It-Triq taʼ l-Imħabba Qatt Ma Tintemm
“Intom ħabirku għal doni ogħla. Imma jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll.”—1 KORINTIN 12:31.
1-3. (a) Li titgħallem kif tesprimi l-imħabba kif inhu ftit jew wisq bħal meta titgħallem xi lingwa oħra? (b) Liema fatturi jistgħu jagħmluh taʼ sfida li titgħallem tesprimi l-imħabba?
QATT ipprovajt titgħallem xi lingwa oħra? Hija sfida kbira, hux tassew? M’għandniex xi ngħidu, it-tfal żgħar jistgħu jitgħallmu lingwa sempliċement billi jkunu f’kuntatt magħha. Moħħhom jassorbi, għall-mod tal-kelma, il-ħoss u t-tifsir tal-kliem, u b’hekk wara ftit taż-żmien iċ-ċkejknin jibdew jesprimu ruħhom b’mod li jiftiehem, u forsi anki bla waqfien. Dan ma jistax jingħad għall-adulti. Aħna nqallbu fid-dizzjunarju taʼ lingwa barranija għal darba wara l-oħra, sempliċement biex nidraw ftit frażijiet bażiċi f’dik il-lingwa. Iżda, maż-żmien u jekk inkunu pprattikajna biżżejjed, nibdew naħsbu b’dik il-lingwa u jkun iktar faċli li nitkellmuha.
2 Li nitgħallmu nesprimu l-imħabba huwa simili ħafna għal li nitgħallmu lingwa oħra. Veru, il-bnedmin wirtu fihom ammont minn din il-kwalità divina. (Ġenesi 1:27; qabbel l-1 Ġwann 4:8.) Iżda xorta waħda, li nitgħallmu nesprimu l-imħabba jitlob sforz straordinarju—speċjalment illum, meta l-affezzjoni naturali tant hija skarsa. (2 Timotju 3:1-5) Dan huwa xi drabi l-każ saħansitra ġewwa l-familja. Iva, ħafna jikbru f’ambjent aħrax fejn kliem taʼ mħabba rari, jekk qatt, jitlissen. (Efesin 4:29-31; 6:4) Allura, kif nistgħu nitgħallmu nesprimu l-imħabba—anki jekk ftit li xejn inkunu esperjenzajnieha?
3 Il-Bibbja tistaʼ tgħin. Fl-Ewwel Korintin 13:4-8, Pawlu ma jipprovdix xi definizzjoni mekkanika taʼ x’inhi l-imħabba, imma hu jagħti deskrizzjoni ħajja taʼ kif din l-ogħla forma taʼ mħabba taġixxi. Billi nikkunsidraw dawn il-versi se niġu megħjunin nifhmu n-natura taʼ din il-kwalità divina u niġu mgħammrin aħjar biex nesprimuha. Ejjew nikkunsidraw xi aspetti taʼ l-imħabba kif ġew deskritti minn Pawlu. Aħna se nikklassifikawhom b’mod ġenerali skond tliet kategoriji: il-kondotta tagħna in ġenerali, imbagħad, b’mod iżjed speċifiku, ir-relazzjonijiet tagħna m’oħrajn; u finalment, is-sabar tagħna.
L-Imħabba Tgħinna Negħlbu l-Kburija
4. Il-Bibbja liema dehen tipprovdi dwar l-għira?
4 Wara l-kumment inizjali tiegħu dwar l-imħabba, Pawlu kiteb lill-Korintin: “L-imħabba m’hijiex għajjura.” (1 Korintin 13:4) L-għira tistaʼ tintwera permezz taʼ skuntentizza invidjuża għar-riżq jew kisbiet t’oħrajn. Għira bħal din hija distruttiva—fiżikament, emozzjonalment, u spiritwalment.—Proverbji 14:30; Rumani 13:13; Ġakbu 3:14-16.
5. L-imħabba kif tistaʼ tgħinna negħlbu l-għira meta jkun jidher li qisna nqbiżna għal xi privileġġ teokratiku?
5 B’dan f’moħħok, staqsi lilek innifsek, ‘Insir jien invidjuż meta donnu jkun jidher li nqbiżt għal xi privileġġ teokratiku?’ Jekk twieġeb iva, taqtax qalbek. Ġakbu, il-kittieb Bibliku jfakkarna li ‘tendenza għall-invidja’ hija preżenti fil-bnedmin imperfetti kollha. (Ġakbu 4:5, NW) L-imħabba għal ħuk tistaʼ tgħinek terġaʼ ssib il-bilanċ. Din tistaʼ tgħinek tifraħ maʼ dawk li jifirħu u ma tiħodhiex bħala offiża persunali meta xi ħaddieħor jirċievi barka jew kumpliment.—Qabbel l-1 Samwel 18:7-9.
6. Liema sitwazzjoni gravi żviluppat fil-kongregazzjoni taʼ Korintu fl-ewwel seklu?
6 Pawlu jżid li l-imħabba “ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn.” (1 Korintin 13:4) Jekk għandna xi talent jew abbiltà, m’hemmx għalfejn niffanfraw. Milli jidher, din kienet problema għal xi rġiel ambizzjużi li kienu ndehsu fil-kongregazzjoni taʼ Korintu tal-qedem. Għandu mnejn li huma kellhom abbiltajiet superjuri f’li jispjegaw l-ideat bid-dettall jew kellhom mod iżjed effiċjenti taʼ kif jagħmlu l-affarijiet. Il-fatt li qagħdu jiġbdu l-attenzjoni fuqhom infushom forsi kkontribwixxa biex ikun hemm qsim fil-kongregazzjoni. (1 Korintin 3:3, 4; 2 Korintin 12:20) Is-sitwazzjoni tant aggravat li iktar tard Pawlu kellu jċanfar lill-Korintin talli kienu ‘jittolleraw lill-persuni li ma jirraġunawx,’ li Pawlu b’mod kritiku ddeskriviehom bħala ‘appostli fini żżejjed.’—2 Korintin 11:5, 19, 20, NW.
7, 8. Uri mill-Bibbja kif nistgħu nużaw xi talenti naturali li nippossiedu biex nippromwovu l-unità.
7 Illum tistaʼ tiżviluppa sitwazzjoni simili. Per eżempju, xi wħud forsi għandhom it-tendenza li jiftaħru b’dak li jwettqu fil-ministeru jew bil-privileġġi tagħhom fl-organizzazzjoni t’Alla. Anki jekk għandna xi kapaċità jew abbiltà partikulari li oħrajn fil-kongregazzjoni m’għandhomx bħalha, jagħtina dan raġuni biex nitkabbru? Wara kollox, aħna għandna nużaw kwalunkwe talenti naturali li nippossiedu biex nippromwovu l-unità—mhux lilna nfusna.—Mattew 23:12; 1 Pietru 5:6.
8 Pawlu kiteb li għalkemm kongregazzjoni għandha ħafna membri, “Alla bena [“inkorpora,” NW] l-ġisem.” (1 Korintin 12:19-26) Il-kelma Griega tradotta “inkorpora” tissinjifika taħlita armonjuża, bħal fit-taħlit tal-kuluri. Għalhekk, l-ebda individwu f’kongregazzjoni m’għandu jħossu minfuħ bih innifsu minħabba l-abbiltajiet tiegħu u jipprova jiddomina fuq oħrajn. Fl-organizzazzjoni t’Alla m’hemmx post għall-kburija u l-ambizzjoni.—Proverbji 16:19; 1 Korintin 14:12; 1 Pietru 5:2, 3.
9. Il-Bibbja liema eżempji taʼ twissija tipprovdi taʼ individwi li kienu jfittxu l-interessi tagħhom infushom?
9 L-imħabba “ma tfittixx dak li hu tagħha.” (1 Korintin 13:5) Min iħobb ma jimmanipulax lil oħrajn biex tgħaddi tiegħu. Il-Bibbja fiha eżempji taʼ twissija f’dan ir-rigward. Biex nagħtu tixbieha: Aħna naqraw dwar Dalila, Ġeżabel, u Għatalija—nisa li mmanipulaw lil oħrajn għar-raġunijiet egoistiċi tagħhom infushom. (Mħallfin 16:16; 1 Slaten 21:25; 2 Kronaki 22:10-12) Kien hemm ukoll Absalom, bin is-Sultan David. Dan kien javviċina lil dawk li kienu jiġu Ġerusalemm għall-ġudizzju u b’makakkerija jinsinwa li l-qorti tas-sultan kienet nieqsa minn interess ġenwin fil-problemi tagħhom. Imbagħad kien jgħid bla tlaqliq li dak li l-qorti kellha tassew bżonn kien raġel qalbu tajba bħalu! (2 Samwel 15:2-4) M’għandniex xi ngħidu, Absalom kien interessat biss fih innifsu u mhux f’min kien magħkus. Billi aġixxa taʼ sultan li ħatar lilu nnifsu, hu dawwar lejh il-qlub taʼ ħafna. Imma maż-żmien, Absalom ġarrab telfa li kissritu. F’mewtu, lanqas biss ma ġie stmat li kienet tixraqlu difna diċenti.—2 Samwel 18:6-17.
10. Kif nistgħu nuru li qed nieħdu ħsieb l-interessi t’oħrajn?
10 Din hija twissija għall-Kristjani tal-lum. Kemm jekk irġiel jew nisa, aħna nistgħu min-natura jkollna qawwiet perswassivi. Jistaʼ jkun iżjed faċli għalina li tgħaddi tagħna, biex ngħidu hekk, billi niddominaw il-konversazzjoni jew billi nwaqqgħu l-argument taʼ dawk li jkollhom ħarsa differenti minn tagħna. Madankollu, jekk aħna verament nies li nħobbu, se noqogħdu attenti għall-interessi t’oħrajn. (Filippin 2:2-4) M’aħniex se napprofittaw ruħna minn oħrajn jew nippromwovu ideat dubjużi minħabba l-esperjenza jew il-pożizzjoni tagħna fl-organizzazzjoni t’Alla, bħallikieku l-opinjonijiet tagħna huma l-uniċi li għandhom jiġu kkunsidrati. Minflok, aħna se niftakru fil-proverbju Bibliku: “Qabel il-qerda tiġi l-kburija, u qabel il-waqgħa t-tkabbir.”—Proverbji 16:18.
L-Imħabba Ġġib Relazzjonijiet Paċifiċi
11. (a) B’liema modi nistgħu nuru mħabba li hija kemm ħanina u kemm diċenti? (b) Kif nistgħu nuru li aħna ma nifirħux bin-nuqqas taʼ tjieba?
11 Pawlu kiteb ukoll li l-imħabba “tħenn” u li “ma tagħmilx dak li m’hux xieraq.” (1 Korintin 13:4, 5) Iva, l-imħabba ma tħalliniex naġixxu b’manjiera maledukata, vulgari, jew nieqsa mir-rispett. Minflok, se nagħtu kas tas-sentimenti t’oħrajn. Per eżempju, min iħobb se jevita li jagħmel xi ħaġa li tinkwieta l-kuxjenza taʼ ħaddieħor. (Qabbel l-1 Korintin 8:13.) L-imħabba “ma tifraħx bl-inġustizzja [“bin-nuqqas taʼ tjieba,” NW], imma tifraħ bil-verità.” (1 Korintin 13:6) Jekk inħobbu l-liġi taʼ Jehovah, ma nagħlqux għajnejna għall-immoralità jew niddevertu b’affarijiet li Alla jobgħod. (Salm 119:97) L-imħabba se tgħinna nieħdu pjaċir b’affarijiet li jibnu u mhux li jġarrfu.—Rumani 15:2; 1 Korintin 10:23, 24; 14:26.
12, 13. (a) Kif għandna nirreaġixxu meta xi ħadd joffendina? (b) Semmi eżempji Bibliċi li juru li anki rabja ġġustifikata tistaʼ ġġagħalna naġixxu mingħajr għaqal.
12 Pawlu jikteb li l-imħabba “xejn ma tinkorla” (“m’hijiex sensittiva żżejjed,” Phillips). (1 Korintin 13:5) Veru, huwa naturali għalina bħala bnedmin imperfetti li ninkwetaw jew inħossuna rrabjati meta xi ħadd joffendina. Madankollu, tkun ħaġa ħażina li nibqgħu nżommu f’qalbna jew nibqgħu rrabjati. (Salm 4:5 [Salm 4:4, NW]; Efesin 4:26) Jekk ma nikkontrollawhiex, anki rabja ġġustifikata tistaʼ ġġagħalna naġixxu mingħajr għaqal, u Jehovah jistaʼ jżommna responsabbli taʼ dan.—Ġenesi 34:1-31; 49:5-7; Numri 12:3; 20:10-12; Salm 106:32, 33.
13 Xi wħud ħallew l-imperfezzjonijiet t’oħrajn jeffettwaw id-deċiżjoni tagħhom li jattendu l-laqgħat Kristjani jew li jieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa. Qabel, ħafna minn dawn issieltu bl-aħrax għall-fidi, forsi billi ssaportew oppożizzjoni fil-familja, ridikolar minn sħabhom taʼ fuq ix-xogħol, u affarijiet bħal dawn. Huma ssaportew ostakli bħal dawn għaliex kienu jqisuhom bħala provi taʼ integrità, u bix-xieraq. Imma x’jiġri meta Kristjan seħibna jgħid jew jagħmel xi ħaġa nieqsa mill-imħabba? M’hijiex din ukoll prova taʼ integrità? Tassew li hekk hi, għax jekk nibqgħu rrabjati, nistgħu nkunu qed ‘nagħtu l-wisaʼ lix-xitan.’—Efesin 4:27.
14, 15. (a) X’ifisser li “żżomm kont tal-ħsara”? (b) Kif nistgħu nimitaw lil Jehovah f’li naħfru?
14 Bir-raġun, Pawlu jżid li l-imħabba “ma żżommx kont tal-ħsara.” (1 Korintin 13:5, NW) Hawn hu juża terminu taʼ l-accounts, biex milli jidher jissuġġerixxi l-att taʼ li wieħed jikteb l-offiża f’xi reġistru sabiex ma tintesiex. Hija ħaġa taʼ mħabba li nibqgħu nżommu f’moħħna l-kelma jew l-azzjoni taʼ wġigħ, bħallikieku se jkollna bżonn nirreferu għaliha f’xi żmien fil-futur? Kemm għandna għax inkunu ferħanin li Jehovah ma jifliniex b’din il-manjiera daqshekk bla ħniena! (Salm 130:3) Iva, meta nindmu, hu jikkanċella d-dnubiet tagħna.—Atti 3:19.
15 Aħna nistgħu nimitaw lil Jehovah f’dan ir-rigward. M’għandniex inkunu sensittivi żżejjed meta donnu li xi ħadd naqasna. Jekk inkunu ħfief biex nieħdu għalina, għandu mnejn li nkunu qed inweġġgħu lilna nfusna fil-fond iżjed milli qatt setaʼ jweġġagħna dak li offendiena. (Koħèlet 7:9, 22) Minflok, irridu niftakru li l-imħabba “kollox temmen.” (1 Korintin 13:7) M’għandniex xi ngħidu, ħadd minna ma jrid li jkun mazzun, imma anqas m’għandna nkunu suspettużi bla bżonn dwar il-motivi taʼ ħutna. Fejn hu possibbli, ejjew nassumu li dak li jkun ma kellux intenzjonijiet ħżiena.—Kolossin 3:13.
L-Imħabba Tgħinna Nissaportu
16. L-imħabba f’liema ċirkustanzi tistaʼ tgħinna nuru sabar fit-tul?
16 Pawlu mbagħad jgħidilna li “l-imħabba taf tistabar.” (1 Korintin 13:4) Din tgħinna nissaportu kundizzjonijiet taʼ prova, li għandhom mnejn idumu għal perijodu estiż taʼ żmien. Per eżempju, ħafna Kristjani għexu għal snin twal f’dar maqsuma reliġjożament. Oħrajn baqgħu ma żżewġux, mhux għax riedu, imma għax ma setgħux isibu sieħeb (jew sieħba) xieraq “fil-Mulej.” (1 Korintin 7:39; 2 Korintin 6:14) Imbagħad hemm dawk li jissaraw maʼ problemi serji taʼ saħħa. (Galatin 4:13, 14; Filippin 2:25-30) Verament, f’din is-sistema imperfetta ħadd m’għandu sitwazzjoni fil-ħajja li ma tirrikjedix xi xorta taʼ sabar.—Mattew 10:22; Ġakbu 1:12.
17. X’se jgħinna nissaportu kollox?
17 Pawlu jiżgurana li l-imħabba “kollox tagħder, . . . kollox tittama, kollox tissaporti.” (1 Korintin 13:7) Imħabba għal Jehovah se tgħinna nissaportu kwalunkwe sitwazzjoni minħabba t-tjieba. (Mattew 16:24; 1 Korintin 10:13) Aħna ma nfittxux il-martirju. Għall-kuntrarju, il-mira tagħna hi li ngħixu ħajjiet kwieti u paċifiċi. (Rumani 12:18; 1 Tessalonikin 4:11, 12) Minkejja dan, meta jqumu xi provi tal-fidi, dawn nissaportuhom bil-ferħa bħala parti mill-prezz taʼ li nkunu dixxipli Kristjani. (Luqa 14:28-33) Hekk kif nissaportu, aħna nipprovaw inżommu ħarsa pożittiva, billi nittamaw għall-aħjar riżultat f’nofs sitwazzjonijiet taʼ prova.
18. Is-sabar kif inhu meħtieġ anki matul staġun favorevoli?
18 It-tribulazzjoni m’hijiex l-unika ċirkustanza li tirrikjedi s-sabar. Xi drabi, li tissaporti jfisser sempliċement li tasal sa l-aħħar, li tibqaʼ fi triq stabbilita kemm jekk hemm sitwazzjonijiet taʼ prova u kemm jekk le. Is-sabar jinkludi li żżomm rutina spiritwali tajba. Per eżempju, qiegħed ikollok sehem sinjifikanti fil-ministeru, skond iċ-ċirkustanzi tiegħek? Qiegħed taqra u timmedita fuq il-Kelma t’Alla u tikkomunika maʼ Missierek tas-sema permezz tat-talb? Tattendi regolarment il-laqgħat tal-kongregazzjoni, u tibbenefika minn bdil taʼ inkuraġġiment maʼ kredenti sħabek? Jekk inhu hekk, allura kemm jekk fil-preżent tinsab fi staġun favorevoli jew jekk fi staġun taʼ taħbit, int qed tissaporti. Iċċedix, “għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.”—Galatin 6:9.
L-Imħabba—“Triq li Tgħaddihom Ilkoll”
19. L-imħabba kif inhi “triq li tgħaddihom ilkoll”?
19 Pawlu enfasizza l-importanza li nesprimu l-imħabba billi sejjaħ lil din il-kwalità divina “triq li tgħaddihom ilkoll.” (1 Korintin 12:31) “Tgħaddihom” f’liema sens? Ara, Pawlu kien għadu kif elenka l-għotjiet taʼ l-ispirtu, li kienu komuni fost il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu. Xi wħud ngħataw il-kapaċità li jipprofetizzaw, oħrajn ngħataw il-qawwa li jfejqu l-mard, ħafna ngħataw l-abbiltà li jitkellmu bl-ilsna. Għotjiet tabilħaqq meraviljużi! Madankollu, Pawlu qal lill-Korintin: “Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u taʼ l-anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku. U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn.” (1 Korintin 13:1, 2) Iva, saħansitra atti li altrimenti jistgħu jkunu taʼ valur, isiru ‘għemejjel mejta’ jekk il-motiv għalihom ma jkunx imħabba għal Alla u għal ġarna.—Lhud 6:1.
20. Għala huwa meħtieġ sforz kontinwu jekk irridu nikkultivaw l-imħabba?
20 Ġesù jagħtina raġuni oħra għala għandna nikkultivaw il-kwalità divina taʼ l-imħabba. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi,” hu qal, “jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Il-kelma “jekk” tħalliha f’idejn kull Kristjan dwar jekk hux se jitgħallem jesprimi l-imħabba jew le. Wara kollox, is-sempliċi fatt li wieħed ikun jgħix f’pajjiż barrani fih innifsu ma jfissirx li dan se jġagħlu jitgħallem jitkellem bil-lingwa taʼ dak il-pajjiż. Lanqas li sempliċement nattendu għal-laqgħat f’xi Sala tas-Saltna jew li nassoċjaw maʼ Kristjani sħabna ma jgħallimna awtomatikament kif nesprimu l-imħabba. Li nitgħallmu din il-“lingwa” jirrikjedi sforz kontinwu.
21, 22. (a) Kif għandna nirreaġixxu jekk ma nikkwalifikawx f’xi aspett taʼ l-imħabba li ġie diskuss minn Pawlu? (b) B’liema mod jistaʼ jingħad li “l-imħabba qatt ma tintemm”?
21 Xi drabi, ma tikkwalifikax f’xi aspett taʼ l-imħabba li ġie diskuss minn Pawlu. Imma taqtax qalbek. Applika ruħek bil-paċenzja. Ibqaʼ ikkonsulta l-Bibbja u applika l-prinċipji tagħha fil-mod kif tittratta m’oħrajn. Qatt tinsa l-eżempju li ħallielna Jehovah nnifsu. Pawlu ammonixxa lill-Efesin: “Kunu twajba maʼ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.”—Efesin 4:32.
22 Saħansitra bħalma biex titgħallem tesprimi ruħek f’lingwa oħra eventwalment isir eħfef, maż-żmien x’aktarx se ssib li se jsir eħfef għalik li tesprimi l-imħabba. Pawlu jiżgurana li “l-imħabba ma tintemm qatt.” (1 Korintin 13:8) Kuntrarju għall-għotjiet mirakolużi taʼ l-ispirtu, l-imħabba qatt m’hi se tieqaf milli teżisti. Mela ibqaʼ tgħallem kif tesprimi din il-kwalità divina. Bħalma sejħilha Pawlu, din hija “triq li tgħaddihom ilkoll.”
Tistaʼ Tispjega?
◻ L-imħabba kif tistaʼ tgħinna negħlbu l-kburija?
◻ L-imħabba b’liema modi tistaʼ tgħinna nippromwovu l-paċi fil-kongregazzjoni?
◻ L-imħabba kif tistaʼ tgħinna nissaportu?
◻ L-imħabba kif inhi “triq li tgħaddihom ilkoll”?
[Stampa f’paġna 19]
L-imħabba se tgħinna ninjoraw id-difetti taʼ kredenti sħabna
[Stampi f’paġna 23]
Is-sabar ifisser li nżommu r-rutina teokratika tagħna