għad jiġri fl-aħħar jiem.” U dan hu: “Huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.”—Isaija 2:2-4.
Nies minn ħafna nazzjonijiet li saru Xhieda taʼ Jehovah diġà jżommu lura milli ‘jitgħallmu s-sengħa tal-gwerra.’ Huma poġġew il-fiduċja tagħhom fil-protezzjoni taʼ l-armati ċelestjali t’Alla. Billi tistudja l-Bibbja magħhom, int ukoll tistaʼ trawwem fiduċja simili.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 28]
Ritratt tal-U.S. National Archives