LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 5/15 pp. 10-15
  • Il-Fidi Kristjana Trid Tiġi Mġarrba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Fidi Kristjana Trid Tiġi Mġarrba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Fidi Mġarrba​—Għala?
  • Fidi Mġarrba Rigward l-​1914
  • Reazzjoni għall-​Provi Dakinhar
  • Il-Kwalità tal-Fidi Tiegħek—Imġarrba Issa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Is-Saltna titwieled fis-sema
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • “Kapulavur mill-Aqwa”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Uri fidi fil-​wegħdi taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 5/15 pp. 10-15

Il-​Fidi Kristjana Trid Tiġi Mġarrba

“Mhux kulħadd għandu l-​fidi.”—2 TESSALONIKIN 3:2.

1. L-​istorja tal-​bniedem kif uriet li mhux kulħadd għandu fidi vera?

MATUL l-​istorja tal-​bniedem, ħafna kienu l-​irġiel, nisa, u tfal b’fidi vera. L-​aġġettiv “vera” huwa xieraq għax miljuni taʼ oħrajn urew tip taʼ fidi li kienet qisha kredulità, li wieħed ikun lest li jemmen mingħajr bażi jew raġuni valida. Fidi bħal din taʼ spiss kienet tinvolvi allat foloz jew għamliet taʼ qima li m’humiex f’armonija maʼ Jehovah, li Jistaʼ Kollox, u mal-​Kelma rrivelata tiegħu. L-​appostlu Pawlu b’hekk kiteb: “Mhux kulħadd għandu l-​fidi.”—2 Tessalonikin 3:2.

2. Għala huwa vitali li neżaminaw il-​fidi tagħna stess?

2 Imma l-​istqarrija taʼ Pawlu timplika li lura f’dak iż-​żmien xi wħud kellhom fidi vera, u dan jissuġġerixxi li xi wħud għandhom ukoll illum. Il-​biċċa l-​kbira tal-​qarrejja taʼ din ir-​rivista jixtiequ li jkollhom din il-​fidi vera u li joktru fiha​—fidi f’armonija maʼ għarfien eżatt tal-​verità divina. (Ġwann 18:37; Lhud 11:6) Jistaʼ dan jingħad għalik ukoll? Allura huwa imperattiv li tirrikonoxxi u tkun ippreparat għall-​fatt li l-​fidi tiegħek trid tiġi mġarrba. Dan għala jistaʼ jingħad?

3, 4. Għala għandna nħarsu lejn Ġesù rigward provi tal-​fidi?

3 Irridu nammettu li Ġesù Kristu huwa ċentrali għall-​fidi tagħna. Tabilħaqq, il-​Bibbja titkellem dwaru bħala l-​Perfezzjonatur tal-​fidi tagħna. Dan huwa minħabba dak li Ġesù qal u għamel, partikolarment kif hu wettaq il-​profeziji. Hu saħħaħ il-​bażi li fuqha l-​bnedmin jistgħu jistabbilixxu fidi vera. (Lhud 12:2; Apokalissi 1:1, 2) Xorta waħda, naqraw li Ġesù “kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-​dnub.” (Lhud 4:15) Iva, il-​fidi taʼ Ġesù ġiet imġarrba. Dan mhux talli m’għandux jiskuraġġina jew joħloqilna biżaʼ, imma talli għandu jfarraġna.

4 Billi għadda minn provi kbar saħansitra sal-​punt tal-​mewt fuq iz-​zokk, Ġesù “tgħallem . . . l-​ubbidjenza.” (Lhud 5:8) Hu wera li l-​bnedmin jistgħu jgħixu b’fidi vera minkejja xi provi li jistgħu jiġu fuqhom. Dan jieħu sinjifikat partikulari meta naħsbu fuq dak li qal Ġesù dwar is-​segwaċi tiegħu: “Ftakru fil-​kelma li għedtilkom: il-​qaddej m’huwiex akbar minn sidu.” (Ġwann 15:20) Fil-​fatt, rigward is-​segwaċi tiegħu fi żmienna, Ġesù bassar: “U l-​ġnus kollha jsiru jobogħdukom minħabba f’ismi.”—Mattew 24:9.

5. L-​Iskrittura kif tindika li rridu niffaċċjaw provi?

5 Kmieni f’dan is-​seklu, il-​ġudizzju beda mid-​dar t’Alla. L-​Iskrittura bassret: “Għax issa wasal iż-​żmien tal-​ġudizzju, li jibda mid-​dar taʼ Alla. U jekk l-​ewwel jibda minna, kif sa jeħilsuha dawk li ma jridux joqogħdu għall-​Evanġelju taʼ Alla? U jekk ‘il-​ġust bil-​kemm isalva, x’se isir mill-​ħażin u mill-​midneb’?”—1 Pietru 4:17, 18.

Fidi Mġarrba​—Għala?

6. Fidi mġarrba għala hija imprezzabbli?

6 F’ċertu sens, fidi li m’hijiex imġarrba m’għandhiex x’turi li hi taʼ siwi, u l-​kwalità tagħha tibqaʼ mhix magħrufa. Tistaʼ xxebbahha maʼ ċekk li jkun għadu ma ssarrafx. Int forsi rċevejt ċekk għal xi xogħol li tkun għamilt, għal xi prodotti li tkun ipprovdejt, jew anki bħala għotja. Iċ-​ċekk għandu mnejn jidher tajjeb, imma huwa? Jiswa tassew l-​ammont li jidher fuqu? Bl-​istess mod, il-​fidi tagħna trid tkun iżjed minn sempliċi apparenza jew stqarrija verbali biss. Trid tiġi mġarrba jekk irridu nuru li din għandha sustanza u kwalità vera. Meta l-​fidi tagħna tiġi mġarrba, għandna mnejn insibu li hija b’saħħitha u taʼ valur. Prova tistaʼ wkoll tikxef xi oqsma fejn il-​fidi tagħna għandha bżonn irfinar jew tisħiħ.

7, 8. Minn liema sors jiġu provi tal-​fidi tagħna?

7 Alla jippermetti li jiġu fuqna persekuzzjoni u provi oħrajn tal-​fidi. Naqraw: “Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: ‘Alla qiegħed iġarrabni’ għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-​ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd.” (Ġakbu 1:13) Min jew x’inhu responsabbli għal dawn il-​provi? Huma Satana, id-​dinja, u l-​laħam imperfett tagħna stess.

8 Għandna mnejn nammettu li Satana jeżerċita influwenza qawwija fuq id-​dinja, fuq il-​mentalità u l-​mogħdijiet tagħha. (1 Ġwann 5:19) U probabbilment nafu li huwa jqanqal persekuzzjoni kontra l-​Kristjani. (Apokalissi 12:17) Imma ninsabu ugwalment konvinti li Satana jipprova jiżvijana billi jappella għal-​laħam imperfett tagħna, waqt li jġibilna quddiem għajnejna affarijiet dinjin li jħajruna, bit-​tama li ninqabdu fin-​nassa, ma nobdux lil Alla, u nispiċċaw diżapprovati minn Jehovah? M’għandniex xi ngħidu, il-​metodi taʼ Satana m’għandhomx jissorprenduna, għax huwa uża l-​istess tattiċi meta pprova jittanta lil Ġesù.—Mattew 4:1-11.

9. Kif nistgħu nibbenefikaw minn eżempji taʼ fidi?

9 Permezz tal-​Kelma tiegħu u tal-​kongregazzjoni Kristjana, Jehovah jpoġġi quddiemna eżempji pożittivi taʼ fidi li nistgħu nimitawhom. Pawlu ammonixxa: “Ħuti, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skond l-​eżempju li rajtu fina.” (Filippin 3:17) Bħala wieħed mill-​qaddejja midlukin t’Alla fl-​ewwel seklu, Pawlu ħa l-​inizjattiva biex iwettaq xogħlijiet taʼ fidi minkejja li esperjenza provi kbar. Illum, fi tmiem is-​seklu għoxrin, m’aħniex neqsin minn eżempji simili taʼ fidi. Il-​kliem taʼ Lhud 13:7 japplika issa bl-​istess qawwa daqs meta kitbu Pawlu: “Ftakru f’dawk li jmexxukom, dawk li wasslulkom il-​kelma taʼ Alla; aħsbu fuq it-​tmiem taʼ ħajjithom, imxu fuq l-​eżempju tal-​fidi tagħhom.”

10. Liema eżempji partikulari taʼ fidi għandna fi żminijiet reċenti?

10 Dik l-​ammonizzjoni għandha qawwa partikulari meta nikkunsidraw x’kien ir-​riżultat tal-​kondotta tal-​fdal midluk. Nistgħu nikkontemplaw l-​eżempju tagħhom u nimitaw il-​fidi tagħhom. Din tagħhom hija fidi vera li ġiet irfinuta permezz taʼ provi. Minn bidu żgħir lura fis-​snin taʼ wara l-​1870, żviluppat fratellanza Kristjana mad-​dinja kollha. Bħala frott tal-​fidi u s-​sabar fit-​tul tal-​midlukin minn dak iż-​żmien ’il quddiem, iktar minn ħames miljun u nofs Xhud taʼ Jehovah qegħdin issa jippridkaw u jgħallmu dwar is-​Saltna t’Alla. Il-​kongregazzjoni globali preżenti taʼ adoraturi veri u żelużi hija evidenza taʼ fidi mġarrba.—Titu 2:14.

Fidi Mġarrba Rigward l-​1914

11. Is-​sena 1914 kif kienet sinjifikanti għal C. T. Russell u sħabu?

11 Snin qabel ma faqqgħet l-​ewwel gwerra dinjija, il-​fdal midluk kien qed jipproklama li l-​1914 kellha tkun data sinjifikanti fil-​profezija tal-​Bibbja. Madankollu, xi ftit mill-​istennijiet tagħhom kienu prematuri, u l-​ħarsa tagħhom dwar x’kellu jiġri ma kinitx eżatta għalkollox. Per eżempju, C. T. Russell, l-​ewwel president tal-​Watch Tower Society, u sħabu setgħu jaraw li kien meħtieġ xogħol vast taʼ ppridkar. Kienu jaqraw: “Dan l-​evanġelju tas-​saltna jixxandar mad-​dinja kollha bħala xhieda lill-​ġnus kollha; imbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14, KŻ) Iżda kif setaʼ qatt il-​grupp relattivament żgħir tagħhom jagħmel dan?

12. Wieħed mill-​imseħbin taʼ Russell kif wieġeb għall-​verità tal-​Bibbja?

12 Ikkunsidra kif dan effettwa lil A. H. Macmillan, wieħed mill-​imseħbin taʼ Russell. Imwieled fil-​Kanada, Macmillan kien għadu m’għalaqx l-​għoxrin meta akkwista l-​ktieb taʼ Russell The Plan of the Ages (1886). (Dan il-​ktieb, imsejjaħ ukoll The Divine Plan of the Ages, sar l-​Ewwel Volum mis-​sett kotba b’distribuzzjoni kbira Studies in the Scriptures. It-​Tieni Volum, The Time Is at Hand [1889], ġibed l-​attenzjoni lejn l-​1914 bħala t-​tmiem taʼ “żmien il-​Ġentili.” [Luqa 21:24, KŻ]) Dik l-​istess lejla li Macmillan beda jaqra, hu ħaseb: “Ara, donnu li din hi l-​verità!” Fis-​sajf taʼ l-​1900, iltaqaʼ maʼ Russell f’konvenzjoni taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja, bħalma kienu jissejħu x-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien. Macmillan ma damx ma tgħammed u beda jaħdem maʼ Ħuna Russell fil-​kwartieri ġenerali tas-​Soċjetà fi New York.

13. Macmillan u oħrajn liema problema raw inkwantu għat-​twettiq taʼ Mattew 24:14?

13 Fuq il-​bażi tal-​qari tagħhom mill-​Iskrittura, dawk il-​Kristjani midlukin ġibdu l-​attenzjoni lejn l-​1914 bħala punt kruċjali fl-​iskop t’Alla. Imma Macmillan u oħrajn ma kellhomx idea kif l-​ippridkar lill-​ġnus imbassar f’Mattew 24:14 setaʼ jitwettaq fiż-​żmien qasir li kien baqaʼ. Iktar tard qal: “Niftakarni niddiskuti dan taʼ spiss maʼ Ħuna Russell, u kien jgħidli, ‘Ara, ħi, fi New York stess għandna iżjed Lhud milli hemm f’Ġerusalemm. Għandna iżjed Irlandiżi hawn milli hemm f’Dublin. U għandna iżjed Taljani milli hemm f’Ruma. Issa jekk nikkuntattjawhom hawn, ikun ifisser li nkunu kkuntattjajna lid-​dinja bil-​messaġġ.’ Imma dak donnu li ma kienx jissodisfa lil moħħna. Għalhekk imbagħad ġietna l-​idea tal-​‘Photo-Drama.’”

14. Qabel l-​1914, liema proġett notevoli ngħata bidu għalih?

14 X’impriża oriġinali kienet il-​“Photo-Drama of Creation”! Din għaqqdet flimkien stampi jiċċaqalqu fuq l-​iskrin u slajds tal-​ħġieġ ikkuluriti, issinkronizzati maʼ taħditiet minn fuq il-​Bibbja u mużika fuq diski fonografiċi. Fl-​1913, The Watch Tower qal dwar konvenzjoni fl’Arkansas, l-​Istati Uniti: “Ġie deċiż unanimament li wasal iż-​żmien biex jintużaw stampi jiċċaqalqu fit-​tagħlim taʼ veritajiet tal-​Bibbja. . . . [Russell] spjega li kien ilu jaħdem fuq dan l-​istess proġett għal tliet snin u issa kellu kważi lesti mijiet taʼ stampi sbieħ, li bla dubju se jattiraw folol kbar u jipproklamaw il-​Vanġelu, u jreġġgħu lill-​pubbliku lura għall-​fidi f’Alla.”

15. Il-​“Photo-Drama” liema xorta taʼ riżultati kellha?

15 Il-​“Photo-Drama” għamlet preċiż dan wara l-​ewwel wiri tagħha f’Jannar taʼ l-​1914. Dawn li ġejjin huma rapporti minn The Watch Tower taʼ l-​1914:

L-ewwel taʼ April: “Membru tal-​kleru, wara li ra żewġ partijiet, qal, ‘Rajt biss nofs il-​PHOTO-DRAMA OF CREATION, imma diġà tgħallimt minnha iktar dwar il-​Bibbja milli tgħallimt fil-​kors tiegħi taʼ tliet snin fis-​seminarju teoloġiku.’ Wieħed Lhudi wara li raha rrimarka, ‘Se nirritorna Lhudi aħjar minn meta dħalt.’ Ħafna qassisin u sorijiet Kattoliċi żaru d-​DRAMA u esprimew apprezzament kbir. . . . Tnax-il sett biss tad-​DRAMA huma kompleti s’issa . . . Minkejja dan, diġà lħaqna u qegħdin naqdu lil wieħed u tletin belt . . . ’Il fuq minn ħamsa u tletin elf kuljum qegħdin jaraw, jisimgħu, jammiraw, jaħsbu u jitbierku.”

Il-ħmistax taʼ Ġunju: “L-​istampi għamluni iżjed żeluż biex inxerred il-​Verità, u żiedu l-​imħabba tiegħi għall-​Missier tas-​Sema u għall-​għażiż Ħuna l-​Kbir, Ġesù. Nitlob kuljum biex il-​barka l-​iktar għanja t’Alla tkun fuq il-​PHOTO-DRAMA OF CREATION u fuq dawk kollha involuti fil-​preżentazzjoni tagħha . . . Jien il-​qaddej tagħkom Fih, F. W. KNOCHE.​—Iowa.”

Il-ħmistax taʼ Lulju: “Bi pjaċir ninnotaw kemm l-​istampi ħallew impressjoni favorevoli f’din il-​belt, u nħossuna żguri li din ix-​xiehda lid-​dinja qed tintuża wkoll biex jinġabru ħafna li juru li huma ġojjelli li għażel il-​Mulej stess. Nafu dwar għadd mhux ħażin taʼ studenti serji tal-​Bibbja li huma issa assoċjati mal-​Klassi hawnhekk bħala riżultat tax-​xogħol tal-​Photo-Drama. . . . Oħtkom fil-​Mulej, EMMA L. BRICKER.”

Il-ħmistax taʼ Novembru: “Aħna ċerti li tieħdu pjaċir tisimgħu dwar ix-​xiehda meraviljuża li qed tingħata permezz tal-​PHOTO-DRAMA OF CREATION f’The London Opera House, Kingsway. L-​id tal-​Mulej li tiggwidana ntweriet b’mod meraviljuż f’kull dettall taʼ din l-​esibizzjoni tant li l-​aħwa qed jithennew bil-​kbir . . . L-​udjenzi tagħna kienu fformati minn kull klassi u tip taʼ nies; innotajna li attendew ħafna mill-​kleru. Qassis Anglikan . . . talabna l-​biljetti biex hu u martu jkunu jistgħu jerġgħu jiġu jarawha. Rettur tal-​Knisja Anglikana attenda għad-​DRAMA bosta drabi, u . . . ġab ħafna mill-​ħbieb tiegħu biex jaraw b’għajnejhom stess. Kienu preżenti wkoll żewġ isqfijiet, u bosta nies imlaħħqin.”

L-ewwel taʼ Diċembru: “Jien u marti verament niżżu ħajr lil Missierna tas-​Sema għall-​barka kbira u imprezzabbli li waslitilna permezz tiegħek. Din kienet il-​PHOTO-DRAMA sabiħa tiegħek li kien permezz tagħha li rajna u aċċettajna l-​Verità . . . Għandna s-​sitt volumi tiegħek taʼ STUDIES IN THE SCRIPTURES. Dawn huma taʼ għajnuna kbira.”

Reazzjoni għall-​Provi Dakinhar

16. Is-​sena 1914 għala ġabet prova tal-​fidi?

16 Iżda, x’ġara meta dawn il-​Kristjani sinċieri u devoti sabu li l-​istennija tagħhom li jingħaqdu mal-​Mulej fl-​1914 ma seħħitx? Dawk il-​midlukin għaddew minn perijodu li kien taʼ prova b’mod eċċezzjonali. The Watch Tower taʼ l-​1 taʼ Novembru, 1914, iddikjara: “Ejjew niftakru li ninsabu fi staġun taʼ prova.” Dwar dan, Jehovah’s Witnesses​—Proclaimers of God’s Kingdom (1993) jistqarr: “Is-​snin mill-​1914 sa l-​1918 urew, tabilħaqq, li kienu ‘staġun taʼ prova’ għall-​Istudenti tal-​Bibbja.” Kienu huma se jħallu l-​fidi tagħhom tiġi rfinuta u l-​ħsieb tagħhom jiġi aġġustat sabiex ikunu jistgħu jidħlu għax-​xogħol kbir li kellhom quddiemhom?

17. Il-​midlukin leali kif irreaġixxew għall-​fatt li kienu se jibqgħu fuq l-​art wara l-​1914?

17 The Watch Tower taʼ l-​1 taʼ Settembru, 1916, qal: “Konna nimmaġinaw li x-​xogħol tal-​Ħsad biex tinġabar il-​Knisja [l-midlukin] kien se jitwettaq qabel tmiem Żminijiet il-​Ġentili; imma l-​Bibbja mkien ma kienet tgħidu dan. . . . Iddispjaċuti aħna li x-​xogħol tal-​Ħsad għadu sejjer? . . . L-​attitudni preżenti tagħna, għeżież aħwa, għandha tkun waħda taʼ gratitudni kbira lejn Alla, taʼ apprezzament miżjud għall-​Verità sabiħa li Hu tana l-​privileġġ li naraw u li nkunu identifikati magħha, u taʼ żelu miżjud biex ngħinu ħalli dik il-​Verità titwassal għall-​għarfien taʼ oħrajn.” Il-​fidi tagħhom kienet ġarrbet prova, u madankollu huma ffaċċjaw dik il-​prova u ssuperawha. Imma aħna l-​Kristjani għandna nkunu konxji li provi tal-​fidi jistgħu jkunu ħafna u varjati.

18, 19. Liema provi tal-​fidi oħrajn segwew għall-​poplu t’Alla ftit wara l-​mewt taʼ Ħuna Russell?

18 Per eżempju, xorta oħra taʼ prova ġiet fuq il-​fdal ftit wara l-​mewt taʼ Ħuna Charles T. Russell. Din kienet prova tal-​lealtà u l-​fidi tagħhom. Min kien “l-​irsir leali” taʼ Mattew 24:45, NW? Xi wħud kienu jaħsbu li dan kien Ħuna Russell innifsu, u dawn irrifjutaw li jikkooperaw maʼ arranġamenti organizzazzjonali ġodda. Jekk hu kien l-​irsir, x’kienu se jagħmlu l-​aħwa issa li miet? Kellhom huma jsegwu lil xi individwu li jiġi nnominat, jew kien issa wasal iż-​żmien li jirrikonoxxu li Jehovah kien qed juża, mhux biss persuna waħda, imma grupp sħiħ taʼ Kristjani bħala strument, jew klassi taʼ rsir?

19 Prova oħra ġiet fuq il-​Kristjani veri fl-​1918 meta awtoritajiet dinjin, imxewxin mill-​kleru tal-​Kristjaneżmu, ‘għamlu l-​qerq taħt il-​libsa tal-​liġi’ kontra l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. (Salm 94:20, KŻ) Ngħata bidu għal mewġa taʼ persekuzzjoni vjolenti kontra l-​Istudenti tal-​Bibbja kemm fl-​Amerka taʼ Fuq u kemm fl-​Ewropa. L-​oppożizzjoni ispirata mill-​kleru laħqet il-​quċċata tagħha fis-​7 taʼ Mejju, 1918, meta nħarġu ordnijiet federali mill-​Istati Uniti għall-​arrest taʼ J. F. Rutherford u bosta mill-​imseħbin mill-​qrib tiegħu, inkluż A. H. Macmillan. Huma ġew akkużati b’mod falz b’sedizjoni, u l-​awtoritajiet injoraw l-​appelli tagħhom li huma kienu bla ħtija.

20, 21. Bħalma ġie mbassar f’Malakija 3:1-3, liema xogħol sar fost il-​midlukin?

20 Għalkemm dakinhar dan ma kienx irrikonoxxut, kien qed iseħħ xogħol taʼ ppurifikar, bħalma jiddeskrivi Malakija 3:​1-3: “Min se jissaporti l-​Jum tal-​miġja tiegħu? U min hu li se jieqaf meta jidher? Għax [il-messaġġier tal-​patt] hu bħan-​nar taʼ wieħed li jsaffi u bħas-​sapun tal-​ħassiela. U joqgħod isaffi u jnaddaf il-​fidda, u jnaddaf ’l ulied Levi, u jsaffihom bħad-​deheb u l-​fidda, u huma jsiru għall-​Mulej nies li jagħmlu l-​offerta bis-​sewwa.”

21 Hekk kif l-​Ewwel Gwerra Dinjija resqet lejn tmiemha, uħud mill-​Istudenti tal-​Bibbja ffaċċjaw prova oħra tal-​fidi​—jekk huma kinux se jżommu newtralità stretta rigward kwistjonijiet militari dinjin. (Ġwann 17:16; 18:36) Xi wħud dan m’għamluhx. Għalhekk fl-​1918, Jehovah bagħat lill-​“messaġġier tal-​patt,” Kristu Ġesù, lejn l-​arranġament tat-​tempju spiritwali Tiegħu biex inaddaf lill-​grupp żgħir taʼ adoraturi Tiegħu minn tbajjaʼ dinjin. Dawk li kienu ddeterminati li juru fidi vera tgħallmu mill-​esperjenza u mxew ’il quddiem, billi ssoktaw jippridkaw b’żelu.

22. Rigward provi tal-​fidi, x’baqaʼ biex jiġi kkunsidrat?

22 Dak li għadna kif ikkunsidrajna m’huwiex biss taʼ interess storiku momentarju. Huwa marbut direttament mal-​kundizzjoni spiritwali preżenti tal-​kongregazzjoni taʼ Jehovah madwar id-​dinja. Imma ejjew nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss xi ftit mill-​provi tal-​fidi li qed jiġu ffaċċjati min-​nies t’Alla llum u naraw kif nistgħu negħlbu dawn b’suċċess.

Tiftakar Int?

◻ In-​nies taʼ Jehovah għala għandhom jistennew li l-​fidi tagħhom trid tiġi mġarrba?

◻ Liema xorta taʼ sforzi biex jixxerred il-​messaġġ t’Alla kienu qegħdin isiru qabel l-​1914?

◻ X’kienet il-​“Photo-Drama,” u liema riżultati pproduċiet?

◻ Ġrajjiet fil-​perijodu 1914-1918 kif servew taʼ prova għall-​midlukin?

[Stampa f’paġna 12]

Lejn tmiem is-​seklu 19 u l-​bidu tas-​seklu 20, nies f’ħafna pajjiżi kienu qegħdin jistudjaw il-​Bibbja bil-​għajnuna tas-​serje “Millennial Dawn,” li iktar tard bdiet tissejjaħ “Studies in the Scriptures”

[Stampa f’paġna 13]

Ittra minn C. T. Russell b’test introduttorju għal rikording li fiha qal: “‘Il-​Photo-Drama of Creation’ hija ppreżentata mill-​IBSA​—International Bible Students Association. Il-​mira tagħha hija l-​istruzzjoni pubblika fuq linji reliġjużi u xjentifiċi, u li tiddefendi l-​Bibbja”

[Stampa f’paġna 15]

Demetrius Papageorge kien jivvjaġġa biex juri l-​“Photo-Drama of Creation.” Iktar tard, ġie mitfugħ il-​ħabs minħabba n-​newtralità tiegħu bħala Kristjan

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja