Il-Kolleġġjanti—L-Istudju tal-Bibbja Għamilhom Differenti
Ġieli smajt bil-kolleġġjanti?
Dan il-grupp żgħir reliġjuż Olandiż tas-seklu 17 kien differenti mill-knejjes stabbiliti taʼ dak iż-żmien. F’Liema sens, u x’nistgħu nitgħallmu minnhom? Biex insiru nafu, ejja mmorru lura sa dak iż-żmien.
FL-1587, Jacobus Arminius (jew, Jacob Harmensen) wasal fil-belt t’Amsterdam. Ma kellux problemi biex isib xogħol, għax ir-referenzi li kellu kienu impressjonanti. Taʼ 21 sena, hu kien iggradwa mill-Università Leiden fl-Olanda. Wara dan, qattaʼ sitt snin fl-Isvizzera, jistudja t-teoloġija taħt Théodore de Bèze, is-suċċessur tar-Riformatur Protestant John Calvin. Mhux taʼ b’xejn li l-Protestanti f’Amsterdam kellhom il-pjaċir li jaħtru lil Arminius li kellu 27 sena bħala wieħed mill-qassisin tagħhom! Iżda, ftit snin wara, ħafna mill-membri tal-knisja ddispjaċiehom dwar l-għażla li kienu għamlu. Għala?
Il-Kwistjoni tal-Predestinazzjoni
Eżatt wara li Arminius sar wieħed mill-qassisin tagħhom, qamet tensjoni fost il-Protestanti t’Amsterdam dwar id-duttrina tal-predestinazzjoni. Din id-duttrina kienet tifforma l-bażi tal-Kalviniżmu, imma xi membri tal-knisja ħassew li Alla kien kattiv u inġust li, lil xi wħud iddeterminahom minn qabel għas-salvazzjoni u lil oħrajn għall-kundanna. Il-Kalvinisti stennew li Arminius, bħala student taʼ Bèze, kien se jikkoreġi lid-dissidenti. Minflok, Arminius appoġġa lid-dissidenti, u l-Kalvinisti xejn ma ħadu gost b’dan. Sa l-1593 l-argument tant kien kiber li fired il-Protestanti tal-belt f’żewġ gruppi—dawk li appoġġaw id-duttrina u dawk li ċaħduha, il-moderati.
Fi ftit tas-snin, dan l-argument lokali wassal għal firda fost il-Protestanti tal-pajjiż kollu. Fl-aħħar mill-aħħar, f’Novembru taʼ l-1618 is-sitwazzjoni waslet fi stat deċiżiv. Il-Kalvinisti, appoġġati mill-armata u mill-opinjoni pubblika, bagħtu għad-dissidenti (li kienu jissejħu Rimostrantia) biex jidhru quddiem il-kunsill nazzjonali, il-Protestant Synod of Dordrecht. Fi tmiem il-laqgħa, il-ministri kollha tar-Rimostranti ngħataw għażla: Iffirmaw pleġġ biex ma tibqgħux tippridkaw iktar, jew itilqu mill-pajjiż. Il-biċċa l-kbira għażlu li jitilqu. Qassisin Kalvinisti stretti ħadu post il-ministri Rimostranti. Il-Kalviniżmu kien ittrijonfa—jew almenu hekk ittama s-sinodu.
It-Twelid u t-Tkabbir tal-Kolleġġjanti
Bħal kwalunkwe post ieħor, il-kongregazzjoni tar-Rimostranti fir-raħal taʼ Warmond, qrib Leiden, tilfet il-qassis tagħha. Madankollu, kontra kwalunkwe post ieħor, il-kongregazzjoni m’aċċettatx is-sostitut approvat mis-sinodu. Iktar minn hekk, meta ministru tar-Rimostranti rriskja ħajtu biex imur lura lejn Warmond fl-1620 biex jieħu ħsieb il-kongregazzjoni, xi membri tal-kongregazzjoni ċaħduh ukoll. Dawn il-membri kienu bdew jagħmlu l-laqgħat reliġjużi tagħhom bil-moħbi mingħajr ebda għajnuna taʼ xi membru tal-kleru. Iktar tard, dawn il-laqgħat bdew jissejħu kulleġġi u dawk li jattendu, Kolleġġjanti.
Għalkemm il-Kolleġġjanti oriġinaw minħabba ċ-ċirkustanzi iktar milli minħabba l-prinċipji, dik is-sitwazzjoni malajr inbidlet. Gijsbert van der Kodde, membru tal-kongregazzjoni, argumenta li billi jiltaqgħu mingħajr is-superviżjoni tal-kleru, il-grupp kien iktar qed jimxi mill-qrib mal-Bibbja u mal-mod taʼ ħajja tal-Kristjani bikrin milli kienu qed jagħmlu l-knejjes stabbiliti. Il-klassi tal-kleru, qal hu, kienet ġiet ivvintata wara l-mewt taʼ l-appostli biex toħloq impjiegi għal nies li ma ridux jitgħallmu xi sengħa.
Fl-1621, Van der Kodde u membri li kienu jaħsbuha bħalu bdew jagħmlu l-laqgħat tagħhom f’Rijnsburg, raħal fil-qrib.b Ftit snin wara, meta l-persekuzzjoni reliġjuża kienet ċediet għat-tolleranza, ir-reputazzjoni tal-laqgħat tal-Kolleġġjanti nfirxet mal-pajjiż kollu u ġibdet “nies minn kull sfond,” kif poġġieha l-istorjografu Siegfried Zilverberg. Kien hemm Rimostranti, Mennoniti, Soċinjani, u saħansitra teologi. Xi wħud minnhom kienu bdiewa. Oħrajn kienu poeti, stampaturi, tobba, u negozjanti. Il-filosfu Spinoza (Benedictus de Spinoza) u l-pedagogu Johann Amos Comenius (jew, Jan Komenský), kif ukoll il-pittur famuż Rembrandt van Rijn issimpatizzaw mal-moviment. L-ideat differenti li dawn in-nies devoti ġabu magħhom influwenzaw l-iżvilupp tat-twemmin tal-Kolleġġjanti.
Wara l-1640 dan il-grupp dinamiku kiber b’pass mgħaġġel. Il-kulleġġi malajr xterdu f’Rotterdam, f’Amsterdam, f’Leeuwarden, u fi bliet oħrajn. Il-professur taʼ l-istorja Andrew C. Fix jinnota li bejn is-snin 1650 u 1700, “il-Kolleġġjanti . . . kibru u saru waħda mill-iktar qawwiet reliġjużi importanti u influwenzanti fl-Olanda tas-seklu sbatax.”
It-Twemmin tal-Kolleġġjanti
Ladarba r-raġuni, it-tolleranza, u l-libertà biex jitkellmu kienu l-marki li jidentifikaw il-moviment tal-Kolleġġjanti, huma individwalment kienu ħelsin li jħaddnu twemmin differenti. Xorta waħda, kellhom xi konvinzjonijiet li kienu komuni. Per eżempju, il-Kolleġġjanti kollha kienu japprezzaw l-importanza taʼ studju persunali tal-Bibbja. Kull membru, kiteb wieħed mill-Kolleġġjanti, għandu “jfittex għalih innifsu u mhux isir jaf lil Alla mingħand ħaddieħor.” Huma hekk kienu jagħmlu. Skond l-istorjografu tal-knisja tas-seklu 19 Jacobus C. van Slee, il-Kolleġġjanti kellhom għarfien fuq il-Bibbja iktar milli kellhom xi gruppi reliġjużi oħrajn taʼ dak iż-żmien. Anki l-opponenti kienu jfaħħru lill-Kolleġġjanti għall-abbiltà tagħhom f’li jużaw il-Bibbja b’sengħa kbira.
Iżda, iktar ma l-Kolleġġjanti studjaw il-Bibbja iktar żviluppaw konvinzjonijiet li kienu differenti minn dawk li kellhom il-knejjes stabbiliti. Sorsi ddatati mis-seklu 17 sas-seklu 20 jiddeskrivu xi ftit mit-twemmin tagħhom:
Il-Knisja Bikrija. Il-Kolleġġjant u teologu Adam Boreel, fl-1644 kiteb li meta l-knisja bikrija bdiet tindaħal fil-politika fi żmien l-Imperatur Kostantinu, kissret il-patt spiritwali tagħha maʼ Kristu u tilfet l-ispirazzjoni taʼ l-ispirtu qaddis. Hu żied li bħala riżultat, it-tagħlim falz immoltiplika u baqaʼ sejjer sa żmienu.
Ir-Riforma. Ir-Riforma tas-seklu 16 immexxija minn Luther, Calvin, u oħrajn m’għamlitx biżżejjed f’li tirriforma l-knisja. Minflok, skond Galenus Abrahamsz (1622-1706), li kien Kolleġġjant prominenti u tabib, ir-Riforma għamlet is-sitwazzjoni reliġjuża agħar billi kienet il-kaġun taʼ tilwim u mibegħda. Ir-riforma vera għandha tbiddel il-qalb, ħaġa li r-Riforma naqset li tagħmel.
Il-Knisja u l-Kleru. Il-knejjes stabbiliti huma korrotti, tad-dinja, u neqsin mill-awtorità divina. Min jieħu r-reliġjon bis-serjetà ma jistax jagħmel għażla aħjar minn dik li jitlaq il-knisja li jappartjeni sabiex ma jsirx kompliċi tad-dnubiet tagħha. L-inkarigu taʼ membru tal-kleru, qalu l-Kolleġġjanti, huwa kuntrarju għall-Iskrittura u “taʼ detriment għall-ġid spiritwali tal-kongregazzjoni Kristjana.”
Is-Saltna u l-Ġenna taʼ l-Art. Wieħed mill-fundaturi tal-kulleġġ t’Amsterdam, Daniel de Breen (1594-1664), kiteb li s-Saltna taʼ Kristu ma kinitx xi saltna spiritwali fil-qalb taʼ dak li jkun. L-għalliem Jacob Ostens, Kolleġġjant f’Rotterdam, qal li “l-patrijarki kienu qed iħarsu ’l quddiem lejn il-wegħdiet fuq l-art.” Bl-istess mod, il-Kolleġġjanti kienu qed jistennew iż-żmien meta l-art kienet se tiġi ttrasformata f’ġenna.
It-Trinità. Xi Kolleġġjanti prominenti, influwenzati mit-twemmin tas-Soċinjani, ċaħdu t-Trinità.c Per eżempju, Daniel Zwicker (1621-78) kiteb li kwalunkwe duttrina kontra r-raġuni, bħal dik tat-Trinità, kienet “impossibbli u falza.” Fl-1694, ġiet ippubblikata verżjoni tal-Bibbja tradotta mill-Kolleġġjant Reijnier Rooleeuw. L-aħħar parti taʼ Ġwann 1:1 tittraduċiha: “U l-kelma kienet alla” minflok it-traduzzjoni ortodossa: “U l-kelma kienet Alla.”d
Il-Laqgħat taʼ Matul il-Ġimgħa
Għalkemm mhux il-Kolleġġjanti kollha kienu jaqblu f’dak li kienu jemmnu, il-kulleġġi tagħhom fi bliet differenti kienu jaħdmu kważi l-istess. L-istorjografu Van Slee jirrapporta li fil-bidu tal-moviment tal-Kolleġġjanti, il-laqgħat rari kienu jippreparawhom minn qabel. Il-Kolleġġjanti ħassew li skond il-kliem taʼ l-appostlu Pawlu dwar il-bżonn li ‘jipprofetizzaw,’ il-membri rġiel kollha setgħu jindirizzaw lill-kulleġġ bil-libertà. (1 Korintin 14:1, 3, 26) Bħala riżultat, il-laqgħat taʼ spiss kienu jdumu sa tard bil-lejl u xi wħud minn dawk li attendew kienu “jorqdu fil-fond.”
Maż-żmien, il-laqgħat saru iktar organizzati. Il-Kolleġġjanti ma kinux jiltaqgħu biss nhar taʼ Ħadd imma fil-għaxijiet fost il-ġimgħa wkoll. Biex il-kelliemi u l-kongregazzjoni jkunu jistgħu jippreparaw minn qabel għal-laqgħat kollha taʼ dik is-sena, kienu stampaw programm b’lista tal-versi tal-Bibbja li kienu se jikkunsidraw, kif ukoll l-inizjali tal-kelliemi. Wara li l-laqgħa kienet tibda b’għanja u b’talba, il-kelliemi kien jispjega l-versi tal-Bibbja. Meta jispiċċa, kien jistaqsi lill-irġiel biex jesprimu lilhom infushom fuq is-suġġett li jkun għadu kif ġie diskuss. Imbagħad, kelliemi ieħor kien juri l-applikazzjoni taʼ l-istess versi. Kienu jispiċċaw il-laqgħa b’talba u għanja.
Il-Kolleġġjanti fil-belt taʼ Harlingen, fil-provinċja taʼ Friesland, kellhom mod ġdid kif iżommu l-laqgħat tagħhom skond l-iskeda. Kelliemi li kien idum jitkellem iktar milli suppost kellu jħallas multa żgħira.
Assembleat Nazzjonali
Il-Kolleġġjanti ħassew ukoll il-bżonn għal-laqgħat akbar. B’hekk, billi bdew fl-1640, il-Kolleġġjanti mill-pajjiż kollu kienu jivvjaġġaw darbtejn fis-sena (fir-rebbiegħa u fis-sajf) lejn Rijnsburg. Dawn il-laqgħat, jikteb l-istorjografu Fix, kienu jippermettulhom biex “isiru familjari maʼ l-ideat, is-sentimenti, it-twemmin, u l-attivitajiet taʼ ħuthom minn għadd taʼ pajjiżi.”
Xi wħud minn dawk il-Kolleġġjanti barranin kienu jikru kmamar għand in-nies tar-raħal waqt li oħrajn kienu joqogħdu fil-Groote Huis, jew Dar Kbira, dar bi 30 kamra li kienet il-propjetà tal-Kolleġġjanti. Hemmhekk kienu jservu ikliet komunali għal madwar 60 sa 70 ruħ. Wara l-ikla, il-viżitaturi setgħu jippassiġġaw fil-ġnien imdaqqas tad-dar biex igawdu ‘l-ħolqien t’Alla, konversazzjoni fil-kwiet, jew mument taʼ meditazzjoni.’
Għalkemm mhux il-Kolleġġjanti kollha kienu jħossu li l-magħmudija kienet neċessarja, ħafna kienu jħossuha importanti. B’hekk, il-magħmudija saret karatteristika tal-laqgħat kbar. L-istorjografu Van Slee jgħid li ċ-ċerimonja normalment kienet issir is-Sibt fil-għodu. Wara l-għanja u t-talba kien ikun hemm taħdita dwar il-bżonn tat-tgħaddis. Imbagħad, il-kelliemi kien jistieden lill-adulti li riedu jitgħammdu biex jagħmlu stqarrija tal-fidi, bħal, “Jien nemmen li Ġesù Kristu hu l-Iben t’Alla l-ħaj.” Wara li t-taħdita kienet tispiċċa bit-talba, dawk preżenti kollha kienu jimxu sal-pixxina fejn issir il-magħmudija u jaraw b’għajnejhom stess lil dawk l-irġiel u nisa li kienu jinżlu għarkobbtejhom fil-pixxina, sabiex l-ilma kien jilħqilhom sa spallejhom. Imbagħad, dak li jgħammed kien iniżżel bil-mod ras il-kredent il-ġdid ’il quddiem u taħt l-ilma. Wara ċ-ċerimonja, ilkoll kienu jmorru lura f’posthom għal taħdita oħra.
Is-Sibt wara nofsinhar fil-5:00 p.m., il-laqgħa attwali kienet tibda b’qari qasir mill-Bibbja, għanja, u talba. Biex ikunu ċerti li dejjem ikun hemm kelliemi dispost, il-kulleġġi taʼ Rotterdam, Leiden, Amsterdam, u Noord Holland kienu darba kull wieħed jipprovdu kelliema għal kull assemblea. Il-Ħadd fil-għodu kien irriżervat għaċ-ċelebrazzjoni taʼ l-Ikla tal-Mulej. Wara taħdita, talba, u għanja, l-ewwel l-irġiel u mbagħad in-nisa kienu jieħdu mill-ħobż u mill-inbid. Kienu jsiru iktar taħditiet il-Ħadd fil-għaxija, u t-Tnejn fil-għodu kulħadd kien jinġabar għat-taħdita taʼ l-għeluq. Il-biċċa l-kbira tat-taħditiet mogħtijin f’dawn il-konvenzjonijiet, jinnota Van Slee, kienu taʼ natura prattika, li jenfasizzaw l-applikazzjoni wara l-ispjegazzjoni ddettaljata.
Ir-raħal taʼ Rijnsburg kellu pjaċir jospita fih dawn il-laqgħat. Osservatur tas-seklu 18 kiteb li d-dħul tal-barranin, li kienu jonfqu mhux ħażin, kienu jħallu qligħ tajjeb għar-raħal. Barra minn hekk, wara kull konvenzjoni l-Kolleġġjanti kienu jikkontribwixxu somma għall-foqra taʼ Rijnsburg. Mingħajr ebda dubju, ir-raħal ħass in-nuqqas taʼ dawk il-laqgħat meta ma baqgħux isiru fl-1787. Wara dan, il-moviment tal-Kolleġġjanti sparixxa. Għala?
Għala Sparixxew
Sa tmiem is-seklu 17, kienet qamet tilwima dwar l-irwol li kellha r-raġuni fir-reliġjon. Xi Kolleġġjanti ħassew li r-raġuni tal-bniedem għandha tieħu preċedenza fuq ir-rivelazzjoni divina, imma kien hemm oħrajn li ma qablux. Eventwalment, it-tilwima firdet lill-moviment kollu kemm hu tal-Kolleġġjanti. Kien biss wara li mietu l-proponenti ewlenin tat-tilwim taż-żewġ naħat li l-Kolleġġjanti reġgħu ngħaqdu. Minkejja dan, wara din il-firda l-moviment “qatt ma reġaʼ kien l-istess,” jinnota l-istorjografu Fix.
Żjieda fit-tolleranza fil-knejjes Protestanti tas-seklu 18 ikkontribwiet ukoll biex il-Kolleġġjanti ma jibqgħux daqshekk popolari. Hekk kif il-prinċipji tal-Kolleġġjanti dwar ir-raġuni u t-tolleranza saru ferm iktar aċċettati mis-soċjetà in ġenerali, “id-dawl uniku li darba kellu l-Kolleġġjantiżmu sparixxa fiż-żerniq jiddi tal-moviment tat-Tidwil.” Sa tmiem is-seklu 18, il-biċċa l-kbira mill-Kolleġġjanti interessaw ruħhom fil-Mennoniti u fi gruppi reliġjużi oħrajn.
Ladarba l-Kolleġġjanti ma mmirawx li jkunu fehma waħda fil-moviment tagħhom, kien hemm opinjonijiet differenti kważi daqs kemm kien hemm Kolleġġjanti. Huma rrikonoxxewh dan, u għalhekk, ma sostnewx li kienu “magħqudin . . . fehma waħda,” kif l-appostlu Pawlu jħeġġeġ li għandhom ikunu l-Kristjani. (1 Korintin 1:10) Madankollu, fl-istess ħin il-Kolleġġjanti kienu qed iħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien meta t-twemmin fundamentali Kristjan, bħal li jkunu fehma waħda, se jsir realtà.
Meta nikkunsidraw il-fatt li l-għarfien veru ma kienx għadu sar abbundanti fi żmien il-Kolleġġjanti, huma taw eżempju li ħafna reliġjonijiet illum jistgħu jinnotawh. (Qabbel Danjel 12:4.) Il-fatt li enfasizzaw il-bżonn taʼ studju tal-Bibbja kien fi qbil mal-parir taʼ l-appostlu Pawlu: “Kunu żguri mill-affarijiet kollha.” (1 Tessalonikin 5:21, NW) L-istudju persunali tal-Bibbja għallem lil Jacobus Arminius u lil oħrajn li xi duttrini u prattiċi reliġjużi li ilhom jeżistu ma kinux assolutament ibbażati minn fuq il-Bibbja. Meta huma rrealizzaw dan, kellhom il-kuraġġ li jkunu differenti mir-reliġjon stabbilita. Kieku int, hekk kont tagħmel?
[Noti taʼ taħt]
a Fl-1610 d-dissidenti kienu bagħtu rimostranza (dokument li jistqarr raġunijiet għal oppożizzjoni) lill-ħakkiema Olandiżi. Wara dik l-azzjoni, huma ġew imsejħin Rimostranti.
b Minħabba dan il-post, il-Kolleġġjanti kienu jissejħu wkoll Rijnsburgers.
c Ara l-Awake!, tat-22 taʼ Novembru, 1988, paġna 19, “The Socinians—Why Did They Reject the Trinity?”
d Het Nieuwe Testament van onze Heer Jezus Christus, uit het Grieksch vertaald door Reijnier Rooleeuw, M.D. (It-Testment il-Ġdid tal-Mulej Tagħna Ġesù Kristu, tradott mill-Grieg minn Reijnier Rooleeuw, M.D.)
[Stampa f’paġna 24]
Rembrandt van Rijn
[Stampi f’paġna 26]
Ir-raħal taʼ Warmond fejn għall-ewwel kienu bdew il-Kolleġġjanti, u x-Xmara De Vliet fejn kienet issir il-magħmudija
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 23]
Fl-isfond: Courtesy of the American Bible Society Library, New York