LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 1/1 pp. 6-11
  • Għandek Fidi Bħal Dik t’Abraham?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għandek Fidi Bħal Dik t’Abraham?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ubbidjenza lejn id-​Direzzjoni t’Alla
  • Fidi bħal Dik t’Abraham Illum
  • Leali Minkejja l-​Provi
  • Is-​Sabar Illum
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Abraham—Ħabib t’Alla
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Abraham u Sara obdew lil Alla
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Ġeħova sejjaħlu “l-ħabib tiegħi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 1/1 pp. 6-11

Għandek Fidi Bħal Dik t’Abraham?

“Imma taħsbu intom li Bin il-​bniedem se jsib il-​fidi fuq l-​art meta jiġi?”—Luqa 18:8.

1. Għala huwa diffiċli li żżomm il-​fidi tiegħek soda llum?

ILLUM m’huwiex faċli li żżomm il-​fidi tiegħek soda. Id-​dinja tagħmel pressjoni qawwija fuq il-​Kristjani sabiex taljenahom mill-​affarijiet spiritwali. (Luqa 21:34; 1 Ġwann 2:15, 16) Bosta jkollhom jissieltu biex jibqgħu ħajjin minħabba gwerer, diżastri, mard jew ġuħ. (Luqa 21:10, 11) F’għadd taʼ pajjiżi, hemm kultura sekulari qawwija, u dawk in-​nies li r-​reliġjon tagħhom jgħixuha, huma meqjusin bħala nies mhux raġunevoli, u saħansitra fanatiċi. Iżjed minn hekk, ħafna Kristjani jiġu ppersegwitati minħabba l-​fidi tagħhom. (Mattew 24:9) Il-​mistoqsija li Ġesù staqsa kważi 2,000 sena ilu hija ċertament f’waqtha: “Imma taħsbu intom li Bin il-​bniedem se jsib il-​fidi fuq l-​art meta jiġi?”—Luqa 18:8.

2. (a) Fidi soda għala hija vitali għal Kristjan? (b) L-​eżempju tal-​fidi taʼ min nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw?

2 Iżda l-​fatt hu, li fidi soda hija vitali jekk aħna rridu li jkollna suċċess f’ħajjitna issa, u fil-​futur nirċievu l-​ħajja taʼ dejjem imwiegħda. Waqt li kkwota l-​kliem li Jehovah qal lil Ħabakkuk, l-​appostlu Pawlu kiteb: “‘Il-​bniedem ġust tiegħi jgħix bil-​fidi; imma jekk jerġaʼ lura jien ma nitgħaxxaqx bih.’ . . . Mingħajr il-​fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla.” (Lhud 10:38–11:6; Ħabakkuk 2:4) Pawlu qal lil Timotju: “Tqabad it-​taqbida t-​tajba tal-​fidi; qis li tirbaħ il-​ħajja taʼ dejjem li għaliha kont imsejjaħ.” (1 Timotju 6:12) Allura, kif jistaʼ jkun possibbli li jkollna fidi li ma titkissirx? Biex nikkunsidraw din il-​mistoqsija, nagħmlu tajjeb li nħarsu lejn wieħed raġel li għalkemm għex madwar 4,000 sena ilu, il-​fidi tiegħu għadha rrispettata fi tliet reliġjonijiet prinċipali​—l-​Islam, il-​Ġudaiżmu, u l-​Kristjanità. Dan ir-​raġel hu Abraham. Il-​fidi tiegħu għala kienet daqshekk rimarkevoli? Nistgħu aħna nimitawh illum?

Ubbidjenza lejn id-​Direzzjoni t’Alla

3, 4. Teraħ għala telaq bil-​familja tiegħu minn Ur u mar Ħaran?

3 Abraham (li oriġinarjament kien jissejjaħ Abram) jissemma għall-​ewwel darba fil-​paġni tal-​bidu tal-​Bibbja. F’Ġenesi 11:26, naqraw: “Teraħ kellu . . . lil Abram, lil Naħor, u lil Ħaran.” Teraħ u l-​familja tiegħu kienu jgħixu f’Ur tal-​Kaldin, belt prosperuża fin-​Nofsinhar tal-​Mesopotamja. Madankollu, ma baqgħux hemmhekk. “Teraħ qabad lil ibnu Abram, lil Lot bin Ħaran, jiġifieri bin ibnu, il-​kunjata Saraj [Sarah], mart ibnu Abram, u telaq bihom minn Ur tal-​Kaldin lejn l-​art taʼ Kangħan; u waslu Ħaran u baqgħu hemm.” (Ġenesi 11:31) Naħor, ħu Abraham, ukoll ħa lill-​familja tiegħu lejn Ħaran. (Ġenesi 24:10, 15; 28:1, 2; 29:4) Iżda Teraħ, għala telaq mill-​belt prosperuża taʼ Ur lejn Ħaran, post tant imbiegħed?

4 Madwar 2,000 sena wara żmien Abraham, ir-​raġel leali Stiefnu, meta kien qed jitkellem quddiem is-​Sinedriju Lhudi, spjega dan il-​pass mhux tas-​soltu li għamlet il-​familja taʼ Teraħ. Hu qal: “Alla tal-​glorja deher lil Abraham missierna, meta dan kien fil-​Mesopotamja qabel ma mar joqgħod Ħaran, u qallu: ‘Oħroġ minn artek u minn fost niesek u mur fl-​art li se nurik jien.’ Mbagħad ħareġ mill-​art tal-​Kaldin u mar joqgħod f’Ħaran.” (Atti 7:2-4) Teraħ issottometta ruħu għal dak li Jehovah ried minn Abraham meta ħa lin-​nies taʼ daru lejn Ħaran.

5. Abraham fejn mar wara li miet missieru? Għala?

5 Il-​familja taʼ Teraħ issetiljat fil-​belt il-​ġdida tagħhom. Snin wara, meta Abraham tkellem dwar “arti,” hu kien qed jalludi għall-​inħawi taʼ Ħaran, mhux taʼ Ur. (Ġenesi 24:4) Minkejja dan, Ħaran ma kellhiex tkun id-​dar permanenti t’Abraham. Skond Stiefnu, “Wara li miet missieru, Alla ġiebu [lil Abraham] f’din l-​art li fiha issa qed toqogħdu intom.” (Atti 7:4) B’ubbidjenza lejn id-​direzzjoni li tah Jehovah, Abraham, li kien akkumpanjat minn Lot, qasam l-​Ewfrat għal ġo l-​art taʼ Kangħan.a

6. Jehovah liema wegħda għamillu lil Abraham?

6 Jehovah għala ġiegħel lil Abraham imur ġewwa Kangħan? Ir-​raġuni kellha x’taqsam maʼ l-​iskopijiet li Alla kellu rigward dan ir-​raġel leali. Jehovah kien qal lil Abraham: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-​art li jien nurik. U jien nagħmlek ġens kbir, nbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka. Jien inbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek. U jitbierku bik it-​tribujiet kollha taʼ l-​art.” (Ġenesi 12:1-3) Abraham kellu jkun il-​missier taʼ ġens kbir li kien se jgawdi l-​protezzjoni taʼ Jehovah u li kien se jieħu pussess taʼ l-​art taʼ Kangħan. Wegħda taʼ l-​għaġeb! Imma Abraham kellu jagħmel bidliet radikali f’ħajtu sabiex jiret dik l-​art.

7. Abraham liema bidliet kellu jkun ippreparat li jagħmel sabiex jiret il-​wegħda taʼ Jehovah?

7 Meta Abraham telaq minn Ur, hu ħalla belt prosperuża u x’aktarx il-​kumplament tal-​familja taʼ missieru​—sorsi importanti taʼ sigurtà fi żmien dawk il-​patrijarki. Meta telaq minn Ħaran, hu nfired minn dar missieru, inkluż il-​familja taʼ ħuh Naħor, u mar lejn pajjiż li ma kienx jafu. F’Kangħan ma daħalx ifittex is-​sigurtà li kienu joffru s-​swar tal-​belt. Għala le? Ftit wara li Abraham mar f’dik l-​art, Jehovah qallu: “Qum u aqsam l-​art minn tulha u mill-​wisaʼ tagħha, għax lilek se nagħtiha.” (Ġenesi 13:17) Abraham, li kellu 75 sena, u martu Sarah, li kellha 65, obdew dawk l-​istruzzjonijiet. “Kienet il-​fidi li ġagħlitu jgħammar fl-​art imwiegħda, qisu barrani f’art barranija, u jgħix taħt it-​tined.”—Lhud 11:9; Ġenesi 12:4.

Fidi bħal Dik t’Abraham Illum

8. Meta nqisu l-​eżempju t’Abraham u taʼ xhieda oħrajn tal-​qedem, x’għandna nikkultivaw?

8 Abraham u l-​familja tiegħu huma msemmijin fost is-​“sħaba hekk kbira taʼ xhieda [taʼ qabel Kristu]” imniżżla f’Lhud kapitlu 11. Bil-​fidi li kellhom dawn il-​qaddejja bikrin t’Alla f’moħħu, Pawlu jinkuraġġixxi lill-​Kristjani biex ‘iwarrbu minnhom kull xkiel u kull dnub [nuqqas taʼ fidi] li malajr ifixkilna.’ (Lhud 12:1) Iva, nuqqas taʼ fidi jistaʼ “malajr ifixkilna.” Imma kemm fi żmien Pawlu u kemm fi żmienna, Kristjani ġenwini kienu u għadhom kapaċi jikkultivaw fidi soda li tħabbatha maʼ dik t’Abraham u oħrajn taʼ żmien il-​qedem. Waqt li jitkellem dwaru nnifsu u dwar sħabu l-​Kristjani, Pawlu jgħid: “Iżda aħna m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu; aħna minn dawk li jemmnu, biex insalvaw.”—Lhud 10:39.

9, 10. Liema evidenza hemm li ħafna llum għandhom fidi bħal dik t’Abraham?

9 Veru li d-​dinja nbidlet minn żmien Abraham ’l hawn. Minkejja dan, xorta waħda għadna naqdu lill-​istess “Alla taʼ Abraham,” u hu ma jinbidilx. (Atti 3:13; Malakija 3:6) Jehovah jixraqlu li jiġi adorat illum sewwa sew bħalma kien fi żmien Abraham. (Apokalissi 4:11) Bosta jiddedikaw ruħhom kompletament lil Jehovah u, bħal Abraham, jagħmlu kwalunkwe bidliet li jkunu neċessarji fil-​ħajjiet tagħhom sabiex jagħmlu r-​rieda t’Alla. Is-​sena l-​oħra 316,092 ruħ taw evidenza pubblika tad-​dedikazzjoni tagħhom billi ssottomettew ruħhom għall-​magħmudija taʼ l-​ilma “fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu.”—Mattew 28:19.

10 Il-​biċċa l-​kbira minn dawn il-​Kristjani l-​ġodda ma kellhomx għalfejn jivvjaġġaw lejn pajjiżi barranin ’il bogħod sabiex iwettqu d-​dedikazzjoni tagħhom. F’sens spiritwali, iżda, ħafna minnhom ivvjaġġaw distanza ġmielha. Per eżempju, fil-​Mawrizju, Elsie darba kienet saħħara. Kulħadd kien jibżaʼ minnha. Wieħed pijunier speċjali għamel arranġamenti biex jistudja l-​Bibbja maʼ bint Elsie, u dan fetaħ it-​triq għal Elsie ‘ħalli terġaʼ lura mid-​dlam għad-​dawl.’ (Atti 26:18) Minħabba l-​interess li wriet bintha, Elsie qablet li tistudja Il-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja. L-​istudju magħha kien isir tliet darbiet fil-​ġimgħa għaliex kellha bżonn taʼ inkuraġġiment kontinwu. Il-​prattiċi tagħha taʼ l-​okkult ma ġabulha ebda ferħ, u kellha ħafna problemi persunali. Iżda maż-​żmien, hi setgħet tispiċċa l-​vjaġġ twil mid-​demoniżmu għall-​qima vera. Meta kienu jiġu xi nies biex jitolbuha tgħinhom, hi kienet tispjegalhom li Jehovah biss setaʼ jipproteġihom mill-​ħażin. Elsie issa hija Xhud mgħammda, u 14-il ruħ minn fost il-​familja u l-​ħbieb tagħha aċċettaw il-​verità.

11. Liema aġġustamenti lesti li jagħmlu dawk li jiddedikaw ruħhom lil Jehovah?

11 Il-​biċċa l-​kbira taʼ dawk li s-​sena l-​oħra ddedikaw ruħhom biex jaqdu lil Alla ma kellhomx jagħmlu bidliet radikali bħal dawn. Imma kollha tbiddlu minn qagħda mejta spiritwalment għal qagħda ħajja spiritwalment. (Efesin 2:1) Għalkemm għadhom fiżikament fid-​dinja, dawn m’għadhomx iktar parti minnha. (Ġwann 17:15, 16) Simili għall-​Kristjani midlukin, li huma “pajżani tas-​sema,” dawn huma bħal “barranin u għorba.” (Filippin 3:20; 1 Pietru 2:11) Huma ġabu ħajjithom fi qbil mal-​livelli t’Alla, billi kienu mqanqlin fuq kollox mill-​imħabba għal Alla u għall-​proxxmu. (Mattew 22:37-39) Huma m’humiex moħħhom f’miri egoistiċi u materjalistiċi, jew iħossu xi bżonn biex jirnexxu personalment f’din id-​dinja. Minflok, jiffissaw għajnejhom fuq il-​wegħda taʼ “smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-​ġustizzja.”—2 Pietru 3:13; 2 Korintin 4:18.

12. Liema attività li ġiet irrapportata s-​sena l-​oħra tagħti evidenza li Ġesù, matul il-​preżenza tiegħu, sabha l-​“fidi fuq l-​art”?

12 Meta Abraham mar joqgħod Kangħan, hu u l-​familja tiegħu kienu waħedhom hemmhekk u kellhom biss lil Jehovah biex jappoġġahom u jipproteġihom. Madankollu, dawn it-​316,092 Kristjan li għadhom kif tgħammdu żgur li m’humiex waħedhom. Veru, Jehovah jappoġġahom u jipproteġihom permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu, bħal fil-​każ t’Abraham. (Proverbji 18:10) Iżda, barra minn hekk, hu jappoġġahom permezz taʼ “pajjiż [“ġens,” NW]” internazzjonali u vigoruż, li huwa iktar ippopolat minn ċerti pajjiżi tad-​dinja llum. (Isaija 66:8) Is-​sena l-​oħra, quċċata taʼ 5,888,650 ċittadin taʼ dan il-​ġens taw evidenza tal-​fidi attiva tagħhom billi kellmu lill-​ġirien tagħhom dwar il-​wegħdi t’Alla. (Mark 13:10) Huma qattgħu l-​ammont straordinarju taʼ 1,186,666,708 sigħat f’dan ix-​xogħol, ifittxu biex isibu lil dawk interessati. B’riżultat taʼ dan, ġew kondotti 4,302,852 studju tal-​Bibbja m’oħrajn li jixtiequ jikkultivaw il-​fidi. Bħala turija oħra taż-​żelu tagħhom, 698,781 f’dan il-​“ġens” ħadu sehem fis-​servizz taʼ pijunier, jew full-time jew għal xi xahar jew iktar. (Dettalji taʼ l-​attività tax-​Xhieda taʼ Jehovah tas-​sena l-​oħra jinsabu f’paġni 12 sa 15.) Dan ir-​rekord taʼ l-​għaġeb huwa risposta pożittiva u ħajja għall-​mistoqsija taʼ Ġesù, “Imma taħsbu intom li Bin il-​bniedem se jsib il-​fidi fuq l-​art meta jiġi?”

Leali Minkejja l-​Provi

13, 14. Iddeskrivi xi wħud mid-​diffikultajiet li Abraham u l-​familja ffaċċjaw f’Kangħan.

13 Abraham u dawk taʼ daru taʼ spiss kellhom żminijiet diffiċli ġewwa Kangħan. Minn taʼ l-​inqas f’okkażjoni waħda, kien hemm ġuħ kbir li ġagħalhom iħallu Kangħan u jinżlu lejn l-​Eġittu. Iktar minn hekk, kemm il-​ħakkiem taʼ l-​Eġittu u kemm il-​ħakkiem taʼ Gerar (ħdejn Gaża), lil Abraham ipprovaw jiħdulu lil martu Sarah. (Ġenesi 12:10-20; 20:1-18) Kien hemm ukoll ġlied bejn ir-​rgħajja tal-​bhejjem t’Abraham u r-​rgħajja tal-​bhejjem taʼ Lot, u dan ikkaġuna firda bejn iż-​żewġ familji. Mingħajr egoiżmu taʼ xejn, Abraham ħalla lil Lot jagħżel l-​ewwel hu liema art ried, u Lot għażel li jgħix fid-​Distrett tal-​Ġordan, li kien jidher donnu Għeden daqskemm kien fertili u sabiħ.—Ġenesi 13:5-13.

14 Imbagħad, Lot ġie involut fi gwerra bejn is-​sultan taʼ Għelam, post imbiegħed, u l-​alleati tiegħu u s-​slaten tal-​ħamest ibliet fil-​wied taʼ Siddim. Is-​slaten barranin rebħulhom lis-​slaten tal-​post u kaxkru ħafna priża magħhom, inkluż Lot u ġidu kollu. Meta Abraham samaʼ x’kien ġara, hu rħielha bla biżaʼ wara s-​slaten barranin u rnexxielu jġib lura lil Lot u lil dawk taʼ daru, kif ukoll il-​ġid tas-​slaten tal-​post. (Ġenesi 14:1-16) Madankollu, dik ma kinitx l-​agħar esperjenza li Lot għadda minnha f’Kangħan. Għal xi raġuni jew oħra hu mar joqgħod ġewwa Sodoma, minkejja r-​reputazzjoni immorali taʼ dik il-​belt.b (2 Pietru 2:6-8) Meta żewġ anġli wissewh li l-​belt kellha tinqered, Lot ħarab maʼ martu u wliedu bniet. Madankollu, mart Lot injorat l-​istruzzjonijiet speċifiċi taʼ l-​anġli u, b’riżultat taʼ dan, ġiet midfuna fil-​melħ. Lot spiċċa jgħix għal xi żmien f’għar f’Sogħar maż-​żewġt ibniet tiegħu. (Ġenesi 19:1-30) Dawn il-​ġrajjiet bilfors li ġagħluh jinkwieta ħafna lil Abraham, speċjalment minħabba li Lot kien ġie Kangħan bħala parti mill-​familja tiegħu.

15. Minkejja l-​problemi li ffaċċja Abraham waqt li kien jgħix fit-​tined f’pajjiż barrani, liema ħsibijiet negattivi evita b’mod evidenti?

15 Tgħid Abraham qatt għaddielu min moħħu jekk hu u Lot misshomx baqgħu fis-​sigurtà taʼ Ur mal-​kumplament tal-​familja taʼ missieru jew f’Ħaran maʼ ħuh Naħor? Tgħid qatt xtaq jissetilja fis-​sigurtà taʼ xi belt imdawra bis-​swar minflok ma għex fit-​tined? Tgħid qatt iddubita forsi jekk kienx għaqli li jagħmel daqs dawk sagrifiċċji f’li jiġġerra minn post għal ieħor f’art barranija? Meta tkellem dwar Abraham u l-​familja tiegħu, l-​appostlu Pawlu nnota: “Li kieku kellhom fi ħsiebhom il-​pajjiż li minnu kienu ħarġu, kellhom żmien biżżejjed biex jerġgħu lura fih.” (Lhud 11:15) Madankollu, huma ma reġgħux lura. Bla ma ħallew it-​tbatijiet jiskuraġġuhom, huma baqgħu fejn Jehovah riedhom ikunu.

Is-​Sabar Illum

16, 17. (a) Ħafna Kristjani liema diffikultajiet jiffaċċjaw illum? (b) Il-​Kristjani għandhom liema attitudni pożittiva? Għala?

16 Sabar bħal dan jidher fil-​Kristjani llum. Għalkemm il-​Kristjani veri jħossu li huwa sors taʼ ferħ kbir li huma jaqdu lil Alla, il-​ħajja m’hijiex faċli għalihom f’dawn l-​aħħar jiem. Għalkemm jgħixu f’ġenna spiritwali, huma jħossu l-​istess pressjonijiet ekonomiċi bħalma jħossu nies oħrajn. (Isaija 11:6-9) Ħafna sfaw vittmi innoċenti fil-​gwerer tal-​ġnus, u xi wħud waqgħu ġo faqar estrem intortament. Barra minn hekk, huma jissaportu l-​problemi minħabba li huma minorità mhux popolari. F’ħafna pajjiżi huma jippridkaw l-​aħbar tajba minkejja l-​apatija kbira li jiffaċċjaw. F’pajjiżi oħrajn ibatu mill-​attakki qarrieqa taʼ dawk li “jagħmlu l-​qerq taħt il-​libsa tal-​liġi” u li “jikkundannaw in-​nies bla ħtija.” (Salm 94:20, 21) Anki f’pajjiżi fejn m’humiex qed ikunu attakkati u fejn qed jiġu mfaħħrin minn xi wħud minħabba l-​livelli għoljin tagħhom, il-​Kristjani huma konxji li huma differenti minn sħabhom fl-​iskola u fuq ix-​xogħol​—pjuttost bħal Abraham, li għex fit-​tined waqt li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies madwaru kienu jgħixu fl-​ibliet. Iva, m’huwiex faċli li wieħed jgħix fid-​dinja u madankollu ma jkunx “tad-​dinja.”—Ġwann 17:14.

17 Allura, jiddispjaċina aħna li ddedikajna ruħna lil Alla? Nixtiequ li bqajna parti mid-​dinja, ħalli nkunu bħal ħaddieħor? Jiddispjaċina għas-​sagrifiċċji li kellna nagħmlu fis-​servizz taʼ Jehovah? Lanqas xejn! Minflok ma nħarsu lura mxennqin, aħna nirrikonoxxu li kwalunkwe ħaġa li stajna ssagrifikajna ma kellha ebda valur siewi ħdejn il-​barkiet li qed ingawdu issa u dawk li se ngawdu fil-​futur. (Luqa 9:62; Filippin 3:8) Fuq kollox, huma n-​nies tad-​dinja ferħanin? Il-​verità hi, li ħafna minnhom qed ifittxu t-​tweġibiet li aħna diġà nafuhom. Huma qed ibatu minħabba li m’humiex qed isegwu l-​istess gwida li qed insegwu aħna li ġejja mingħand Alla permezz tal-​paġni tal-​Bibbja. (Salm 119:105) U ħafna minnhom jixxennqu għat-​tip taʼ ħbiberija Kristjana u sħubija pjaċevoli li aħna ngawdu maʼ sħabna fit-​twemmin.—Salm 133:1; Kolossin 3:14.

18. X’inhu r-​riżultat eventwali meta l-​Kristjani juru kuraġġ bħal dak t’Abraham?

18 Veru, xi drabi rridu nkunu kuraġġużi bħalma kien Abraham meta ġera wara dawk li kienu ħatfu lil Lot. Imma meta nuru kuraġġ, ir-​riżultat ikun imbierek minn Jehovah. Per eżempju, il-​mibegħda li tant saret komuni fl-​Irlanda taʼ Fuq hija r-​riżultat tal-​vjolenza settarja, u jirrikjedi l-​kuraġġ biex wieħed ikun newtrali. Madankollu, il-​Kristjani leali segwew il-​kliem li Jehovah qal lil Ġożwè: “Agħmel il-​ħila u qawwi qalbek; tibżax u titħawwadx, għax il-​Mulej, Alla tiegħek, ikun miegħek kull fejn tmur.” (Ġożwè 1:9; Salm 27:14) Minħabba l-​waqfa kuraġġuża li ħadu matul is-​snin, huma kisbu r-​rispett u llum jistgħu jippridkaw bil-​libertà fil-​komunitajiet kollha taʼ dan il-​pajjiż.

19. Il-​Kristjani fejn jippreferu li jkunu, u liema riżultat jistennew b’fiduċja sħiħa meta jsegwu d-​direzzjoni taʼ Jehovah?

19 Qatt m’għandna niddubitaw li, tkun liema tkun is-​sitwazzjoni li niffaċċjaw, jekk insegwu d-​direzzjoni taʼ Jehovah, ir-​riżultat aħħari se jkun għall-​glorja tiegħu u għall-​benefiċċju dejjiemi tagħna. Minkejja l-​isfidi u s-​sagrifiċċji, m’hemm imkien ieħor fejn nippreferu li nkunu ħlief fis-​servizz taʼ Jehovah, fejn ingawdu sħubija maʼ ħutna Kristjani waqt li nħarsu ’l quddiem b’fiduċja sħiħa lejn il-​futur etern li Alla wegħedna.

[Noti taʼ taħt]

a Abraham x’aktarx li adotta lil neputih Lot meta miet missier Lot, li kien jiġi ħu Abraham.—Ġenesi 11:27, 28; 12:5.

b Xi wħud issuġġerew li Lot mar joqgħod fil-​belt biex ikollu iktar sigurtà wara li kien safaʼ parti mill-​priża taʼ l-​erbaʼ slaten.

Tiftakar Int?

◻ Fidi soda għala hija essenzjali?

◻ Abraham kif wera li kellu fidi soda?

◻ Id-​dedikazzjoni kif inhi akkumpanjata minn tibdiliet fil-​ħajja taʼ dak li jkun?

◻ Aħna għala ninsabu ferħanin li naqdu lil Alla minkejja kwalunkwe problemi li nistgħu niffaċċjaw?

[Stampi f’paġna 7]

Abraham kien lest li jagħmel bidliet kbar f’ħajtu sabiex jiret il-​wegħda

[Stampi f’paġna 9]

L-​evidenza turi li Ġesù sab “il-​fidi fuq l-​art” matul il-​preżenza tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja