Il-Pressjoni Minn Dawk taʼ Mparek—Tistaʼ Din Tkun taʼ Vantaġġ Għalik?
Ilkoll kemm aħna nitwieldu bix-xewqa bażika li nkunu aċċettati minn sħabna. Ħadd ma jrid li ma jintgħoġobx, li jiġi rifjutat. B’hekk, ftit jew wisq, dawk taʼ mparna jinfluwenzawna.
WIEĦED taʼ mpar ieħor huwa definit bħala “wieħed li għandu pożizzjoni ugwali maʼ ieħor; . . . xi ħadd li jappartjeni lill-istess grupp soċjali, speċjalment fuq bażi t’età, grad, jew stat.” Il-pressjoni minn taʼ mparna, imbagħad, hija l-forza eżerċitata fuqna minn sħabna, sabiex, sew jekk inkunu konxji taʼ dan u sew jekk le, nikkonformaw għall-mod taʼ kif jaħsbuha jew jaġixxu huma. Il-pressjoni minn taʼ mparna ġeneralment titqies minn lat negattiv. Madankollu, kif se naraw, nistgħu ndawruha għall-vantaġġ tagħna.
Tinfluwenza lill-Gruppi taʼ kull Età
Il-pressjoni minn taʼ mparna m’hijiex xi ħaġa taż-żgħar biss; din teffettwa lill-gruppi taʼ kull età. L-influwenza li għandha tintwera meta nsibu ruħna nistaqsu mistoqsijiet bħal: “Ħaddieħor hekk qed jagħmel, jien għax ma nistax?” “Għalfejn għandi nkun dejjem differenti?” “X’se jaħsbu jew jgħidu l-oħrajn?” “Ħbiebi kollha qed joħorġu maʼ xi ħadd u qed jiżżewġu, imma jien le. X’għandi ħażin?”
Filwaqt li l-pressjoni biex nikkonformaw tinfluwenza lill-gruppi taʼ kull età, hemm it-tendenza li din tkun iktar intensa matul l-adolexxenza. The World Book Encyclopedia tgħid li “l-biċċa l-kbira taʼ l-adolexxenti jsiru involuti ferm maʼ sħabhom tal-grupp—jiġifieri, iċ-ċirku tagħhom taʼ ħbieb jew taʼ dawk li jafu. Dawn l-adolexxenti jfittxu l-approvazzjoni taʼ sħabhom, flok dik tal-ġenituri tagħhom, u jistgħu jbiddlu l-imġiba tagħhom biex jiksbu dik l-approvazzjoni.” L-adolexxenti, tissokta din, “jassumu li jkunu qed jiżviluppaw b’mod normali jekk jintgħoġbu u jiġu aċċettati minn sħabhom.” Minħabba f’hekk “jintilfu fi kwistjonijiet li huma jaħsbu li jeffettwaw il-popolarità tagħhom, bħall-istil tagħhom taʼ lbies, l-abbiltà li jmexxu, u s-suċċess fl-appuntamenti maʼ xi ħadd tas-sess oppost.”
Koppji miżżewġin jistgħu jsibu li d-deċiżjonijiet tagħhom dwar liema tip taʼ dar jixtru jew jikru, liema tip taʼ karozza jsuqu, jekk ikollhomx tfal jew le, u ħafna kwistjonijiet oħrajn huma influwenzati minn pressjoni minn dawk taʼ madwarhom—x’inhu aċċettabbli fil-komunità tagħhom, fost sħabhom jew il-grupp etniku tagħhom. Xi familji saħansitra jidħlu f’dejn kbir sempliċement biex iżommu l-istess qagħda materjali li għandhom il-ġirien tagħhom jew sħabhom. Iva, il-miri tagħna, il-mod kif naħsbuha, u d-deċiżjonijiet tagħna taʼ spiss jikxfu l-qawwa sottili li għandha l-pressjoni minn dawk taʼ mparna. Meta nqisu l-qawwa tagħha, nistgħu aħna niffaċċjaw il-pressjoni minn dawk taʼ mparna b’mod vantaġġuż, sabiex tgħinna fid-direzzjoni li rridu mmorru? Dażgur li nistgħu!
Nużaw Tajjeb l-Influwenza Edifikanti minn Dawk taʼ Mparna
It-tobba u professjonisti tas-saħħa oħrajn jafu kemm hu siewi li l-pazjenti tagħhom ikunu mdawrin b’nies pożittivi u b’influwenzi bnien oħrajn. Ambjent bħal dan jistaʼ jistimulahom biex ifiqu. Per eżempju, matul il-proċess twil taʼ riabilitazzjoni fiżika u rkuprar emozzjonali, xi nies li jkunu tilfu xi riġel jew driegħ, taʼ spiss isibu t’għajnuna l-eżempju tajjeb u l-inkuraġġiment t’oħrajn li sofrew b’mod simili. Jidher ċar li mod kif wieħed jagħmel użu tajjeb mit-tip xieraq taʼ pressjoni minn dawk taʼ mparu huwa billi jinvolvi ruħu f’ambjent edifikanti li jinkludi persuni eżemplari li jkunu ottimisti u pożittivi.
Dan il-prinċipju japplika wkoll għall-kongregazzjoni Kristjana, għax influwenza pożittiva minn dawk taʼ madwarna hija waħda mir-raġunijiet għala Jehovah dderieġa lin-nies tiegħu biex jiltaqgħu flimkien regolarment. Alla jħeġġiġna biex ‘inħajru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb u biex nagħmlu l-qalb lil xulxin.’ (Lhud 10:24, 25) Inkuraġġiment bħal dan huwa imprezzabbli minħabba l-bosta pressjonijiet negattivi u taʼ ħsara li hawn fid-dinja tal-lum. Bħala riżultat taʼ dawn il-pressjonijiet, il-Kristjani għandhom ‘jitħabtu’ biex jibqgħu b’saħħithom spiritwalment. (Luqa 13:24) B’hekk, neħtieġu u napprezzaw l-appoġġ kollu mħabba tal-kredenti sħabna. Iktar minn hekk, xi wħud għandhom mnejn ikollhom jissaportu ‘xewk f’ġisimhom,’ forsi xi marda jew diżabilità. (2 Korintin 12:7) Oħrajn għandhom mnejn qegħdin jitħabtu biex jegħlbu vizzji ħżiena jew xi dipressjoni, jew forsi jsibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tal-ħajja. Għalhekk, inkunu għaqlin jekk inkunu mdawrin b’nies li jżommu qrib t’Alla Jehovah u li jieħdu pjaċir jaqduh. Ħbieb bħal dawn se jqawwulna qalbna u jgħinuna ‘nibqgħu nżommu sħiħ sa l-aħħar.’—Mattew 24:13.
Allura, billi nagħżlu ħbieb tajbin inkunu nistgħu nikkontrollaw l-influwenza li jeżerċitaw fuqna. Iktar minn hekk, l-ikel spiritwali u l-gwida prattika mill-aħjar provduti fil-laqgħat Kristjani jsaħħu l-inkuraġġiment persunali li nirċievu minn sħabna.
M’għandniex xi ngħidu, m’huwiex dejjem faċli li mmorru għal-laqgħat Kristjani. Xi wħud għandhom mnejn ikollhom ftit li xejn inkuraġġiment mill-imseħbin tagħhom fiż-żwieġ, oħrajn jistgħu jkollhom it-tfal x’ilestu, u jerġaʼ għal oħrajn it-trasport jistaʼ jkun taʼ problema. Imma aħseb ftit: Jekk ma tħallix lil dawn l-ostakli jwaqqfuk, imbagħad l-eżempju tiegħek jistaʼ jispira lil oħrajn li jkunu qed jissieltu maʼ ċirkustanzi simili. Fi kliem ieħor, int u oħrajn bħalek mhux biss tipprovdu eżempju mill-aħjar imma wkoll għamla edifikanti taʼ influwenza fuq dawk taʼ madwarkom—u dan mingħajr ebda ħjiel taʼ sforzar.
Fil-fatt, l-appostlu Pawlu, li hu nnifsu kellu jissielet maʼ ħafna tbatijiet u ostakli, inkuraġġixxa lill-Kristjani biex jimitaw l-eżempju mill-aħjar tiegħu u dak taʼ Kristjani maturi oħrajn. Hu qal: “Ħuti, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skond l-eżempju li rajtu fina.” (Filippin 3:17; 4:9) Il-Kristjani bikrin f’Tessalonika ħarsu lejn l-eżempju mill-aħjar taʼ Pawlu. Pawlu kiteb dwarhom: “Intom sirtu tixbhu lilna u l-Mulej, billi lqajtu l-kelma fost ħafna taħbit bil-ferħ taʼ l-Ispirtu s-Santu. Hekk intom sirtu mudell għal dawk kollha li emmnu fil-Maċedonja u l-Akaja.” (1 Tessalonikin 1:6, 7) L-attitudni pożittiva u l-eżempju tagħna jistgħu jkollhom effett simili fuq dawk li nissieħbu magħhom.
Evita Influwenzi Negattivi
Jekk irridu nevitaw pressjoni minn dawk taʼ mparna li m’hijiex edifikanti, irridu nirreżistu l-influwenza taʼ ‘dawk li jgħixu skond il-ġisem.’ (Rumani 8:4, 5; 1 Ġwann 2:15-17) Inkella, il-pressjoni taʼ ħsara minn dawk taʼ mparna se tiżvijana minn Jehovah u l-pariri għaqlin tiegħu. Proverbji 13:20 jgħid: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.” Jiġik f’moħħok xi ħadd li spiċċa ħażin minħabba pressjoni taʼ ħsara minn dawk taʼ mparu? Per eżempju, xi Kristjani waqgħu fil-materjaliżmu, l-immoralità, jew l-abbuż tad-drogi u l-alkoħol minħabba l-influwenza taʼ sħabhom.
Saħansitra fil-kongregazzjoni Kristjana, nistgħu naqgħu taħt l-influwenza taʼ pressjoni minn dawk taʼ madwarna li m’hijiex edifikanti jekk nagħżlu lil individwi dgħajfin spiritwalment bħala l-ħbieb intimi tagħna. (1 Korintin 15:33; 2 Tessalonikin 3:14) Taʼ spiss uħud bħal dawn ma jkunux inklinati li jiddiskutu kwistjonijiet spiritwali; saħansitra jistgħu jwaqqgħu għaċ-ċajt lil dawk li jieħdu gost b’dawn id-diskussjonijiet. Jekk nagħżlu lil dawn l-uħud bħala l-ħbieb intimi tagħna, il-pressjoni li jagħmlulna tistaʼ ġġagħalna nikkonformaw, u malajr insibu li l-mod kif naħsbuha u l-attitudni tagħna qed jirriflettu lil tagħhom. Saħansitra nistgħu nibdew naħsbu b’mod negattiv dwar dawk li l-fidi tagħhom hi ġenwina u li qed jipprovaw jagħmlu avvanz spiritwali.—1 Timotju 4:15.
Kemm ikun iktar għaqli li nikkultivaw ħbiberiji maʼ dawk li jistinkaw biex jogħġbu lil Jehovah, li jitgħaxxqu b’affarijiet spiritwali! Ħbieb bħal dawn jgħinuna nirriflettu “l-għerf li ġej mis-sema.” Dan “qabel kollox hu għerf safi, [“imbagħad, li jħobb is-sliem,” Saydon] it-tjubija u l-ħlewwa, huwa kollu ħniena u frott tajjeb, . . . bla qerq.” (Ġakbu 3:17) Dan ma jfissirx li n-nies li moħħhom f’affarijiet spiritwali m’humiex kapaċi jitkellmu dwar affarijiet oħrajn barra minn kwistjonijiet spiritwali. Għall-kuntrarju! Ħu biss il-varjetà taʼ suġġetti interessanti li jiġu kunsidrati f’pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower bħalma hi r-rivista Stenbaħ! Is-suġġetti edifikanti għal diskussjoni tassew ma jispiċċaw qatt, u billi nieħdu interess f’din il-varjetà vasta taʼ suġġetti, nirriflettu mħabba għall-ħajja u għax-xogħol li għamel Jehovah.
L-istess bħalma tennista tajjeb itejjeb l-abbiltà tiegħu billi jilgħab m’oħrajn li jafu jilagħbu tajjeb, ħbieb tajbin jelevawna mentalment, emozzjonalment, u spiritwalment. Mill-banda l-oħra, ħbieb ħżiena jistgħu jwassluna għal korsa taʼ ipokresija billi jinkuraġġuna ngħixu ħajja doppja. Kemm ikun aħjar li ngawdu kuxjenza nadifa flimkien maʼ rispett lejna nfusna!
Xi Wħud li Bbenefikaw
Il-biċċa l-kbira jsibu li m’huwiex daqshekk diffiċli li jitgħallmu d-duttrini tal-Bibbja u l-ħtiġijiet morali u spiritwali tagħha. Li jistaʼ jkun diffiċli, madankollu, huwa li jpoġġu dawn l-affarijiet fil-prattika. Bħalma juru l-eżempji li ġejjin, influwenza edifikanti minn dawk taʼ madwarna tistaʼ tgħinna naqdu lil Jehovah b’ruħna kollha.
Xhud wieħed, li huwa fil-ministeru full-time maʼ martu, qal li l-eżempji taʼ sħabu effettwaw il-miri tiegħu f’ħajtu. Hu u jikber, kellu jħabbat wiċċu maʼ influwenzi li ma kinux edifikanti. Imma hu għażel bħala l-ħbieb tiegħu lil dawk li inkuraġġewh biex ikun regulari fil-ministeru u fl-attendenza għal-laqgħat Kristjani. Il-fatt li baqaʼ maʼ dawn il-ħbieb għenu fil-korsa tiegħu lejn maturità spiritwali.
Xhud ieħor jikteb: “Wara li jien u marti żżewwiġna, morna f’kongregazzjoni fejn koppja taʼ mparna kienu pijunieri regulari. L-eżempju tagħhom ikkontribwixxa lejn li aħna dħalna fil-ministeru full-time. Imbagħad aħna wkoll ħdimna fuq li nibnu l-ispirtu taʼ pijunier fil-kongregazzjoni. Bħala riżultat, ħafna ngħaqdu magħna bħala pijunieri.”
Sħubija maʼ dawk li għandhom miri teokratiċi tistaʼ tagħmel l-ubbidjenza lejn Jehovah iktar faċli. Dan huwa effett ieħor taʼ benefiċċju li għandha influwenza edifikanti minn dawk taʼ madwarna. Wieħed Xhud li bħala żagħżugħ ħa sehem fil-ministeru full-time u iktar tard sar indokratur li jivvjaġġa issa jaqdi f’wieħed mill-uffiċċji tal-fergħa tal-Watch Tower Society. Hu jikteb: “Xi wħud mir-rikordji l-iktar bikrin u l-iktar għeżież tat-tfulija tiegħi huma tal-qaddejja full-time li kienu jżuruna d-dar. Dejjem kien ikun hemm post għal siġġu ieħor mal-mejda tal-kamra taʼ l-ikel. Wieħed indokratur tas-circuit tani basket tas-servizz meta kelli għaxar snin. Għadni ngħożż dal-basket sal-ġurnata tal-lum.”
Hekk kif jirrifletti dwar is-snin taʼ l-adolexxenza tiegħu, dan ix-Xhud iżid: “Ħafna mill-ġuvintur fil-kongregazzjoni riedu jinvolvu ruħhom fl-attivitajiet tal-kongregazzjoni, u l-eżempju tagħhom qanqal lil oħrajn minna biex inkunu nixtiequ nagħmlu l-istess.” Ħbieb tajbin għenu lil dan iż-żagħżugħ, bħal żarġun, biex jikber u jsir raġel mill-aħjar Kristjan qisu siġra wieqfa. Ġenituri, tistiednu intom id-dar lil dawk li jistgħu jinfluwenzaw lil uliedkom b’mod pożittiv u edifikanti?—Malakija 3:16.
M’għandniex xi ngħidu, mhux ilkoll kemm aħna nistgħu nieħdu sehem fil-ministeru full-time bħal dawn l-individwi li għadna kemm semmejna. Imma lkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu nħobbu lil Jehovah ‘b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, u b’moħħna kollu.’ (Mattew 22:37) L-għażla tagħna tal-ħbieb għandha rwol importanti ħafna f’li niżviluppaw l-imħabba, u b’hekk fil-prospetti tagħna għall-ħajja taʼ dejjem.
Is-salmista ta formola sempliċi imma effettiva għal suċċess veru fil-ħajja: “Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-parir tal-ħżiena, li ma jiqafx fi triq il-ħatjin, li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa; imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-ilma li tagħmel il-frott fi żmienha, u l-weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.”—Salm 1:1-3.
X’garanzija taʼ l-għaġeb! Avolja aħna imperfetti u nagħmlu l-iżbalji, ħajjitna tistaʼ tirnexxi jekk inħallu lil Jehovah jiggwidana u jekk nużaw kemm nifilħu dik ir-riżerva mogħtija minn Alla taʼ influwenza edifikanti minn sħabna—‘ħutna mxerrdin fid-dinja.’—1 Pietru 5:9.
[Stampa f’paġna 24]
Il-kongregazzjoni toffri għamla bnina taʼ influwenza minn dawk taʼ madwarna
[Stampa f’paġna 25]
Ġenituri, inkuraġġixxu lil uliedkom biex jitħalltu maʼ ħbieb li jistgħu jibnuhom