Infittxu Wħud li Jixirqilhom fil-Kenja
IL-KENJA hija art taʼ ġmiel naturali kbir. Dan il-pajjiż huwa mżejjen b’foresti kbar, pjanuri vasti, deżerti jikwu bis-sħana, u muntanji miksijin bis-silġ. Fil-Kenja jgħixu iżjed minn miljun antelop Afrikan kif ukoll għadd taʼ rinoċeronti li dejjem qed jonqsu fin-numru. Wieħed jistaʼ jara wkoll qtajjaʼ taʼ ġiraffi għaddejjin minn ġol-pjanuri miksijin bil-ħaxix.
Fil-Kenja hemm ukoll ammont kbir taʼ tajr. Fosthom insibu l-ajkla, li ttir fl-għoli b’saħħa enormi, u l-mirjadi t’għasafar taʼ l-għana kuluriti li jimlew l-arja bil-melodiji ferriħin tagħhom. U min jistaʼ ma jagħtix kas taʼ l-iljunfanti u l-iljuni? Ix-xeni u l-ħsejjes tal-Kenja ma jintesew qatt!
Madankollu, f’dan il-pajjiż mill-isbaħ jinstemaʼ ħoss ieħor. Dan huwa l-ħoss t’eluf taʼ ilħna li qed jagħtu messaġġ taʼ tama. (Isaija 52:7, 8 [52:7, NW]) Dawn l-ilħna qed jaslu għand iktar minn 40 tribù u lsien. F’dan is-sens, il-Kenja hija wkoll art taʼ ġmiel spiritwali kbir.
Ħafna min-nies tal-Kenja huma reliġjużi, u huma lesti li jiddiskutu fuq affarijiet spiritwali. Minkejja dan, m’huwiex faċli li ssib maʼ min titkellem, għaliex bħal ħafna pajjiżi oħrajn, il-Kenja bħalissa għaddejja minn bidla.
Ħafna ġew imġagħlin jibdlu l-mod taʼ ħajja tagħhom minħabba l-kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli li jeżistu. In-nisa, fejn qabel kienu jaħdmu d-dar, issa qed isibu xogħol f’xi uffiċċju jew inkella ssibhom maʼ xi ġenb tat-triq ibigħu l-frott, il-ħaxix, il-ħut, u l-basktijiet magħmulin mill-qasab. L-irġiel jaħdmu sigħat ibsin u twal biex imantnu l-familji tagħhom. Saħansitra t-tfal, b’idejhom ċkejknin mimlijin pakketti taʼ karawett inkaljat u bajd mgħolli, iduru t-toroq biex jipprovaw ibigħuhom. Għalhekk, ftit huma n-nies li jkunu d-dar matul il-ġurnata. Għal din ir-raġuni kien neċessarju li l-proklamaturi taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna jagħmlu xi aġġustamenti.
Il-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah ngħataw il-parir biex jikkonċentraw iżjed fuq dawk in-nies li ma jkunux id-dar, li jkunu għaddejjin bid-dmirijiet tagħhom taʼ kuljum, kif ukoll fuq il-ħbieb, il-qraba, uħud li jaħdmu fil-qasam kummerċjali, u sħabhom tax-xogħol. L-aħwa hekk għamlu, billi tkellmu maʼ kulmin iltaqgħu miegħu. (Mattew 10:11) Ħalla xi frott l-isforz tagħhom biex jilħqu iktar nies? Iva, u kif! Ikkunsidra xi eżempji.
Il-Qraba Huma l-Egħżeż Proxxmu Tagħna
Najrobi, il-belt kapitali tal-Kenja fiha madwar tliet miljun abitant. Fil-lvant tal-belt kien jgħix wieħed maġġur taʼ l-armata li kien irtirat. Għal żmien twil, dan ma kienx jaħmilhom lix-Xhieda taʼ Jehovah minkejja li, b’dispjaċir kbir għalih, ibnu stess kien Xhud. Darba minnhom fi Frar, dan l-uffiċjal irtirat żar lil ibnu li kien jgħix madwar 160 kilometru ’l bogħod, fil-belt taʼ Nakuru fejn hemm ir-Rift Valley. Sakemm dam hemmhekk, ibnu tah bħala rigal il-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem.* Missieru aċċettah u telaq lura d-dar.
L-uffiċjal irtirat ta l-ktieb lil martu. Din bdiet taqrah mingħajr ma ntebħet li kien pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah. Bil-mod il-mod, il-verità tal-Bibbja messitilha qalbha u bdiet taqsam din l-informazzjoni maʼ żewġha. Min-naħa tiegħu, dan ukoll beda jaqra l-ktieb għax għelbitu l-kurżità. Meta rrealizzaw min kien ippubblika l-ktieb, indunaw li ma kinux qalulhom il-verità dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah. Ikkuntattjaw lix-Xhieda lokali u nbeda studju tal-Bibbja. Meta qraw il-ktieb, huma stess kienu ndunaw li ma kienx xieraq għal Kristjan li juża jew ibigħ it-tabakk. (Mattew 22:39; 2 Korintin 7:1) Għalhekk, mingħajr ma qagħdu jaħsbuha darbtejn, qerdu s-sigaretti kollha li kellhom fil-ħanut tagħhom. Wara diversi xhur ikkwalifikaw bħala pubblikaturi mhux mgħammdin, u ftit żmien wara tgħammdu waqt konvenzjoni distrettwali.
Joħroġ Teżor mill-Iskart
Mifruxin ’l hawn u ’l hemm mad-distrett kapitali hemm villaġġi li fihom jgħixu mijiet t’eluf taʼ nies. Hawnhekk wieħed isib ringieli sħaħ taʼ djar mibnijin bit-tajn, injam, fdalijiet tal-metall, jew pjanċi tal-ħadid. Meta jkun hemm nuqqas taʼ xogħol fl-industriji u l-fabbriki, in-nies jiddobbaw b’li jsibu. Ħaddiema li jissejħu Jua kali (“xemx qalila” bis-Swaħili), jaħdmu iebes f’xemx tisreġ biex jagħmlu s-sandlijiet mit-tajers taʼ karozzi antiki jew lampi tal-pitrolju minn laned mormijin. Oħrajn iqallbu fil-munzelli u l-laned taʼ l-iskart biex isibu karti, bottijiet tal-landa, u fliexken tajbin għar-riċiklaġġ.
Jistaʼ joħroġ xi teżor mill-iskart? Iva! Wieħed ħu jiftakar: “Wieħed raġel b’saħħtu, maħmuġ, u b’dehra raffa baqaʼ dieħel fil-ġnien tas-Sala taʼ l-Assemblea b’borża tal-plastik kbira mimlija gazzetti u rivisti mormijin. Wara li introduċa lilu nnifsu bħala William, staqsieni: ‘Għandkom il-ħarġiet reċenti taʼ It-Torri taʼ l-Għassa?’ Għall-ewwel bqajt daqsxejn lura għax ma kontx naf x’kellu f’moħħu. Meta wrejtu ħames kopji tar-rivista, hu tahom daqqa t’għajn waħda waħda u qalli: ‘Se neħodhom kollha.’ Kollni mistagħġeb mort lejn kamarti u ġibtlu l-ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq l-Art.a Urejtu l-istampa tal-Ġenna taʼ l-art u spjegajtlu li aħna nistudjaw il-Bibbja man-nies mingħajr ħlas. Imbagħad issuġġerejtlu: ‘William, għalfejn ma tiġix għada u nibdew studju?’ U hekk għamel!
“Darba waħda, meta kien il-Ħadd, ġie għall-ewwel laqgħa tiegħu. Dak in-nhar kont qed nagħti t-taħdita pubblika jien. Meta William daħal ġewwa, ta daqqa t’għajn lejn l-udjenza, rani fuq il-platform, u b’ġirja waħda ħareġ ’il barra mis-sala. Iktar tard staqsejtu għalfejn kien għamel hekk. B’ċerta mistħija qalli: ‘In-nies kienu nodfa wisq, u nfxilt.’
“Hekk kif William għamel progress fl-istudju tiegħu, il-verità tal-Bibbja bdiet tbiddillu ħajtu. Inħasel, qataʼ xagħru, libes ħwejjeġ nodfa u puliti, u fi żmien qasir beda jattendi l-laqgħat b’mod regulari. Meta ħareġ il-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, bdejna nistudjaw minn fuqu. Sadattant, William kien diġà ta żewġ taħditiet fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u kien sar pubblikatur mhux mgħammed. Kemm fraħt meta tgħammed f’jum t’assemblea speċjali u stajt nilqgħu bħala ħija spiritwali!”
William minfejn kien ra għall-ewwel darba l-valur li fiha r-rivista t-Torri taʼ l-Għassa? “Sibt xi ħarġiet tar-rivista qalb xi karti mormija fl-iskart.” Iva, kien sab teżor b’mod mhux mistenni!
Xiehda fuq il-Post tax-Xogħol
Qegħdin dejjem attenti biex naħtfu kull opportunità biex nagħtu xiehda informali fuq il-post tax-xogħol? James, anzjan f’kongregazzjoni ġewwa Najrobi, sar jaf il-verità tal-Bibbja b’dan il-mod. Min-naħa tiegħu, hu uża b’mod effettiv dan l-istess metodu biex jilħaq lil oħrajn. Per eżempju, darba minnhom James ra lil wieħed minn sħabu tax-xogħol dieħel l-uffiċċju liebes beġġ bil-kliem “Ġesù Jsalva.” Billi imita lil Filippu l-evanġelizzatur, James staqsa lil sieħbu: “Int taf eżatt x’ifisser dak il-kliem?” (Atti 8:30) B’din il-mistoqsija nbdiet diskussjoni mill-aħjar. Inbeda studju tal-Bibbja, u xi żmien wara, ir-raġel tgħammed. Kellu iżjed suċċess James? Ħa jgħidilna hu stess:
“Jien u Tom konna naħdmu maʼ l-istess kumpanija. Taʼ spiss konna nirkbu l-vann tax-xogħol flimkien. Għodwa waħda nzertajna bil-qegħda ħdejn xulxin. Jien kont qed naqra wieħed mill-kotba tagħna, u żammejtu b’tali mod u manjiera li Tom żgur setaʼ jarah sew. Ġara eżatt kif xtaqt jien. Tom wera interess, u jien bil-qalb kollha selliftlu l-ktieb. Hu baqaʼ impressjonat ferm b’dak li qara u aċċetta li jibda studju tal-Bibbja. Issa kemm hu u kemm martu huma qaddejja mgħammdin taʼ Jehovah.”
James ikompli jgħid: “Fuq ix-xogħol, taʼ spiss ikollna konversazzjonijiet interessanti waqt il-waqfa taʼ nofsinhar. Kien f’ żewġ okkażjonijiet bħal dawn li ltqajt maʼ Ephraim u Walter. It-tnejn kienu jafu li jien kont wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Ephraim ried ikun jaf għalfejn kien hemm daqstant ostilità lejn ix-Xhieda taʼ Jehovah. Min-naħa tiegħu, Walter ried ikun jaf x’differenza hemm bejn ix-Xhieda u reliġjonijiet oħrajn. It-tnejn kienu sodisfatti ferm bit-tweġibiet Skritturali li tajthom, u aċċettaw li jibdew jistudjaw. Ephraim malajr għamel progress. Maż-żmien, kemm hu u kemm martu ddedikaw ħajjithom lil Jehovah. Issa hu qed jaqdi bħala anzjan, u martu hija pijuniera regulari. Min-naħa l-oħra, Walter tant sab oppożizzjoni ħarxa li rema l-ktieb li kien juża għall-istudju. Iżda minħabba li bqajt insus warajh, reġaʼ beda jistudja. Issa huwa wkoll qed igawdi l-privileġġ li jaqdi bħala anzjan.” B’kollox ħdax-il persuna saru Kristjani veri minħabba li James ħataf kull opportunità biex jagħti xiehda informali fuq il-post tax-xogħol.
Riżultat Tassew taʼ l-Għaġeb
Ġo villaġġ żgħir fuq ix-xatt taʼ Lake Victoria, diversi qraba u ħbieb inġabru flimkien biex jattendu għal funeral. Fost il-ġemgħa mnikkta kien hemm Xhud imdaħħal fiż-żmien. Hu resaq lejn waħda għalliema taʼ l-iskola jisimha Dolly u spjegalha dwar il-kundizzjoni tal-mejtin u l-iskop taʼ Jehovah li jneħħi l-mewt għal dejjem. Billi nnota kemm ħadet pjaċir tisimgħu, hu żguraha: “Meta terġaʼ tmur lura fejn toqgħod, xi ħadd mill-missjunarji tagħna jiġi jżurek u jgħallmek il-Bibbja.”
Dolly kienet toqgħod fit-tielet mill-akbar bliet fil-Kenja. Dik il-ħabta kien hemm biss erbaʼ Xhieda missjunarji jaqdu hemmhekk. Il-ħu mdaħħal fiż-żmien fil-fatt ma kienx qalilhom lill-missjunarji biex iżuru lil Dolly, imma kien ċert mija fil-mija li hekk kien se jsir. U veru hekk sar! Ftit taż-żmien wara, oħt missjunarja ltaqgħet maʼ Dolly u bdiet studju magħha. Issa Dolly hija mgħammda, bintha ż-żgħira hija miktuba fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, u ż-żewġ uliedha subien huma mgħammdin ukoll. Hi ferħana wkoll li attendiet għall-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier.
Jieħdu Ħsieb iż-Żjieda
Din l-enfasi fuq ix-xiehda informali tat opportunità lil eluf oħrajn fil-Kenja biex jisimgħu l-aħbar tajba. Issa hemm iżjed minn 15,000 pubblikatur li qed jaħdmu iebes f’dan ix-xogħol ferm importanti. Barra minn hekk, is-sena l-oħra ’l fuq minn 41,000 ruħ attendew il-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu. Fil-Kenja kollha, l-attendenza għal-laqgħat spiss tkun id-doppju tan-numru taʼ pubblikaturi tas-Saltna. B’hekk inħasset il-ħtieġa għal iżjed Swali tas-Saltna.
Qed jinbnew Swali tas-Saltna kemm fil-bliet il-kbar kif ukoll f’postijiet imwarrbin. Wieħed minn dawn il-postijiet iżolati jinsab fid-distrett taʼ Samburu, madwar 320 kilometru fil-grigal taʼ Najrobi. Fl-1934, il-belt ġiet imsejħa “Maralal,” li bis-Samburu jfisser “ilellex.” Dan ġara għaliex l-ewwel saqaf magħmul mill-pjanċi tal-ħadid li sar hemmhekk kien ileqq fix-xemx. Tnejn u sittin sena wara nbniet binja oħra f’Maralal bis-saqaf magħmul mill-pjanċi tal-ħadid. Dan ukoll “jixgħel” u “jiddi” għaliex huwa l-post lokali għall-qima vera.
F’din il-parti mwarrba tal-Kenja, il-15-il pubblikatur għamlu sforz meraviljuż biex jibnu l-ewwel Sala tas-Saltna. Ladarba ma tantx kellhom flus, l-aħwa rġiel kellhom jużaw materjal li setaʼ jinstab f’dawk l-inħawi. Huma għamlu l-ħitan mill-ħamrija billi xarrbuha bl-ilma u mlew sew bejn l-arbli weqfin. Imbagħad, illixxaw il-ħitan u kaħħluhom bil-ħmieġ tal-baqar u bl-irmied. B’hekk tawhom kisja li serviet għal ħafna snin.
Sabiex jakkwistaw l-arbli għall-bini, l-aħwa ġabu permess biex jaqtgħu s-siġar. Imma l-eqreb foresta kienet madwar 10 kilometri ’l bogħod. L-aħwa kellhom jimxu sal-foresta, jaqtgħu s-siġar u jqaċċtulhom il-friegħi, u jġorru l-arbli lura lejn il-post fejn kienu qed jibnu. Darba minnhom, huma u ġejjin lura mill-foresta, l-aħwa ġew imwaqqfin minn pulizija li qalilhom li l-permess tagħhom biex jaqtgħu s-siġar ma kienx validu. Hu qal lil wieħed pijunier speċjali li kien se jarrestah talli qataʼ s-siġar. Waħda oħt, li kienet toqgħod f’dawk l-inħawi u li kienet magħrufa sew f’dik il-komunità u mill-pulizija, qalet: “Jekk tarresta lil ħuna trid tarresta lilna lkoll, għax aħna kollha qtajna s-siġar!” Wara dan l-uffiċjal ħallihom jitilqu kollha kemm huma.
Fil-foresta kien hemm l-annimali salvaġġi, u għalhekk kien perikoluż li tmur hemmhekk. Darba minnhom, waħda oħt qatgħet siġra. Hekk kif din waqgħet fl-art, l-oħt rat annimal jaqbeż u jitlaq jiġri. L-oħt ħasbet li kien xi antelop Afrikan peress li kienet lemħet xi ħaġa tagħti fil-kannella, imma iktar tard innotat mill-marki tas-saqajn li kien iljun! Minkejja perikli simili, l-aħwa lestew is-sala, u issa qed isservi bħala sors “ilellex” taʼ tifħir lil Jehovah.
Fl-istorja teokratika tal-Kenja, l-1 taʼ Frar, 1963, kien jum sinifikanti ħafna. Dak in-nhar ġie miftuħ l-ewwel uffiċċju tal-fergħa. Dan kien kamra waħda taʼ 7.4 metri kwadri. Il-25 t’Ottubru, 1997, ukoll kienet data importanti fl-istorja teokratika tal-Kenja. F’din il-ġurnata saret id-dedikazzjoni tal-kumpless il-ġdid taʼ Betel, mifrux fuq 7,800 metru kwadru! Il-proġett lest kien il-quċċata grandjuża wara tliet snin taʼ xogħol iebes. Il-volontiera minn 25 pajjiż differenti ħadmu iebes biex minn għalqa taʼ 3.2 ettari kollha tajn u ħaxix ħażin jagħmlu post sabiħ qisu ġnien fejn issa hemm il-fergħa l-ġdida li fiha joqogħdu 80 membru tal-familja Betel.
Għandna kull raġun biex nifirħu b’dak kollu li Jehovah għamel mal-poplu tiegħu. Nirringrazzjawh talli qanqal il-qlub tal-qaddejja tiegħu biex jagħmlu iktar sforz u jaħdmu iktar iebes biex isibu wħud li jixirqilhom fil-Kenja, u b’hekk jagħmluha art taʼ ġmiel spiritwali kbir.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.