LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 2/1 pp. 25-29
  • Nithennew f’Jehovah Minkejja l-Provi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nithennew f’Jehovah Minkejja l-Provi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Bidu Ċkejken
  • Iktar Provi u Ferħ
  • Avvanzi Teokratiċi fil-​Gżira
  • Magħmudija u Progress Stabbli
  • L-​Assemblea Eċċitanti “Rieda Divina”
  • Nilħaq il-​Mira tas-​Servizz Full-Time
  • Barkiet Għonja fil-​Passat u fil-​Futur
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 2/1 pp. 25-29

Nithennew f’Jehovah Minkejja l-​Provi

KIF IRRAKKONTAT MINN GEORGE SCIPIO

F’Diċembru taʼ l-​1945, kont ninsab f’sala ġo sptar, ipparalizzat kompletament ħlief għal idejja u saqajja. Kont naħseb li l-​kundizzjoni tiegħi kienet temporanja, imma oħrajn kienu jiddubitaw jekk kontx għad nerġaʼ nimxi. Xi prova kienet din għal ġuvni attiv taʼ 17-il sena! Ma ridtx naċċettaha li forsi qatt ma kont se nimxi iktar. Kelli tant pjanijiet għall-​futur, inkluż li s-​sena taʼ wara mmur sa l-​Ingilterra maʼ l-​imgħallem tiegħi.

SFAJT vittma t’epidemija taʼ poljomijelite li ħakmet il-​gżira taʼ Santa Elena, fejn noqogħdu. Din l-​epidemija qatlet 11-il ruħ u ħalliet partita nies immankati. Waqt li kont mixħut fis-​sodda, kelli ħafna ħin biex nirrifletti fuq il-​ħajja qasira tiegħi u fuq il-​futur tiegħi. Jien u nagħmel dan, bdejt nirrealizza li minkejja s-​sofferenza tiegħi, kelli għalfejn inkun hieni.

Bidu Ċkejken

Fl-​1933, meta kien għad għandi ħames snin, missieri, Tom, li kien pulizija u djaknu fil-​Knisja Battista, iddobba xi kotba llegati mingħand tnejn mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Huma kienu evanġelizzaturi full-time, jew pijunieri, li żaru l-​gżira għal perijodu qasir taʼ żmien.

Wieħed mill-​kotba kien jismu The Harp of God. Missieri kien jużah biex jistudja l-​Bibbja mal-​familja tagħna u maʼ diversi individwi interessati. Kien materjal profond, u ftit li xejn kont nifhmu. Imma niftakarni nimmarka kull skrittura li konna niddiskutu fil-​kopja tiegħi tal-​Bibbja. Missieri malajr irrealizza li dak li konna qegħdin nistudjaw kien il-​verità u li kien differenti minn dak li hu kien jippriedka fil-​Knisja Battista. Beda jgħid lil oħrajn dwaru u jippriedka minn fuq il-​pulptu li m’hemm ebda Trinità, ebda nar taʼ l-​infern, u ebda ruħ immortali. Dan qajjem ferment sħiħ fil-​knisja.

Eventwalment, biex jipprovaw jissetiljaw il-​kwistjoni, iddeċidew li jagħmlu laqgħa. Staqsew il-​mistoqsija, “Min hu man-​naħa tal-​Battisti?” Il-​maġġuranza qamu bil-​wieqfa. Il-​mistoqsija li jmiss kienet, “Min hu man-​naħa taʼ Jehovah?” Kien hemm xi 10 jew 12 li qamu. Dawn intalbu biex jitilqu mill-​knisja.

Dan kien il-​bidu ċkejken taʼ reliġjon ġdida f’Santa Elena. Missieri kkuntattja lill-​kwartieri ġenerali tal-​Watch Tower Society fl-​Istati Uniti u talab biex tintbagħtilna magna tat-​traskrizzjoni ħalli nsemmgħu xi taħditiet Bibliċi rrekordjati lill-​pubbliku. Qalulu li l-​magna kienet kbira wisq biex tintbagħat Santa Elena. Intbagħat fonografu iżgħar, u iktar tard, l-​aħwa ordnaw tnejn oħra. Kienu jduru mal-​gżira kollha bil-​mixi jew fuq xi ħmar, iġorru l-​messaġġ lin-​nies.

Hekk kif infirex il-​messaġġ, infirxet ukoll l-​oppożizzjoni. Fl-​iskola fejn kont immur, it-​tfal kienu jkantaw: “Ejjew isimgħu, ejjew isimgħu, lil Tommy Scipio u l-​banda tiegħu!” Din kienet prova ħarxa għalija, tifel taʼ l-​iskola li ried l-​approvazzjoni taʼ dawk taʼ mparu. X’kien dak li għeni nissaporti?

Fil-familja kbira tagħna​—taʼ sitt itfal—​konna nagħmlu studju tal-​Bibbja bħala familja regolarment. Konna wkoll naqraw il-​Bibbja flimkien kull fil-​għodu qabel nieħdu l-​kolazzjon. Bla dubju dan kien strumentali f’li jgħin lill-​familja tagħna tibqaʼ leali fil-​verità matul is-​snin. Jien personalment tgħallimt inħobb il-​Bibbja sa minn meta kont għadni ċkejken, u matul is-​snin bqajt inżomm id-​drawwa li naqraha regolarment. (Salm 1:1-3) Sakemm spiċċajt l-​iskola, meta kelli 14-il sena, kont issodajt sew fil-​verità, u f’qalbi kelli l-​biżaʼ taʼ Jehovah. Minħabba f’dan stajt nithenna f’Jehovah minkejja dawk il-​provi.

Iktar Provi u Ferħ

Hekk kif kont mixħut fis-​sodda naħseb f’dawk is-​snin bikrin u fil-​prospetti tiegħi għall-​futur, kont naf mill-​istudju tiegħi tal-​Bibbja, li din il-​marda ma kinitx xi test jew kastig mingħand Alla. (Ġakbu 1:12, 13) Minkejja dan, il-​poljo kien prova kbira għalija, u kont se nibqaʼ nbati mill-​effetti tiegħu għall-​bqija taʼ ħajti.

Jien u nirkupra, kelli nerġaʼ nitgħallem nimxi. Tlift ukoll l-​użu taʼ xi muskoli f’dirgħajja. Tgħidx kemm-il darba kont naqaʼ kuljum. Madankollu, b’talb ħerqan u sforz kontinwu, sa l-​1947 kont nistaʼ nimxi bil-​bastun.

Kien f’dan iż-​żmien li ħadt grazzja maʼ tfajla jisimha Doris, li kellha l-​istess twemmin reliġjuż tiegħi. Konna għadna żgħar wisq biex naħsbu għaż-​żwieġ, imma kelli inċentiv biex nagħmel iktar progress fil-​mixi. Barra minn hekk, tlaqt l-​impjieg li kelli għax is-​salarju ma kienx biżżejjed biex nipprovdi għall-​mara wkoll, u ftaħt klinika dentali, li fiha ħdimt matul is-​sentejn taʼ wara. Iżżewwiġna fl-​1950. Sa dakinhar kont qlajt flus biżżejjed biex nixtri karozza żgħira. Issa stajt inwassal lill-​aħwa għal-​laqgħat u għas-​servizz taʼ l-​għalqa.

Avvanzi Teokratiċi fil-​Gżira

Fl-​1951, is-​Soċjetà bagħtitilna l-​ewwel rappreżentant tagħha. Dan kien Jacobus van Staden, żagħżugħ mill-​Afrika t’Isfel. Konna għadna kif morna noqogħdu f’dar kbira, u għalhekk stajna nżommuh għandna għal sena sħiħa. Peress li kont naħdem għal rasi, stajna nqattgħu ħafna ħin flimkien fis-​servizz taʼ l-​għalqa, u ħadt ħafna taħriġ siewi mingħandu.

Jacobus, jew Koos, kif konna nsibuh, organizza laqgħat regulari tal-​kongregazzjoni, li lkoll kemm aħna konna nieħdu gost nattendu għalihom. Kellna problema taʼ trasport għaliex minn dawk kollha li kienu interessati, tnejn biss kellhom karozza. L-​art hija mħarbta u kollha tlajjaʼ, u ftit kien hemm toroq tajbin dak iż-​żmien. B’hekk, kienet biċċa xogħol mhux ħażin biex kulħadd jasal għal-​laqgħat. Xi wħud kienu jibdew jimxu minn fil-​għodu kmieni. Jien kont inrikkeb tlieta fil-​karozza żgħira tiegħi, u nwassalhom nofs triq. Huma kienu jinżlu u jimxu l-​bqija tat-​triq. Jien kont indur lura, inrikkeb tlieta oħra, inwassalhom nofs triq u nerġaʼ lura. Eventwalment, b’dan il-​mod, kollha konna naslu għal-​laqgħa. Wara li tispiċċa l-​laqgħa, konna nużaw l-​istess proċedura biex kulħadd jasal id-​dar.

Koos għallimna wkoll kif nagħmlu preżentazzjonijiet effettivi fuq il-​bibien. Kellna ħafna esperjenzi tajbin u oħrajn li ma kinux daqshekk tajbin. Imma l-​ferħ li kien iġibilna l-​ministeru taʼ l-​għalqa kien jisboq il-​provi kollha li ġabu fuqna dawk li kienu jopponu l-​attività taʼ ppridkar tagħna. Għodwa waħda kont qed naħdem maʼ Koos. Hekk kif ersaqna lejn bieb minnhom, smajna leħen fuq ġewwa. Wieħed raġel kien qed jaqra jgħajjat mill-​Bibbja. Stajna nisimgħu sewwa l-​kliem familjari taʼ Isaija kapitlu 2. Meta wasal f’vers 4, ħabbattna. Raġel xwejjaħ u dħuli stedinna nidħlu, u aħna wżajna Isaija 2:4 biex nispjegawlu l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Bdejna studju tal-​Bibbja miegħu avolja kien jgħix f’post li kien verament diffiċli biex tasal fih. Kellna ninżlu niżla wieqfa, naqsmu xmara żgħira minn fuq ringiela ġebel, nitilgħu telgħa oħra, u mbagħad ninżlu għal ħdejn id-​dar tiegħu. Imma kien jiswieh l-​isforz li għamilna. Dan ix-​xwejjaħ ġwejjed aċċetta l-​verità u tgħammed. Biex jiġi għal-​laqgħat, kellu jimxi b’żewġ bsaten sal-​post minn fejn stajt ngħaddi għalih u nwasslu l-​kumplament tat-​triq bil-​karozza. Hu baqaʼ Xhud leali sa ma miet, xi żmien wara.

Il-kummissarju tal-​pulizija kien jopponi x-​xogħol tagħna u ripetutament kien jhedded li lil Koos jiddeportah. Darba fix-​xahar kien jibgħat għal Koos biex jinterrogah. Il-​fatt li Koos dejjem kien jagħtih tweġibiet diretti mill-​Bibbja kien iġagħlu jobgħodna saħansitra iktar. Kull darba kien iwissi lil Koos biex jieqaf jippriedka, imma kull darba kien jispiċċa jieħu xiehda. Kompla jopponi x-​xogħol tagħna anki wara li Koos telaq minn Santa Elena. Imbagħad, il-​kummissarju, raġel b’saħħtu, mibni b’saffejn, f’daqqa waħda marad u tgħidx kemm għolob. It-​tobba ma setgħux isibu x’kellu. B’riżultat taʼ dan, hu telaq mill-​gżira.

Magħmudija u Progress Stabbli

Wara li Koos kien ilu xi tliet xhur fil-​gżira, ħass li kien xieraq li ssir magħmudija. Kien diffiċli li nsibu post addattat fejn issir. Iddeċidejna li nħaffru ħofra kbira, niksuha bis-​siment, u nġorru l-​ilma biex nimlewha. Lejliet il-​magħmudija, għamlet ix-​xita, u l-​għada fil-​għodu fraħna mhux ftit meta sibna l-​ħofra mimlija sax-​xifer.

Il-Ħadd fil-​għodu Koos ta t-​taħdita tal-​magħmudija. Meta staqsa lill-​kandidati għall-​magħmudija biex iqumu bil-​wieqfa, kien hemm 26 minna li qamu biex iwieġbu l-​mistoqsijiet tas-​soltu. Kellna l-​privileġġ li nkunu l-​ewwel Xhieda li tgħammidna fil-​gżira. Dan kien l-​isbaħ jum taʼ ħajti għaliex dejjem kont ninkwieta li tilħaq tiġi Armageddon qabel ma nkun tgħammidt.

Eventwalment ġew ifformati żewġ kongregazzjonijiet, waħda f’Levelwood u waħda f’Jamestown. Kull ġimgħa, tlieta jew erbgħa minna konna nivvjaġġaw 13-il kilometru sa kongregazzjoni minnhom biex nikkonduċu l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku u l-​Laqgħa tas-​Servizz is-​Sibt fil-​għaxija. Wara s-​servizz taʼ l-​għalqa, il-​Ħadd fil-​għodu, konna nerġgħu lura u nagħmlu l-​istess laqgħat, kif ukoll l-​Istudju tat-​Torri taʼ l-​Għassa, fil-​kongregazzjoni tagħna wara nofsinhar u fil-​għaxija. Għalhekk, tmiem il-​ġimgħa dejjem kien ikun mimli daqs bajda b’attivitajiet teokratiċi taʼ ferħ. Kont nixxennaq biex nagħmel ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar full-time, imma kelli familja x’immantni. Għalhekk, fl-​1952, erġajt dħalt mal-​gvern bħala dentist full-time.

Fl-1955, fil-​gżira beda jkollna żjarat kull sena minn rappreżentanti li jivvjaġġaw tas-​Soċjetà, imsejħin indokraturi tas-​circuit, u dawn kienu joqogħdu għandi għal parti miż-​żjara tagħhom. Kellhom influwenza pożittiva fuq il-​familja tagħna. Dik il-​ħabta, kelli wkoll il-​privileġġ li nieħu sehem f’li nuru t-​tliet films tas-​Soċjetà lin-​nies madwar il-​gżira.

L-​Assemblea Eċċitanti “Rieda Divina”

Fl-​1958, sabiex inkun nistaʼ nattendi għall-​Assemblea Internazzjonali “Rieda Divina” fi New York, għal darb’oħra rtirajt minn mal-​gvern. Dik l-​assemblea kienet pass sinjifikanti f’ħajti​—opportunità li tatni ħafna raġunijiet biex nithenna f’Jehovah. Minħabba n-​nuqqas taʼ trasport regulari lejn il-​gżira, domna ħames xhur u nofs ma rġajna lura. L-​assemblea damet tmint ijiem, u s-​sessjonijiet kienu jdumu mid-​disgħa taʼ fil-​għodu sad-​disgħa taʼ fil-​għaxija. Imma qatt ma kont negħja, u kont inħares ’il quddiem lejn kull ġurnata. Kelli l-​privileġġ li nirrappreżenta lill-​gżira taʼ Santa Elena għal żewġ minuti fil-​programm. Kemm ħassejtni beżgħan meta ġejt biex nindirizza l-​folol kbar fil-​Yankee Stadium u l-​Polo Grounds.

L-assemblea saħħet id-​determinazzjoni tiegħi biex inkun pijunier. It-​taħdita pubblika “Is-​Saltna t’Alla Qiegħda Taħkem​—Huwa Qrib Tmiem id-​Dinja?,” kienet inkuraġġanti b’mod partikulari. Wara l-​assemblea, żorna l-​kwartieri ġenerali tas-​Soċjetà fi Brooklyn u dawruna mal-​fabbrika. Tkellimt maʼ Ħuna Knorr, li dak iż-​żmien kien il-​president tal-​Watch Tower Society, dwar il-​progress tax-​xogħol f’Santa Elena. Hu qal li kien jixtieq iżur il-​gżira tagħna xi darba. Aħna ħadna lura t-​taħditiet kollha rrekordjati kif ukoll il-​film li konna ġbidna fl-​assemblea biex insemmgħuhom u nuruhom lill-​familja u lill-​ħbieb tagħna.

Nilħaq il-​Mira tas-​Servizz Full-Time

Meta rġajt lura, reġgħu offrewli l-​impjieg li kelli qabel, għax ma kienx hemm dentist fil-​gżira. Madankollu, jien spjegajt li kelli l-​intenzjoni li nidħol fil-​ministeru full-time. Wara li domna niddiskutu ħafna, qbilna li stajt naħdem tlett ijiem fil-​ġimgħa, imma b’salarju ogħla minn dak li kelli meta kont naħdem sitt ijiem fil-​ġimgħa. Rajt kemm dan il-​kliem taʼ Ġesù huwa minnu: “Mela fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:33) Ma kienx dejjem faċli għalija li nivvjaġġa fuq l-​art kollha tlajjaʼ tal-​gżira peress li saqajja kienu ddgħajfu. Minkejja dan, għamilt ix-​xogħol taʼ pijunier għal 14-il sena u stajt ngħin lil ħafna abitanti tal-​gżira jitgħallmu l-​verità​—xi ħaġa li ċertament ġabitli ħafna ferħ.

Fl-1961, il-​gvern ried jibgħatni fil-​Gżejjer Fiġi biex nieħu kors taʼ taħriġ bla ħlas ħalli b’hekk insir dentist ikkwalifikat. Saħansitra offrewli li jibagħtu lill-​familja miegħi. Din kienet tentazzjoni kbira għalija, imma wara li kkunsidrajtha bis-​serjetà, irrifjutajtha. Ma ridtx nitlaq lill-​aħwa għal perijodu taʼ żmien daqshekk twil u nċedi l-​privileġġ li naqdi flimkien magħhom. L-​uffiċjal mediku prinċipali li kien organizza dan il-​vjaġġ kien l-​iktar wieħed li ħadha bi kbira. Hu qalli: “Jekk taħseb li t-​tmiem hu daqshekk qrib, sadattant xorta tistaʼ tużahom il-​flus li se taqlaʼ.” Imma jien żammejt sod.

Is-sena taʼ wara stednuni mmur l-​Afrika t’Isfel biex nattendi l-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna, kors taʼ taħriġ għall-​indokraturi tal-​kongregazzjoni, li jdum xahar. Ngħatajna istruzzjoni siewja li għenitna nieħdu ħsieb l-​inkarigi tal-​kongregazzjoni b’mod iktar effettiv. Wara l-​iskola, ħadt iktar taħriġ billi ħdimt maʼ indokratur li jivvjaġġa. Imbagħad, domt iktar minn għaxar snin naqdi bħala sostitut għall-​indokratur tas-​circuit għaż-​żewġ kongregazzjonijiet f’Santa Elena. Maż-​żmien, beda jkun hemm iktar aħwa kkwalifikati, u kulħadd beda jaqdi meta kien imissu.

Sadattant, minn Jamestown konna morna noqogħdu Levelwood, fejn kien hemm bżonn akbar, u bqajna hemm għal għaxar snin. Matul dan il-​perijodu, kont qed naħdem bla waqfien u ftit li xejn kont qed nistrieħ​—kont pijunier, kont naħdem tlett ijiem fil-​ġimgħa, u kelli wkoll ħanut żgħir tal-​merċa. Barra minn hekk, kont nieħu ħsieb xi affarijiet tal-​kongregazzjoni, u jien u marti kellna familja taʼ erbat itfal x’inrabbu u dawn kienu qed jikbru ġmielhom. Biex inkampaw, tlaqt l-​impjieg taʼ tlett ijiem fil-​ġimgħa, wellejt il-​ħanut, u ħadt il-​familja kollha sa Cape Town, fl-​Afrika t’Isfel, għal btala taʼ tliet xhur. Imbagħad morna noqogħdu fil-​gżira taʼ Ascension u bqajna hemmhekk għal sena. Matul dak il-​perijodu, stajna ngħinu lil ħafna wħud jiksbu għarfien eżatt tal-​verità tal-​Bibbja.

Malli rġajna lura lejn Santa Elena, għal darb’oħra morna noqogħdu Jamestown. Irranġajna dar li kienet tinfed mas-​Sala tas-​Saltna. Biex ikollna x’nieklu, jien u ibni John bdilna trakk Ford u għamilnieh vann biex inbigħu l-​ġelat, u domna nagħmlu hekk għall-​ħames snin taʼ wara. Ftit wara li bdejna dan ix-​xogħol, kelli aċċident bil-​vann. Dan inqaleb, u saqajja nqabdu taħtu. B’riżultat taʼ dan, in-​nervituri taʼ taħt irkobbtejja tmewtu, u domt tliet xhur biex nirkupra.

Barkiet Għonja fil-​Passat u fil-​Futur

Matul is-​snin, kellna ħafna barkiet​—iktar raġunijiet biex nithennew. Waħda minn dawn kienet il-​mawra tagħna fl-​Afrika t’Isfel biex nattendu konvenzjoni nazzjonali fl-​1985 u biex inżuru d-​dar Betel il-​ġdida, li kienet għadha qed tinbena. Barka oħra kienet li kelli sehem żgħir, flimkien maʼ ibni John, fil-​bini taʼ Sala taʼ l-​Assemblea sabiħa ħdejn Jamestown. Aħna ferħanin ukoll li tlieta minn uliedna qegħdin jaqdu bħala anzjani, u wieħed min-​neputijiet tagħna qed jaqdi fil-​Betel taʼ l-​Afrika t’Isfel. U ċertament li kellna ħafna ferħ u sodisfazzjon f’li ngħinu lil ħafna jiksbu għarfien eżatt tal-​Bibbja.

L-għalqa tal-​ministeru tagħna hija limitata, għandna biss xi 5,000 ruħ fit-​territorju tagħna. Minkejja dan, il-​fatt li naħdmu l-​istess territorju darba wara l-​oħra pproduċa riżultati mill-​aħjar. Ftit ferm huma n-​nies li jkunu psataż magħna. Santa Elena hija magħrufa għall-​abitanti dħulin tagħha, u tmur fejn tmur, dawn dejjem se jagħtuk merħba​—sew jekk tkun miexi fit-​triq u sew jekk tkun għaddej bil-​karozza. L-​esperjenza tiegħi kienet li iktar ma ssir taf lin-​nies, iktar isir faċli li tagħtihom xiehda. Issa għandna 150 pubblikatur, avolja ħafna marru joqogħdu f’pajjiż ieħor.

Issa li t-​tfal kollha tagħna kibru u telqu mid-​dar, jien u marti rġajna sibna ruħna waħedna, wara 48 sena taʼ żwieġ. L-​imħabba u l-​appoġġ leali tagħha matul dawn is-​snin kollha għenuni nkompli naqdi lil Jehovah bil-​ferħ minkejja l-​provi. Is-​saħħa fiżika tagħna qed tmajna, imma s-​saħħa spiritwali tagħna qiegħda tiġi mġedda kuljum. (2 Korintin 4:16) Jien, flimkien mal-​familja u l-​ħbieb tiegħi, inħares ’il quddiem lejn futur meraviljuż meta fiżikament se niġġedded u nsir saħansitra aħjar milli kont meta kelli 17-il sena. L-​akbar xewqa li għandi hi li ngawdi l-​perfezzjoni f’kull sens u li fuq kollox, naqdi lil Alla tagħna, Jehovah, li tant iħobbna u jimpurtah minna, u lis-​Sultan renjanti tiegħu, Ġesù Kristu, għal dejjem.—Neħemija 8:10.

[Stampa f’paġna 26]

George Scipio u tlieta minn uliedu, li qegħdin jaqdu bħala anzjani

[Stampa f’paġna 29]

George Scipio flimkien maʼ martu, Doris

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja