Int Attent Għal Żmienna?
LI NKUNU attenti għall-periklu jistaʼ jfisser ħajja jew mewt. Dan jistaʼ jintwera minn dak li ġara f’żewġ gżejjer vulkaniċi.
Il-Muntanja Pelée, l-iktar vulkan qattiel tas-seklu 20, żbroffat fit-8 taʼ Mejju, 1902, fil-gżira taʼ Martinik, li tinsab fil-Karibew. Dan l-iżbroff qatel tistaʼ tgħid it-30,000 resident kollha taʼ Saint Pierre, belt li tinsab biswit il-vulkan.
F’Ġunju taʼ l-1991, il-Muntanja Pinatubo splodiet f’dak li probabbilment kien l-akbar żbroff tas-seklu. Dan ġara fi nħawi ppopolati ħafna fil-Filippini, u kkaġuna l-mewt taʼ xi 900 ruħ. Madankollu, din id-darba kien hemm żewġ fatturi li għenu biex jiġu salvati eluf taʼ ħajjiet: (1) li wieħed ikun attent għall-periklu u (2) li wieħed ikun lest li jaġixxi fi qbil mat-twissijiet li jingħataw.
Azzjoni Xierqa Salvat il-Ħajjiet
Il-vulkan Pinatubo kien ilu rieqed għal mijiet taʼ snin meta, f’April taʼ l-1991, beda juri sinjali taʼ żbroff imminenti. Mill-bokka tal-vulkan beda ħiereġ il-fwar u s-sulfur dioxide (gass tossiku tal-kubrit). Ir-residenti lokali ħassew serje taʼ theżhiżiet, u mill-muntanja bdiet tixref koppla taʼ lava solida li d-dehra tagħha kienet tqanqal il-biżaʼ. Ix-xjenzati mill-Philippine Institute of Volcanology and Seismology kienu josservawh lejl u nhar u wara ċertu żmien ikkonvinċew lill-uffiċjali li kienet tkun ħaġa għaqlija li jevakwaw lill-35,000 abitant mill-ibliet u l-irħula fil-qrib.
In-nies ma tantx jieħdu gost jitilqu minn djarhom għal xejn b’xejn, u dan nistgħu nifhmuh, imma din ir-reżistenza ġiet megħluba billi ġie muri vidjo li kien jagħti stampa ċara tal-perikli taʼ żbroff vulkaniku. L-eżodu taʼ kwantitajiet kbar taʼ nies sar f’waqtu. Jumejn wara, splużjoni qawwija xeħtet tmien kilometri kubi taʼ rmied fl-atmosfera. Ix-xmajjar taʼ tajn, jew lahars, li bdew neżlin minn fuq il-muntanja, iktar tard qatlu mijiet taʼ nies. Madankollu, wisq probabbli ġew salvati eluf minħabba li n-nies kienu saru konxji tal-periklu u aġixxew fi qbil mat-twissijiet.
Ħarba minn Katakliżmu Magħmul mill-Bniedem
Fl-ewwel seklu taʼ l-Era Komuni tagħna, il-Kristjani li kienu jgħixu f’Ġerusalemm ukoll kellhom jiddeċiedu jekk kellhomx jabbandunaw djarhom. Il-ħarba minn dik il-belt fis-sena 66 E.K. salvathom mill-qerda li ġiet fuq ir-residenti l-oħrajn u eluf taʼ Lhud li kienu marru Ġerusalemm għall-Qbiż tas-sena 70 E.K. Ġewwa din il-belt imdawra bis-swar kien hemm iktar minn miljun ruħ preżenti għall-osservanza tal-Qbiż meta l-armati Rumani ma ħallewlhom ebda ċans li jaħarbu. Il-ġuħ, il-ġlied għall-poter, u l-attakki li ma jaqtgħu xejn tar-Rumani kaxkru iktar minn miljun ħajja.
Il-katakliżmu li ġab fi tmiem l-irvell tal-Lhud kontra Ruma ma ġiex ħabta u sabta. Għaxriet taʼ snin qabel, Ġesù Kristu kien bassar li Ġerusalemm kienet se tiġi assedjata. Hu qal: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet. Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-rabaʼ.” (Luqa 21:20, 21) Dawk l-istruzzjonijiet kienu ċari, u s-segwaċi taʼ Ġesù ħaduhom bis-serjetà.
Ewsebju taʼ Ċesarija, storjografu tar-rabaʼ seklu, jirrapporta li l-Kristjani tal-Lhudija kollha kemm hi aġixxew skond it-twissija taʼ Ġesù. Meta r-Rumani abbandunaw l-ewwel assedju tagħhom taʼ Ġerusalemm fis-sena 66 E.K., ħafna Kristjani Lhud marru jgħixu fil-belt taʼ Pella, belt tal-Ġentili fil-provinċja Rumana tal-Perea. Billi kienu attenti għal żmienhom u billi aġixxew skond it-twissija taʼ Ġesù, huma ħarbu minn dak li ġie deskritt bħala “wieħed mill-iktar assedji terribbli li qatt sar fl-istorja.”
Illum hemm bżonn taʼ viġilanza simili. L-istess nistgħu ngħidu għall-azzjoni speċifika. L-artiklu li jmiss se jispjega għala.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 3]
Godo-Foto, West Stock