LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 1/1 pp. 21-25
  • Nistinka Biex Inkun “Ħaddiem li m’Għandux Mniex Jistħi”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nistinka Biex Inkun “Ħaddiem li m’Għandux Mniex Jistħi”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Is-​Servizz fil-​Flotta Ġermaniża
  • Xaqq taʼ Dawl f’Minjiera tal-​Faħam
  • Tgħallimt Nikkontrolla t-​Tempra
  • Skeda Imborġata imma Premjanti
  • Iktar Privileġġi taʼ Servizz
  • Nimxi ’l Quddiem Minkejja l-​Provi
  • Il-Qari tal-Bibbja—Is-Sors Tiegħi taʼ Saħħa Tul Ħajti Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Bl-Għajnuna taʼ Ġeħova, Bqajna Ħajjin taħt Reġimi Totalitarji
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • X’Nistaʼ Nagħtih lil Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Minkejja l-Provi, it-Tama Tiegħi Baqgħet Qawwija
    Stenbaħ!—2002
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 1/1 pp. 21-25

Nistinka Biex Inkun “Ħaddiem li m’Għandux Mniex Jistħi”

KIF IRRAKKONTAT MINN ANDRÉ SOPPA

It-​Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-​aqwa tagħha, u ħalliet warajha straġi u disprament li ma tiddeskrivihomx. Peress li xogħli fil-​Flotta Ġermaniża ħdejn Narvik, fin-​Norveġja, kien li nibgħat is-​sinjali, ġejt wiċċ imbwiċċ mal-​krudeltà tal-​bniedem lejn bniedem ieħor. Bil-​lejl, fil-​kenn tal-​fjords, il-​ġmiel ċelestjali taʼ l-​awrora boreali ġagħalni nirrifletti serjament fuq il-​ħajja. Kont ċert li dak Alla li ħalaq dawn l-​affarijiet ma jistax jinżamm responsabbli għall-​ġenn tal-​gwerra.

TWELIDT fl-​1923 fir-​raħal żgħir taʼ Lassoth (issa fil-​Polonja), biswit il-​fruntiera Ċeka, u trabbejt ġo familja fqira f’razzett. Il-​ġenituri tiegħi kienu Kattoliċi prattikanti, u r-​reliġjon kellha sehem importanti ħafna f’ħajjitna. Madankollu, minn kmieni beda jkolli dubji dwar ir-​reliġjon tiegħi. Fir-​raħal tagħna, kien hemm tliet familji Protestanti, u l-​komunità Kattolika eskludiethom. Ma stajtx nifhem għala kellu jkun hekk. Fl-​iskola tgħallimna l-​katekiżmu. Imma darba waħda meta staqsejt lill-​qassis biex jispjega t-​Trinità, kulma rċevejt bħala risposta kienu għaxar daqqiet bil-​bastun. Minkejja dan, kienet xi ħaġa li ġratli meta kelli 17-il sena li kkonfermat id-​diżillużjoni tiegħi bil-​knisja. Il-​ġenituri t’ommi mietu xahar ’il bogħod minn xulxin, u ommi ma kellhiex flus biżżejjed biex tħallas għal żewġ servizzi funebri fil-​knisja. Allura staqsiet lill-​qassis jekk setgħetx tħallsu iktar tard. “Il-​ġenituri tiegħek kellhom xi affarijiet, hux hekk?” kienet it-​tweġiba tiegħu. “Biegħhom, u uża l-​flus għall-​funeral.”

Ftit snin qabel dan, wara li Hitler telaʼ fil-​poter fl-​1933, ma stajniex nitkellmu iktar bil-​Pollakk; kellna nitkellmu bil-​Ġermaniż. Dawk li rrifjutaw, jew li ma setgħux jitgħallmu l-​Ġermaniż, bdew jisparixxu ftit ftit​—iktar tard intqalilna li ntbagħtu fil-​kampijiet tal-​konċentrament. L-​isem tar-​raħal tagħna wkoll inbidel f’isem Ġermaniż, Grünfliess. Ħriġt mill-​iskola meta kelli 14-il sena, u minħabba li ma kontx fl-​organizzazzjoni taʼ Hitler għaż-​Żgħażagħ, kien diffiċli li nsib xogħol. Iżda fl-​aħħar mill-​aħħar, qabbduni bħala ħaddied apprentist. Meta bdiet il-​gwerra, intqal ħafna talb fil-​knisja għal Hitler u għat-​truppi Ġermaniżi. Bejni u bejn ruħi ddubitajt jekk min-​naħa l-​oħra kienx qed jintqal l-​istess talb għal rebħa.

Is-​Servizz fil-​Flotta Ġermaniża

F’Diċembru 1941, inktibt fil-​Flotta Ġermaniża, u kmieni fl-​1942, intbgħatt lejn il-​kosta Norveġiża biex naqdi fuq vapur taʼ tkixxif. Konna inkarigati f’servizz taʼ skorta bejn Trondheim u Oslo, billi konna nakkumpanjaw vapuri li kienu jġorru truppi, armi, jew merkanzija. Kien waqt li kont fuq il-​baħar li smajt lil żewġ baħrin jitkellmu dwar tmiem id-​dinja kif bassret il-​Bibbja. Għalkemm beżgħu jitkellmu fil-​beraħ, qaluli li l-​ġenituri tagħhom kienu mseħbin max-​Xhieda taʼ Jehovah imma li huma ma kinux segwew l-​eżempju tagħhom. Din kienet l-​ewwel darba li smajt bix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Fi tmiem il-​gwerra, l-​Ingliżi ħaduna priġunieri u tawna f’idejn l-​Amerikani biex nerġgħu nintbagħtu lura l-​Ġermanja. Dawk minna li djarna kienu issa fiż-​żona Sovjetika ntbagħtu f’kamp taʼ priġunerija f’Liévin, fit-​Tramuntana taʼ Franza, biex naħdmu fil-​minjieri tal-​faħam. Dan kien f’Awissu 1945. Niftakarni nsaqsi lil wieħed mill-​gwardji Franċiżi tiegħi x’kienet ir-​reliġjon tiegħu. “Kattoliku,” weġibni. Peress li jien ukoll kont Kattoliku, staqsejtu x’konna għamilna lil xulxin. “Għalxejn noqogħdu nipprovaw nifhmu. Hekk isiru l-​affarijiet,” kienet it-​tweġiba tiegħu. Għalija kien bla sens li nies taʼ l-​istess reliġjon jiġġieldu u joqtlu wieħed lill-​ieħor.

Xaqq taʼ Dawl f’Minjiera tal-​Faħam

Fl-​ewwel jum tiegħi fil-​minjiera flimkien maʼ minaturi oħrajn, ċertu Evans Emiot tani ftit mill-​ħobż li kellu. Oriġinalment hu kien minn Ohio, fl-​Istati Uniti, imma kien għex fi Franza għal bosta snin. Kellimni dwar dinja fejn ma kienx se jkun hemm iktar gwerer. L-​attitudni taʼ qalb tajba tiegħu ġabitli għajnejja wara widnejja. Ma kienx jobgħodni, avolja jien kont Ġermaniż u hu kien Amerikan. Ma ltqajniex iżjed sal-​bidu tas-​sena 1948 meta tani l-​ktejjeb intitolat “The Prince of Peace.” Hawnhekk sa fl-​aħħar tgħallimt dwar Alla taʼ tjubija li jobgħod il-​gwerer​—it-​tip t’Alla li kont immaġinajt jien waqt li kont qed inħares lejn l-​awrora boreali. Kont iddeterminat li nsib ir-​reliġjon li kienet tgħallem dan. Imma peress li Evans kien jaħdem f’parti oħra tal-​minjiera, ma stajtx nikkuntattjah. Dort il-​gruppi reliġjużi differenti kollha fil-​kamp taʼ priġunerija, insaqsi jekk kinux jafu xi ħaġa dwar il-​ktejjeb, imma kollu għalxejn.

Fl-​aħħar, f’April 1948, inħlist mill-​kamp taʼ priġunerija u sirt ħaddiem ħieles. Il-​Ħadd taʼ wara, inħsadt hekk kif smajt qanpiena żgħira ċċempel fit-​triq. Kemm fraħt meta rajt lil Evans! Kien maʼ grupp taʼ Xhieda taʼ Jehovah lebsin il-​kartelluni li kienu jħabbru t-​titlu taʼ taħdita pubblika. Ix-​Xhud li beda jċempel il-​qanpiena kien Marceau Leroy, li issa huwa membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa fi Franza. Introduċewni maʼ Joseph Kulczak, Pollakk jitkellem bil-​Ġermaniż, li kien sofra fil-​kampijiet tal-​konċentrament minħabba l-​fidi tiegħu. Hu stedinni mmur għal-​laqgħa dik il-​lejla. Ma tantx fhimt minn dak li ntqal, imma meta kulmin kien preżenti għolla idu, saqsejt lil min kien hemm maġenbi għala kienu qed jagħmlu hekk. “Dawn huma l-​uħud li l-​ġimgħa d-​dieħla jistgħu jmorru Dunkerque biex jippridkaw.” “Nistaʼ niġi?” staqsejtu. “Dażgur li tistaʼ!” kienet it-​tweġiba. Għalhekk il-​Ħadd taʼ wara sibt ruħi nippriedka minn dar għal dar. Għalkemm mhux maʼ kulmin iltqajna qabel magħna, jien ħadt pjaċir u malajr bdejt nippriedka regolarment.

Tgħallimt Nikkontrolla t-​Tempra

Ftit wara, ix-​Xhieda bdew jippridkaw fil-​kwartieri fejn kienu joqogħdu l-​ħabsin Ġermaniżi meħlusin. Dan ma kienx faċli għalija, peress li hemmhekk kienu jafuni bħala li kelli demmi sħun. Meta xi ħadd ma kienx jiħodni bis-​serjetà, kont nheddu billi ngħidlu: “Jekk ma toqgħodx attent, se jarralek.” Darba, waqt li kont qed naħdem fil-​minjiera, saħansitra tajt daqqa taʼ ponn lil xi ħadd li beda jżeblaħ lil Jehovah.

Madankollu, bil-​għajnuna taʼ Jehovah, irnexxieli nagħmel bidla fil-​personalità tiegħi. Darba minnhom, waqt li konna qed nippridkaw f’dawn il-​kwartieri, grupp taʼ rġiel li kienu xorbu qatra alkoħol żejda kienu qed joħolqu l-​inkwiet lil xi Xhieda. Billi kienu jafu li kien jitlagħli malajr, l-​aħwa li kont magħhom ipprovaw iwaqqfuni biex ma nindaħalx, imma wieħed mill-​irġiel ġie lejja jheddidni u beda jinżaʼ l-​ġakketta. Inżilt minn fuq ir-​rota tiegħi, tajthielu biex iżommha, u daħħalt idejja fil-​bwiet. Tant baqaʼ mbellah b’dan, li qagħad jismaʼ dak li kelli ngħid. Għedtlu biex imur jorqod id-​dar u mbagħad jiġi għat-​taħdita pubblika. Hekk ġara, fit-​3:00 p.m., hemm kien! Fl-​aħħar mill-​aħħar, madwar 20 li qabel kienu ħabsin aċċettaw il-​messaġġ. Inkwantu għalija, jien tgħammidt f’Settembru 1948.

Skeda Imborġata imma Premjanti

Ngħatajt ir-​responsabbiltà li nieħu ħsieb it-​territorji li kellna nippridkaw fihom u li nsib postijiet fejn stajna nagħtu t-​taħditiet pubbliċi. Minħabba f’hekk xi kultant kelli nivvjaġġa madwar 50 kilometru fuq il-​mutur żgħir tiegħi, qabel ma kont immur naħdem l-​aħħar xift fil-​minjieri. Imbagħad fi tmiem il-​ġimgħa, konna mmorru fuq it-​territorju bil-​karozza tal-​linja u nniżżlu żewġ pubblikaturi jew erbgħa flimkien mal-​kelliemi. Fi bliet akbar, meta konna nsibu lok addattat, konna nqiegħdu l-​bagalji tagħna fuq xulxin biex nużawhom bħala l-​leġiju tal-​kelliemi. Taʼ sikwit, konna nilbsu l-​kartelluni biex nirriklamaw it-​tema tat-​taħdita pubblika li konna nistiednu n-​nies għaliha.

Kien fl-​1951 li ltqajt maʼ Jeannette Chauffour, Xhud minn Reims. Mill-​ewwel irbatna qalbna maʼ xulxin, u sena wara, fis-​17 taʼ Mejju, 1952, iżżewwiġna. Morna noqogħdu Pecquencourt, belt fejn kien hemm minjiera ħdejn Douai. Madankollu, malajr bdew jinqalgħuli problemi tas-​saħħa. Sabu li kelli silicosis, marda respiratorja kkaġunata minħabba li kont naħdem fil-​minjieri, imma ma stajt insib l-​ebda tip taʼ xogħol ieħor. Allura meta fl-​1955, matul l-​assemblea internazzjonali f’Nuremburgu, il-​Ġermanja, intlabna ngħinu lil kongregazzjoni żgħira f’Kehl, belt ċkejkna industrijali fuq ix-​xmara Renu, ma kellna xejn x’iżommna milli mmorru hemmhekk. F’dak iż-​żmien, kien hemm biss 45 pubblikatur fil-​kongregazzjoni. Matul is-​sebaʼ snin taʼ wara li ħdimna maʼ din il-​kongregazzjoni, l-​għadd taʼ pubblikaturi żdied għal 95.

Iktar Privileġġi taʼ Servizz

Meta rajna li l-​kongregazzjoni kienet stabbilita fis-​sod, tlabna lis-​Soċjetà biex tagħtina inkarigu fi Franza bħala pijunieri speċjali. Kienet sorpriża kbira għalina li ġejna assenjati f’Pariġi. It-​tmien xhur li qattajna hemmhekk kienu mimlijin ferħ kbir. Bejnietna, Jeannette u jien kellna l-​privileġġ li nikkonduċu 42 studju tal-​Bibbja. Ħamsa mill-​istudenti tagħna tgħammdu waqt li konna hemm, u 11 oħra aċċettaw il-​verità wieħed wara l-​ieħor.

Peress li konna ngħixu fil-​Kwartier Latin, ħafna drabi konna niltaqgħu maʼ professuri minn Sorbonne. Professur tal-​filosofija rtirat li kien jipprattika l-​fejqan bil-​fidi studja l-​Bibbja u eventwalment sar Xhud taʼ Jehovah. Jum wieħed bdejt diskussjoni tal-​Bibbja maʼ inġinier ċivili li kellu kuntatt mill-​qrib m’għalliema Ġiżwiti. Ġie fl-​appartament tagħna fit-​tlieta taʼ wara nofsinhar u telaq fl-​għaxra taʼ bil-​lejl. Bqajna mnixxfin meta rajnieh reġaʼ ġej siegħa u nofs wara. Kien tkellem maʼ Ġiżwita li ma setax iweġiblu l-​mistoqsijiet tiegħu dwar il-​profeziji tal-​Bibbja. Fis-​siegħa taʼ fil-​għodu, mar id-​dar, imma reġaʼ ġie lura fis-​sebgħa. Maż-​żmien, hu wkoll sar Xhud taʼ Jehovah. Għatx bħal dan għall-​verità kien taʼ inkuraġġiment kbir għalija u għal marti.

Wara li qdejt f’Pariġi, stednuni naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa fil-​Lvant taʼ Franza. Kien veru taʼ ferħ għalina li nżuru l-​kongregazzjonijiet tal-​lingwa Franċiża u Ġermaniża biex insaħħu lill-​aħwa. Waqt li konna qed inżuru l-​kongregazzjoni taʼ Rombas, f’Lorraine, iltqajt maʼ Stanilas Ambroszcack. Kien Pollakk li kien qeda f’sottomarin taʼ l-​Alleati matul il-​gwerra u kien iġġieled f’ibħra Norveġiżi. Konna fuq in-​naħa opposta taʼ xulxin waqt li konna qed inbaħħru fl-​istess ibħra. Issa sirna aħwa naħdmu flimkien biex naqdu lil Alla tagħna, Jehovah. F’okkażjoni oħra f’assemblea ġo Pariġi, ilmaħt lil xi ħadd li għaraftu. Kien il-​kmandant tal-​kamp fejn kont ħabsi fit-​Tramuntana taʼ Franza. Qalbna riedet tfur bil-​ferħ waqt li konna qed naħdmu flimkien matul il-​konvenzjoni! Daqshekk hi qawwija l-​Kelma t’Alla li lil dawk li jkunu għedewwa tittrasformahom f’aħwa u fi ħbieb intimi!

B’dispjaċir kbir, wara 14-il sena fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar, kelli nieqaf minħabba li saħħti bdiet tbatti. Madankollu, jien u marti konna ddeterminati li nkomplu naqdu lil Jehovah bl-​aqwa mod li stajna. Għalhekk, sibna post fejn noqogħdu u impjieg fil-​belt taʼ Mulhouse, fil-​Lvant taʼ Franza, u sirna pijunieri (evanġelizzaturi full-time).

Raġuni oħra għal ferħ kbir matul is-​snin kien l-​involviment tiegħi fil-​bini tas-​Swali tas-​Saltna. Fl-​1985, intlabt norganizza tim tal-​bini għal-​Lvant taʼ Franza. Billi wżajna ħaddiema tas-​sengħa u billi ħarriġna lil volontieri disposti, konna kapaċi nifformaw tim li pparteċipa fil-​bini u fir-​rinnovazzjoni taʼ iktar minn 80 sala, billi għamilniehom addattati għall-​qima taʼ Jehovah. U kemm kont ferħan, fl-​1993, li naħdem fil-​bini taʼ Sala taʼ l-​Assemblea u ħames Swali tas-​Saltna fil-​Gujana Franċiża, fl-​Amerka t’Isfel!

Nimxi ’l Quddiem Minkejja l-​Provi

Nistaʼ ngħid fiż-​żgur li matul dawn l-​aħħar 50 sena t’attività teokratika, ħajti kienet mimlija ferħ kbir u privileġġi taʼ servizz. B’sogħba kbira, f’Diċembru 1995 l-​għażiża marti, li kont qattajt 43 sena magħha, mietet. Fil-​waqt li dan kien żmien taʼ swied il-​qalb kbir​—u għadni nħoss qalbi tingħasar sal-​lum—​Jehovah jagħtini l-​qawwa, u ħuti spiritwali tawni mħabbithom u l-​appoġġ tagħhom li jtaffu kemxejn l-​uġigħ hekk kif jgħaddi ż-​żmien.

Għadni niftakar sew il-​kliem taʼ wieħed ħu midluk f’assemblea fi Munich, il-​Ġermanja, fl-​1963. “André,” qalli hu, “tħarisx lejn ix-​xellug jew lejn il-​lemin. L-​aħwa fil-​kampijiet tal-​konċentrament ġarrbu provi. Issa jiddependi minna biex inkomplu. Qatt m’għandna nitħassru lilna nfusna. Mela kompli miexi ’l quddiem!” Dan dejjem żammejtu f’moħħi. Issa li ma tantx għadni nistaʼ nagħmel wisq minħabba n-​nuqqas taʼ saħħa u x-​xjuħija, il-​kliem taʼ Lhud 6:10 huwa sors taʼ faraġ il-​ħin kollu għalija: “Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-​imħabba li wrejtu lejn ismu.” Iva, ix-​xogħol fis-​servizz taʼ Jehovah huwa l-​akbar privileġġ li wieħed jistaʼ jkollu. Għal dawn l-​aħħar 50 sena, il-​mira tiegħi kienet, u għadha, li nkun “ħaddiem li m’għandux mniex jistħi.”—2 Timotju 2:15.

[Stampa f’paġna 22]

It-​tip taʼ dgħajsa li kont naħdem fuqha fil-​fjords tan-​Norveġja

[Stampa f’paġna 23]

Nippridkaw bir-​rota fit-​Tramuntana taʼ Franza

[Stampa f’paġna 23]

Bagalji fuq xulxin servew bħala l-​leġiju tal-​kelliemi għat-​taħdita pubblika

[Stampi f’paġna 24]

Maʼ marti, Jeannette, fit-​tieġ tagħna fl-​1952

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja