LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 4/15 pp. 15-17
  • Turi li Int Grat?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Turi li Int Grat?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jehovah Juri li Hu Grat
  • Ġesù​—Persuna li Japprezza Profondament
  • L-​Ispirtu Kritiku taʼ Satana
  • Imita lil Alla u lil Kristu
  • “Uru li Intom Grati”
    Il-Ministeru tas-Saltna—2008
  • Ġeħova Huwa Alla li Japprezza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • “Uru Li Intom Grati”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Min Hi l-Iktar Persuna Importanti f’Ħajtek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 4/15 pp. 15-17

Turi li Int Grat?

Ġewwa dar missjunarja fl-​Afrika tal-​Punent, kien hemm kelb taʼ l-​għassa jismu Teddỵ. Meta xi ħadd kien jitfaʼ biċċa laħam lil Teddỵ, hu kien jiblagħha f’kemm ilni ngħidlek, mingħajr lanqas biss itogħomha jew jomgħodha. Waqt li jilheġ taħt ix-​xemx tropikali, hu kien jistenna sa ma jitfgħulu xi ħaġa oħra x’jiekol. Meta l-​laħam ikun spiċċa, kien idawwar denbu u jitlaq ’l hemm.

Teddỵ qatt ma wera daqsxejn taʼ gratitudni għal dak li kien jirċievi. Ħadd ma stenna dan minnu. Fuq kollox, kien sempliċement kelb.

TAʼ SPISS, aħna l-​gratitudni nistennewha iktar mingħand il-​bnedmin sħabna milli mingħand l-​annimali. Normalment niddiżappuntaw ruħna. Ħafna nies jaħtfu dak kollu li jistgħu mill-​ħajja u jfittxu għal iktar. Dan ukoll m’għandux għalfejn jissorprendina. Il-​Bibbja bassret li fl-​aħħar jiem, in-​nies kellhom ikunu ingrati.—2 Timotju 3:1, 2.

Madankollu, il-​qaddejja t’Alla għandhom spirtu differenti. Huma jagħtu kas tal-​parir taʼ l-​appostlu Pawlu, meta wissa lill-​kredenti sħabu: “Roddu ħajr.”—Kolossin 3:15.

Jehovah Juri li Hu Grat

Alla Jehovah jagħti l-​eżempju perfett f’li juri apprezzament. Ikkunsidra kif hu jqis lill-​qaddejja leali tiegħu. Pawlu, taħt ispirazzjoni, kiteb lill-​Kristjani Lhud: “Għax Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-​imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-​qaddisin.”—Lhud 6:10.

Hemm ħafna eżempji taʼ l-​apprezzament taʼ Jehovah lejn il-​qaddejja leali tiegħu. Hu bierek lil Abraham billi kattarlu n-​nisel litterali, sabiex huma saru “bħall-​kwiekeb tas-​sema u bħar-​ramel f’xatt il-​baħar.” (Ġenesi 22:17) B’apprezzament għal-​lealtà li Ġob wera waqt il-​prova, Jehovah mhux biss ta lura lil Ġob il-​ġid kbir li kellu imma tahulu “għal darbtejn.” (Ġob 42:10) Il-​mod kif Jehovah ttratta mal-​bnedmin matul il-​millennji ta prova tal-​verità taʼ din l-​istqarrija: “Għax għajnejh jiġru fuq l-​art kollha, isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-​sħiħ miegħu.”—2 Kronaki 16:9.

L-apprezzament t’Alla għal u l-​inklinazzjoni biex ibierek lil dawk li jipprovaw jagħmlu r-​rieda tiegħu huma fatturi primarji tal-​personalità tiegħu. Ir-​rikonoxximent taʼ dan huwa xi ħaġa ċentrali għall-​fidi taʼ Kristjan. Pawlu kiteb: “Mingħajr il-​fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla. Għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen . . . li hu jagħti l-​ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.”—Lhud 11:6.

Imma li kieku Jehovah pjuttost wera spirtu aħrax u kritiku, ilkoll kemm aħna konna nkunu kkundannati. Is-​salmista żmien ilu ħareġ dan il-​punt: “Jekk tal-​ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?” (Salm 130:3) Jehovah la hu wieħed li ma japprezzax lanqas ma hu wieħed li jikkritika. Hu jgħożż lil dawk li jaqduh. Juri li hu grat.

Ġesù​—Persuna li Japprezza Profondament

Billi rrifletta perfettament il-​kwalitajiet taʼ Missieru tas-​sema, Ġesù Kristu wera li hu grat għall-​affarijiet li oħrajn għamlu minħabba l-​fidi. Ikkunsidra darba x’ġara fit-​tempju taʼ Ġerusalemm: “Rafaʼ għajnejh u ra l-​għonja jitfgħu l-​offerti tagħhom fit-​teżor tat-​tempju. U ra wkoll waħda armla fqira titfaʼ biċċtejn żgħar tal-​flus, u qal: ‘Ngħidilkom is-​sew, din l-​armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll. Għax dawn kollha għamlu offerti miż-​żejjed tagħhom, imma hi, fil-​faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix.’”—Luqa 21:1-4.

Mil-lat finanzjarju, il-​kontribuzzjoni kienet żgħira, speċjalment meta tqabbilha maʼ dik taʼ l-​għonja. Il-​biċċa l-​kbira taʼ dawk preżenti bilkemm innotawha. Madankollu, Ġesù nnotaha lil dik l-​armla. Hu għaraf iċ-​ċirkustanzi tagħha. Ġesù raha u ammiraha.

Ġrajja oħra kienet tinvolvi lil mara sinjura, Marija. Waqt li Ġesù kien qiegħed jiekol madwar mejda, hi ferrgħet żejt ifuħ li jiswa ħafna flus fuq saqajn u ras Ġesù. Xi wħud ikkritikaw l-​azzjoni tagħha, billi rraġunaw li ż-​żejt setaʼ jinbiegħ u l-​flus jintużaw biex jgħinu lill-​foqra. Ġesù kif wieġeb? Hu qal: “Ħalluha; għala qegħdin iddejjquha? Ħaġa tajba għamlet miegħi. Tassew ngħidilkom, li kull fejn jixxandar l-​Evanġelju fid-​dinja kollha li għamlet din jingħad ukoll, b’tifkira tagħha.”—Mark 14:3-6, 9; Ġwann 12:3.

Ġesù ma qagħadx jikkritika u jgerger li dak iż-​żejt prezzjuż ma ntużax għal xi ħaġa oħra. Hu apprezza l-​espressjoni ġeneruża taʼ l-​imħabba u l-​fidi taʼ Marija. Din il-​ġrajja hija ddokumentata fil-​Bibbja bħala tfakkira taʼ l-​azzjoni mill-​aħjar tagħha. Dawn ir-​rakkonti u oħrajn juru li Ġesù kien raġel li japprezza profondament.

Jekk int qaddej t’Alla, tistaʼ tkun ċert li kemm Alla Jehovah u kemm Ġesù Kristu japprezzaw profondament l-​isforzi li qed tagħmel biex tippromwovi l-​qima pura. Għarfien bħal dan jiġbidna lejhom u jqanqalna sabiex nimitawhom billi nagħtu prova li aħna grati.

L-​Ispirtu Kritiku taʼ Satana

Issa ejja nikkunsidraw eżempju taʼ wieħed li huwa ingrat​—Satana x-​Xitan. In-​nuqqas t’apprezzament taʼ Satana kkontribwixxa biex huwa jmexxi ribelljoni diżastruża kontra Alla.

Billi żviluppa spirtu kritiku taʼ skuntentizza fih innifsu, Satana beda jiżirgħu f’oħrajn. Ikkunsidra l-​ġrajjiet li seħħew fil-​Ġnien taʼ Għeden. Jehovah kien ħalaq l-​ewwel raġel u mara, poġġiehom ġo ġnien sabiħ, u qalilhom: ‘Mis-​siġar kollha tal-​ġnien tistgħu tieklu.’ Kien hemm biss restrizzjoni waħda. Alla qal: ‘Imma mis-​siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin, la tiklux minnha, għax dak in-​nhar li tieklu minnha żgur li tmutu.’—Ġenesi 2:16, 17.

Madankollu, Satana malajr sfida l-​kredibilità taʼ Jehovah. Minn banda, hu ried iġiegħel lil Eva tkun tant ingrata lejn Jehovah li tasal biex tirribella kontrih, saħansitra kif Satana nnifsu kien irribella. “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-​siġar kollha tal-​ġnien?’” staqsieha Satana. (Ġenesi 3:1) L-​implikazzjoni ċara kienet li Alla kien qed iżomm xi ħaġa prezzjuża lura minn Eva, xi ħaġa li setgħet tiftħilha għajnejha u tagħmilha bħal Alla nnifsu. Minflok ma wriet li hi grata għall-​ħafna barkiet li Jehovah kien tefaʼ fuqha, Eva bdiet tixxennaq għal dak li kien ipprojbit.—Ġenesi 3:5, 6.

Il-konsegwenzi diżastrużi nafuhom sew. Għalkemm ngħatalha l-​isem taʼ Eva “għax hi kienet omm il-​ħajjin kollha,” hi f’sens ieħor saret omm il-​mejtin kollha. Minn Adam, il-​bnedmin kollha wirtu d-​dnub li jġib il-​mewt.—Ġenesi 3:20; Rumani 5:12.

Imita lil Alla u lil Kristu

Ikkunsidra l-​kuntrast bejn Satana u Ġesù. Satana huwa deskritt bħala “dak li jixli ’l ħutna, li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.” (Apokalissi 12:10) Ġesù “jistaʼ jsalva għalkollox ’il dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu jibqaʼ għal dejjem ħaj biex jidħol għalihom.”—Lhud 7:25.

Satana jixli lill-​qaddejja t’Alla. Ġesù japprezzahom u jidħol għalihom. Bħala imitaturi taʼ Kristu, il-​Kristjani għandhom jistinkaw biex ifittxu t-​tajjeb f’xulxin, billi japprezzaw u jistmaw lil xulxin. Billi jagħmlu dan, juru li huma grati lejn dak li jagħti l-​eżempju suprem fl-​apprezzament, Alla Jehovah.—1 Korintin 11:1.

[Stampa f’paġna 17]

Ġesù esprima apprezzament għall-​azzjoni mill-​aħjar taʼ Marija

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja