LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 5/15 pp. 24-27
  • Int Tistaʼ Tagħmel Progress Spiritwali

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int Tistaʼ Tagħmel Progress Spiritwali
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jehovah Jsaħħaħ lill-​Qaddejja Tiegħu
  • ‘Inżgħu l-​Personalità l-​Qadima’
  • Bħal “Nar” Ġewwa Fina
  • Jinsenn Bħallikieku bil-​Ħadid
  • Raġuni Tajba biex Nagħmlu Progress Spiritwali
  • Għala d-​Djamanti Jqumu Daqshekk?
    Stenbaħ!—1997
  • Minn Ġebla għal Ħaġra Prezzjuża
    Stenbaħ!—1999
  • Tara int il-​bżonn li tagħmel progress spiritwali?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Żgħażagħ—Komplu Mmaturaw Spiritwalment Wara l-Magħmudija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 5/15 pp. 24-27

Int Tistaʼ Tagħmel Progress Spiritwali

JISTAʼ jkun diffiċli li wieħed isir jaf il-​valur veru taʼ xi ħaġa. Hekk jiġri fil-​każ tad-​djamanti. Għalkemm djamant illostrat ikanġi, djamant li ma jkunx irfinut sempliċement ikun daqsxejn matt. Minkejja dan, fil-​qalba tad-​djamant mhux irfinut hemm il-​wegħda ovvja taʼ ħaġra prezzjuża sabiħa.

Il-Kristjani jixbhu lid-​djamanti mhux irfinuti f’ħafna modi. Għalkemm għadna ’l bogħod mhux ħażin mill-​perfezzjoni, għandna tassew valur li ma jidhirx u li Jehovah japprezzah. Bħad-​djamanti, kollha kemm aħna għandna l-​kwalitajiet distinti tagħna stess. U kull wieħed minna jistaʼ jagħmel iktar progress spiritwali jekk din hi x-​xewqa sinċiera tiegħu. Il-​personalitajiet tagħna jistgħu jiġu rfinuti, biex b’hekk jiddu ħafna iktar għall-​glorja taʼ Jehovah.—1 Korintin 10:31.

Wara li jinqataʼ u jiġi llostrat, djamant jitpoġġa ġo ingast li joħroġ iżjed il-​kwalitajiet li jirriflettu tiegħu. Bl-​istess mod, Jehovah jistaʼ jużana fi sfondi, jew f’inkarigi differenti jekk aħna ‘nilbsu l-​bniedem [“personalità,” NW] il-​ġdid, maħluq skond Alla, fil-​ġustizzja u l-​qdusija tassew.’—Efesin 4:20-24.

Progress spiritwali bħal dan jistaʼ ma jiġix b’mod naturali, sewwa sew bħalma djamant fl-​istat naturali tiegħu rari jkun ikanġi bħal xi ħaġra prezzjuża. Għandu mnejn ikollna bżonn neħilsu minn xi dgħjufija li għad għandna, naġġustaw l-​attitudni tagħna lejn li nassumu r-​responsabbiltà, jew saħansitra nitħabtu sabiex noħorġu minn monotonija spiritwali. Imma jekk tassew irridu, nistgħu nagħmlu progress spiritwali, ladarba Alla Jehovah jistaʼ jagħtina ‘l-​qawwa iktar min-​normal.’—2 Korintin 4:7, NW; Filippin 4:13.

Jehovah Jsaħħaħ lill-​Qaddejja Tiegħu

Biex wieħed inaqqax djamant jirrikjedi fiduċja li tirriżulta minn għarfien eżatt, ladarba dik il-​parti li tkun inqatgħet mid-​djamant mhux irfinut ġeneralment tintilef. Materjal li jiswa l-​flus​—xi drabi daqs 50 fil-​mija tal-​ħaġra mhux minquxa—​irid jinqataʼ ’l barra biex tiġi prodotta l-​forma mixtieqa. Aħna wkoll għandna bżonn taʼ fiduċja li tirriżulta minn għarfien eżatt biex nifformaw il-​personalità tagħna u nagħmlu progress spiritwali. Irid speċjalment ikollna fiduċja li Jehovah se jqawwina.

Madankollu, nistgħu nħossuna inadegwati, jew naħsbu li m’aħniex kapaċi nagħmlu iżjed. Fil-​passat, xi qaddejja leali t’Alla xi drabi hekk ħassewhom. (Eżodu 3:11, 12; 1 Slaten 19:1-4) Meta ġie inkarigat minn Alla biex ikun “profeta fuq il-​ġnus,” Ġeremija esklama: “Ma nafx nitkellem, għadni żgħir.” (Ġeremija 1:5, 6) Iżda minkejja li kien bniedem riservat, Ġeremija sar profeta kuraġġuż li wassal messaġġi diretti lil ġens ostili. Dan kif kien possibbli? Hu tgħallem jistrieħ fuq Jehovah. Iktar tard Ġeremija kiteb: “Mbierek il-​bniedem li jittama fil-​Mulej, u l-​fiduċja tiegħu fil-​Mulej.”—Ġeremija 17:7; 20:11.

Illum, Jehovah jsaħħaħ bl-​istess mod lil dawk li jpoġġu l-​fiduċja tagħhom fih. Edward,a missier t’erbat itfal li dam naqra biex għamel progress spiritwali, sab kemm dan kien minnu. Hu jispjega: “Kont ilni wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah għal disaʼ snin, imma donnu li spiritwalment, ma kontx qed nagħmel progress. Il-​problema kienet li ftit kelli motivazzjoni, u fiduċja xejn ma kelli. Wara li morna noqogħdu Spanja, sibt ruħi ġo kongregazzjoni żgħira li kellha biss anzjan wieħed u qaddej ministerjali wieħed. Minħabba l-​bżonn li kien hemm, l-​anzjan staqsieni biex nieħu f’idejja ħafna inkarigi. Tgħidx kemm tregħidt hekk kif tajt l-​ewwel taħditiet tiegħi u partijiet fil-​laqgħat. Madankollu, tgħallimt nistrieħ fuq Jehovah. L-​anzjan dejjem faħħarni u bit-​tattika offrieli suġġerimenti biex nitjieb.

“Fl-​istess ħin, żidt l-​attività tiegħi fis-​servizz taʼ l-​għalqa u bdejt nieħu tmexxija spiritwali aħjar fil-​familja tiegħi. Bħala riżultat, il-​verità kellha tifsira akbar għall-​familja kollha, u ħassejtni ħafna iżjed sodisfatt. Issa qed naqdi bħala qaddej ministerjali, u qed naħdem iebes biex niżviluppa l-​kwalitajiet taʼ indokratur Kristjan.”

‘Inżgħu l-​Personalità l-​Qadima’

Bħalma rrealizza Edward, il-​progress spiritwali jirrikjedi fiduċja f’Jehovah. Li niżviluppaw il-​‘personalità l-​ġdida’ bħal taʼ Kristu huwa wkoll essenzjali. Dan kif jistaʼ jsir? L-​ewwel pass hu li ‘ninżgħu’ dawk il-​karatteristiċi li huma parti mill-​personalità l-​qadima. (Kolossin 3:9, 10, NW) Sewwa sew bħalma l-​imperfezzjonijiet, bħal ngħidu aħna minerali barranin, ikollhom jitneħħew mid-​djamant mhux irfinut biex dan isir ħaġra tkanġi, hekk ukoll hemm bżonn li nwarrbu attitudnijiet “tad-​dinja” sabiex il-​personalità l-​ġdida tagħna tistaʼ tibda tiddi.—Galatin 4:3.

Attitudni waħda hija li ma nkunux lesti li naċċettaw responsabbiltà minħabba l-​biżaʼ li se jiġi mitlub wisq minna. Veru, ir-​responsabbiltà tfisser xogħol, imma huwa xogħol sodisfaċenti. (Qabbel Atti 20:35.) Pawlu ammetta li d-​devozzjoni lejn Alla tirrikjedi li “nitħabtu u nitqabdu.” Aħna dan nagħmluh bil-​ferħ, hu qal, “għax it-​tama tagħna hi f’Alla l-​ħaj,” dak li qatt ma jinsa x-​xogħol li nagħmlu għan-​nom taʼ Kristjani sħabna u oħrajn.—1 Timotju 4:9, 10; Lhud 6:10.

Xi djamanti jkollhom xi “difetti” li jkunu saru waqt l-​ifformar tagħhom u li jkollhom bżonn jiġu ttrattati b’attenzjoni. Madankollu, bil-​għajnuna taʼ strument imsejjaħ polariskopju, l-​illostratur jistaʼ jinduna fejn ikun id-​difett u jaħdem fuq il-​ħaġra b’suċċess. Forsi aħna jkollna xi tensjoni interna, jew difett fil-​personalità, minħabba l-​ambjent li trabbejna fih jew xi esperjenza trawmatika. X’nistgħu nagħmlu? L-​ewwel, għandna bżonn nammettu l-​problema magħna nfusna u nkunu ddeterminati li negħlbuha safejn ikun possibbli. Irridu ċertament niftħu qalbna maʼ Jehovah permezz tat-​talb, possibbilment infittxu wkoll għajnuna spiritwali mingħand xi anzjan Kristjan.—Salm 55:23 [Salm 55:22, NW]; Ġakbu 5:14, 15.

Tensjoni interna bħal din effettwat lil Nicholas. “Missieri kien alkoħoliku, u lili u lil oħti kkaġunalna ħafna sofferenza,” jispjega hu. “Meta spiċċajt l-​iskola, dħalt fl-​armata, imma minħabba t-​tendenza ribelluża tiegħi malajr sibt ruħi fl-​inkwiet. L-​awtoritajiet taʼ l-​armata arrestawni minħabba li kont inbigħ id-​drogi, u f’okkażjoni oħra abbandunajt l-​armata. Fl-​aħħar, tlaqt mill-​armata, imma xorta kont għadni fl-​inkwiet. Għalkemm ħajti kienet imħarbta minħabba l-​abbuż mid-​drogi u x-​xorb eċċessiv, kelli interess fil-​Bibbja u xtaqt ħafna li jkolli skop fil-​ħajja. Eventwalment, ġejt f’kuntatt max-​Xhieda taʼ Jehovah, biddilt ħajti, u ħaddant il-​verità.

“Madankollu, għaddew is-​snin qabel m’ammettejt miegħi nnifsi li kelli difett fil-​personalità tiegħi. Kelli stmerrija kbira lejn l-​awtorità u kont aggressiv meta kienu jagħtuni xi parir. Għalkemm ridt nintuża kompletament minn Jehovah, din id-​dgħjufija żammitni lura. Fl-​aħħar, bil-​għajnuna taʼ żewġ anzjani li setgħu jifhmuni, ammettejt il-​problema li kelli u bdejt napplika l-​parir Skritturali kollu mħabba li tawni. Għalkemm xi kultant jitilgħuli xi daqsxejn, jien issa kkontrollajt il-​karattru ribelluż tiegħi. Inħossni grat ferm għall-​mod paċenzjuż kif Jehovah jittratta miegħi u għall-​għajnuna kollha mħabba taʼ l-​anzjani. Minħabba l-​progress spiritwali tiegħi, reċentement ġejt maħtur bħala qaddej ministerjali.”

Bħalma skopra Nicholas, mhux faċli li wieħed ibiddel attitudnijiet li tant ikunu ilhom fih. Aħna nistgħu niffaċċjaw sfida simili. Forsi nkunu sensittivi żżejjed. Għandu mnejn inkunu qed inżommu f’qalbna, jew inpoġġu enfasi żejda fuq l-​indipendenza. B’hekk, il-​progress Kristjan tagħna jistaʼ jkun limitat. L-​illostraturi tad-​djamanti jesperjenzaw xi ħaġa simili maʼ tip taʼ ħaġar li jsejħulu naats. Fil-​fatt dawn huma żewġ ħaġriet imdewbin f’waħda waqt li jkun qed jifforma d-​djamant. Bħala riżultat, in-​naats għandhom żewġ mudelli konfliġġenti taʼ kif jikbru li jagħmluha diffiċli li jsir tnaqqix skond in-​nisġa. Fil-​każ tagħna, insibu t-​“tendenza” taʼ l-​ispirtu inklinat jiġġieled kontra t-​“tendenza” tal-​ġisem imperfett. (Mattew 26:41; Galatin 5:17) Xi drabi, nistgħu nħossuna inklinati li nċedu fil-​ġlieda tagħna, billi nirraġunaw li l-​imperfezzjonijiet fil-​personalità tagħna m’humiex daqshekk importanti. ‘Wara kollox,’ għandna mnejn ngħidu, ‘il-​familja u l-​ħbieb tiegħi xorta jħobbuni.’

Madankollu, jekk irridu naqdu lil ħutna u nigglorifikaw lil Missierna tas-​sema, għandna bżonn ‘niġġeddu fil-​qawwa taʼ li nħaddmu lil moħħna’ billi nilbsu l-​personalità l-​ġdida. Jiswa li nagħmlu l-​isforz, bħalma jistgħu jixhdu Nicholas u partita oħrajn. Wieħed illostratur tad-​djamanti jaf li tikka waħda tistaʼ tħassar djamant sħiħ. Bl-​istess mod, jekk nittraskuraw xi aspett dgħajjef tal-​personalità tagħna, aħna nistgħu nħassru d-​dehra spiritwali tagħna. Agħar minn hekk, dgħjufija serja tistaʼ twassal għall-​waqgħa spiritwali tagħna.—Proverbji 8:33.

Bħal “Nar” Ġewwa Fina

L-​illostratur tad-​djamanti jipprova joħroġ il-​fjamma taʼ ġod-​djamant. Dan isir billi jirranġa l-​faċċati biex b’hekk jikkaġunaw ’l hekk imsejjaħ effett tal-​qawsalla. Id-​dawl kull kulur ġod-​djamant jirrifletti lura u ’l quddiem, u b’hekk jipproduċi l-​fjamma li ġġiegħel lid-​djamant ikanġi. B’mod simili, l-​ispirtu t’Alla jistaʼ jkun bħal “nar” ġewwa fina.—1 Tessalonkin 5:19, NW; Atti 18:25; Rumani 12:11.

Imma xi ngħidu jekk nindunaw bil-​bżonn li nsiru mmotivati spiritwalment? Dan kif jistaʼ jsir? Għandna bżonn ‘inqisu sewwa l-​mixi tagħna.’ (Salm 119:59, 60) Dan se jinvolvi li nidentifikaw dawk l-​affarijiet li jnaqqsu l-​ispiritwalità tagħna u mbagħad niddeterminaw liema attivitajiet teokratiċi għandna bżonn biex insegwu b’mod iktar vigoruż. Nistgħu nżidu l-​apprezzament spiritwali permezz taʼ studju persunali regulari u talb ferventi. (Salm 119:18, 32; 143:1, 5, 8, 10) Iktar minn hekk, billi nissieħbu maʼ dawk li jaħdmu iebes fil-​fidi, aħna se nsaħħu iżjed id-​deċiżjoni tagħna biex naqdu lil Jehovah b’mod żeluż.—Titu 2:14.

Louise, żagħżugħa Kristjana, ammettiet: “Kont ilni nikkunsidra x-​xogħol taʼ pijunier regulari għal sentejn sħaħ qabel ma attwalment sirt pijuniera, jew proklamatriċi full-time tas-​Saltna. Ma kelli xejn xi jwaqqafni, imma kelli rutina faċli, u sempliċement m’għamilt ebda sforz biex noħroġ minnha. Imbagħad ħabta u sabta miet missieri. Jien irrealizzajt kemm il-​ħajja m’hija xejn u li ma kontx qed nagħmel l-​aħjar tiegħi. Għalhekk biddilt il-​ħarsa spiritwali tiegħi, żidt fis-​servizz tiegħi, u sirt pijuniera regulari. Fost dawk li kienu t’għajnuna partikulari f’dan ir-​rigward kien hemm dawk ħuti spiritwali li dejjem appoġġjaw l-​arranġamenti tas-​servizz taʼ l-​għalqa u li b’mod regulari ssieħbu miegħi fil-​ministeru. Tgħallimt li kemm għat-​tajjeb u kemm għall-​ħażin, aħna għandna l-​istess valuri u għanijiet li għandhom sħabna.”

Jinsenn Bħallikieku bil-​Ħadid

Id-​djamanti huma l-​iktar sustanza naturali iebsa li hawn fuq l-​art. Għaldaqstant, hemm bżonn taʼ djamant biex jaqtaʼ djamant ieħor. Dan għandu mnejn ifakkar lill-​Istudenti tal-​Bibbja fil-​proverbju li jgħid: “Il-​ħadid isinn il-​ħadid, hekk bniedem jirfina [“isinn,” KŻ] lil sieħbu.” (Proverbji 27:17) Wiċċ taʼ persuna kif ‘jinsenn’? Individwu wieħed jistaʼ jirnexxilu jsinn l-​istat intellettwali u spiritwali taʼ individwu ieħor, sewwa sew bħalma biċċa ħadida tistaʼ tiġi wżata biex issinn xafra taʼ l-​istess metall. Per eżempju, jekk insiru dipressi minħabba xi diżappunt, l-​inkuraġġiment taʼ persuna oħra jistaʼ jkun edifikanti ferm. B’hekk, l-​espressjoni mdejqa taʼ fuq wiċċna tistaʼ tinbidel għall-​aħjar, u nistgħu niġu mħeġġin għal attività żeluża mġedda. (Proverbji 13:12) L-​anzjani tal-​kongregazzjoni jistgħu speċjalment jgħinu biex isinnuna billi jipprovdu inkuraġġiment u pariri Skritturali biex nitjiebu. Huma jsegwu l-​prinċipju li stqarr Salamun: “Għallem lill-​għaref, u jsir iżjed għaref; għarraf lill-​ġust, u iżjed jitgħallem.”—Proverbji 9:9.

M’għandniex xi ngħidu, taħriġ spiritwali jieħu ż-​żmien. Għal iktar minn għaxar snin, l-​appostlu Pawlu qasam l-​esperjenza u l-​metodi taʼ tagħlim tiegħu maʼ Timotju. (1 Korintin 4:17; 1 Timotju 4:6, 16) It-​taħriġ fit-​tul li Mosè ta lil Ġożwè għal iktar minn 40 sena kien taʼ benefiċċju għall-​ġens taʼ Iżrael għal żmien twil. (Ġożwè 1:1, 2; 24:29, 31) Eliżew akkumpanja lill-​profeta Elija għal madwar 6 snin, waqt li rċieva istruzzjoni mill-​aħjar għall-​ministeru tiegħu stess li kellu jdum għal madwar 60 sena. (1 Slaten 19:21; 2 Slaten 3:11) Billi l-​anzjani jipprovdu bil-​paċenzja taħriġ kontinwu, huma jkunu qed isegwu l-​eżempju taʼ Pawlu, Mosè, u Elija.

Li jingħata tifħir huwa parti vitali mit-​taħriġ. Espressjonijiet sinċieri t’apprezzament għal inkarigi li jkunu saru b’mod tajjeb jew għal azzjonijiet li jistħoqqilhom tifħir jistgħu jqanqlu lil oħrajn biex ikunu jridu jaqdu lil Jehovah iktar bis-​sħiħ. It-​tifħir jibni l-​fiduċja li, min-​naħa tagħha, tipprovdi inċentiv biex wieħed jaħdem fuq id-​dgħjufijiet tiegħu. (Qabbel l-​1 Korintin 11:2.) Inkuraġġiment biex wieħed jagħmel progress fil-​verità jiġi wkoll milli jkun okkupat ferm fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u f’attivitajiet oħrajn tal-​kongregazzjoni. (Atti 18:5) Meta l-​anzjani jassenjaw responsabbiltà lill-​aħwa rġiel skond il-​progress spiritwali tagħhom, dan iservi taʼ esperjenza imprezzabbli għal dawn l-​irġiel u x’aktarx isaħħaħ ix-​xewqa tagħhom biex spiritwalment, jibqgħu jagħmlu progress.—Filippin 1:8, 9.

Raġuni Tajba biex Nagħmlu Progress Spiritwali

Id-​djamanti huma kkunsidrati prezzjużi. L-​istess jistaʼ jingħad għal dawk li issa qed jassoċjaw mal-​familja t’adoraturi taʼ Jehovah madwar id-​dinja. Fil-​fatt, Alla nnifsu jsejħilhom l-​affarijiet “mixtiqin,” jew “prezzjużi,” tal-​ġnus kollha. (Ħaggaj 2:7, NW, nota taʼ taħt) Is-​sena l-​oħra, 375,923 ġew mgħammdin bħala Xhieda taʼ Jehovah. Biex tiġi akkomodata din iż-​żjieda, hemm bżonn li ‘jitkabbar il-​post taʼ l-​għarix.’ Billi nagħmlu progress spiritwali​—u billi nirsistu għall-​privileġġi taʼ servizz Kristjan—​se jkun possibbli li jkollna sehem f’li nieħdu ħsieb din l-​espansjoni.—Isaija 54:2; 60:22.

B’kuntrarju għal ħafna djamanti prezzjużi li jinżammu fis-​sejfijiet fil-​banek u li rari jidhru, il-​valur spiritwali tagħna jistaʼ jiddi ħafna. U hekk kif aħna regolarment nillostraw u nuru l-​kwalitajiet Kristjani tagħna, se nigglorifikaw lil Alla Jehovah. Ġesù ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu: “Hekk għandu jiddi d-​dawl tagħkom quddiem il-​bnedmin, biex jaraw l-​għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-​smewwiet.” (Mattew 5:16) Bla dubju, dak jagħtina raġuni soda biex nagħmlu progress spiritwali.

[Nota taʼ taħt]

a Ismijiet sostitwiti huma wżati f’dan l-​artiklu.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja