Bijografija
Ferħana u Grata Avolja b’Qalbi Maqsuma
KIF RAKKONTATA MINN NANCY E. PORTER
Kien nhar il-5 taʼ Ġunju, 1947, f’lejla sabiħa fil-gżejjer tal-Baħamas li jinsabu ftit ’il bogħod mill-kosta tax-xlokk taʼ l-Istati Uniti. Jien u żewġi George kellna żjara li xejn ma konna qed nistennewha mingħand uffiċjal taʼ l-imigrazzjoni. Dan tana ittra li kienet tgħid li ma kellniex iktar permess li nibqgħu f’dawn il-gżejjer u li kellna “nitilqu minn dik il-kolonja mill-iktar fis!”
JIEN u George konna l-ewwel missjunarji tax-Xhieda taʼ Jehovah li ġejna Nassau, l-akbar belt fil-Baħamas. Malli ggradwajna mit-tmien klassi taʼ Gilgħad, li hija skola missjunarja fl-istat taʼ New York, bagħtuna hawnhekk. X’konna għamilna biex irnexxielna nqanqlu reazzjoni hekk qawwija wara li konna ilna biss tliet xhur f’dan il-pajjiż? U x’ġara biex għaddew iktar minn 50 sena u jien għadni hawnhekk?
Nitħarreġ għall-Ministeru
Missieri, Harry Kilner, kellu effett kbir fuq ħajti. Kien eżempju mill-aqwa għalija, u għamel ħafna sagrifiċċji biex setaʼ jsir wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Għalkemm saħħtu ma tantx kienet tajba, kważi kull tmiem il-ġimgħa kien imur jippriedka u biż-żelu kollu kien ipoġġi l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajtu. (Mattew 6:33) Ma tantx konna tat-tajjeb, imma fis-snin tletin il-ħanut tiegħu taż-żraben li kellu kien ċentru t’attività spiritwali f’Lethbridge, Alberta, ġewwa l-Kanada. L-ewwel memorji li għandi huma taʼ ministri full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah, li jissejħu pijunieri, li kienu jiġu d-dar tagħna u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom magħna.
Fl-1943 bdejt fis-servizz tiegħi bħala pijuniera qrib Fort Macleod u Claresholm, f’Alberta. Dak iż-żmien, ix-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar kien ġie projbit fil-Kanada minħabba xnigħat foloz li qalgħu fuqna xi wħud minn dawk li kienu kontrina matul it-Tieni Gwerra Dinjija. It-territorju tagħna kien ikopri madwar 50 kilometru fuq kull naħa, però peress li konna għadna żgħażagħ u mimlijin enerġija, ma konniex insibuha bi tqila li nivvjaġġaw bir-roti jew bil-mixi biex nilħqu l-komunitajiet iż-żgħar u l-irziezet li kien hemm f’dawn l-inħawi. Matul dan iż-żmien kelli l-opportunità li niltaqaʼ maʼ xi wħud minn dawk li ggradwaw minn Gilgħad, u l-esperjenzi tagħhom qanqlu fija x-xewqa li nsir missjunarja.
Fl-1945 iżżewwiġt lil George Porter, li kien minn Saskatchewan, il-Kanada. Il-ġenituri tiegħu kienu ilhom Xhieda żelużi mill-1916, u hu wkoll kien għażel il-ministeru full-time bħala l-karriera tiegħu. L-ewwel inkarigu tagħna kien f’Lynn Valley, post il-ġmiel tiegħu f’North Vancouver, il-Kanada. Ftit wara dan ġejna mistidnin nattendu Gilgħad.
Jien tkellimt maʼ gradwati taʼ diversi seminarji teoloġiċi matul is-snin u rajt kemm it-taħriġ teoloġiku li ħadu herrielhom il-fidi f’Alla u fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. X’kuntrast! Aħna, b’dak li tgħallimna f’Gilgħad sirna kapaċi nirraġunaw iktar b’moħħna u fuq kollox saħħaħna l-fidi tagħna f’Alla Jehovah u fil-Kelma tiegħu. Dawk li attendew l-istess klassi tagħna ntbagħtu ċ-Ċina, Singapor, l-Indja, f’xi pajjiżi fl-Afrika, fl-Amerika t’Isfel, u f’xi postijiet oħrajn. Għadni niftakar kemm konna eċċitati meta sirna nafu li l-inkarigu tagħna kien se jkun fil-gżejjer tropikali tal-Baħamas.
Kif Irnexxielna Nibqgħu Hemmhekk
Il-vjaġġ tagħna lejn il-Baħamas kien qasir meta mqabbel mal-vjaġġi li kellhom jagħmlu sħabna li attendew l-istess klassi tagħna. F’qasir żmien konna qed ingawdu t-temp sħun, is-sema blu, il-baħar kaħlani, il-bini miżbugħ b’diversi kuluri ċari, u l-għadd taʼ roti li n-nies kienu jużaw biex jivvjaġġaw. Madankollu, l-iktar ħaġa li baqgħet f’moħħi hi x-xena li rajt quddiemi taʼ dak il-grupp żgħir taʼ ħames Xhieda jistennewna hekk kif inżilna mill-vapur. Malajr indunajna li l-kultura taʼ dan il-pajjiż kienet ferm differenti minn dik li trabbejna fiha aħna. Per eżempju, lil żewġi qalulu li aħjar ma joqgħodx isejjaħli “sweetheart” quddiem in-nies, għax din il-kelma kienet tintuża għal xi ħadd li kellu relazzjoni barra miż-żwieġ.
F’qasir żmien, il-membri tal-kleru, li milli jidher ħassew li konna taʼ theddida għalihom minħabba li n-nies tal-post kienu qed jaċċettawna, akkużawna b’mod falz li konna Komunisti. Kien għalhekk li rċivejna dik l-ordni biex nitilqu mill-pajjiż. Imma x-Xhieda, li dak iż-żmien kien hemm inqas minn 20 minnhom f’dawk il-gżejjer, malajr għamlu petizzjoni u kisbu eluf taʼ firem biex iħalluna nibqgħu hemmhekk. B’hekk, l-ordni biex aħna nħallu l-pajjiż ġiet irtirata.
Lejn Territorju Ġdid
Il-verità tal-Bibbja malajr nibtet fi qlub dawk li kienu jħobbu ’l Alla, u kien għalhekk li ntbagħtu iktar missjunarji minn Gilgħad lejn il-Baħamas. Imbagħad, fl-1950 infetaħ uffiċċju tal-fergħa. Għaxar snin wara, Milton Henschel, membru taʼ l-istaff fil-kwartieri ġenerali taʼ Brooklyn, New York, żar il-Baħamas u staqsa jekk kienx hemm xi ħadd mill-missjunarji li kien lest li jmur fi gżira oħra fil-Baħamas fejn kien għadu qatt ma sar ix-xogħol taʼ l-ippridkar. Jien u George offrejna ruħna, u dan kien il-bidu taʼ perijodu taʼ 11-il sena li qattajna f’Long Island.
Din il-gżira, waħda mill-ħafna li jifformaw il-Baħamas, hija twila 140 kilometru u wiesgħa 6 kilometri, u f’dak iż-żmien ma kienx hemm bliet kif nafuhom illum. Fil-kapitali, Clarence Town, kien hemm madwar 50 dar. Il-ħajja kienet pjuttost primittiva. La kellhom elettriku, la ilma, la setgħu jsajru fid-dar u lanqas kellhom sistema tad-drenaġġ. Għalhekk kellna naddattaw ruħna għall-hekk imsejħa ħajja fil-gżejjer imbegħdin. Hawnhekk, kulħadd kien iħobb jitkellem fuq is-saħħa. Tgħallimna ma nużawx l-espressjoni “Kif int illum?” għax kienu jibdew jirrakkontawlek bid-dettall l-istorja medika kompluta.
Fil-biċċa l-kbira konna nagħtu xiehda minn kċina għal kċina għaliex in-nies ġeneralment kienu jkunu fil-kċina, kamra barra mid-dar li kellha saqaf tat-tiben u fuklar bl-injam jaqbad ġo fih. Il-komunitajiet kienu l-iktar magħmulin minn bdiewa jew sajjieda foqra imma li kellhom qalb tad-deheb. Il-biċċa l-kbira minnhom minbarra li kienu reliġjużi tgħidx kemm kienu superstizzjużi. Kull ħaġa stramba li kienet tiġri kienu jinterpretawha bħala sinjal li se jiġri xi ħaġa.
Il-membri tal-kleru ma kinux jaħsbuha darbtejn biex jaqbdu u jidħlu għand in-nies bla ħadd ma jistidinhom u jqattgħulhom il-letteratura tal-Bibbja li nkunu ħallejnielhom aħna. Hekk kienu jagħmlu biex iwerwru lil dawk li kienu jibżgħu, imma mhux kulħadd kien joqgħod għal li jgħidu huma. Per eżempju, kien hemm xwejħa kuraġġuża taʼ 70 sena li ma ħalliethomx jagħmlu li jridu biha. Hi riedet tifhem dak li tgħid il-Bibbja, u maż-żmien hi, flimkien maʼ numru taʼ nies oħra, saret waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Peress li beda jkun hemm iktar nies li juru interess, ċerti Ħdud, George kien ikollu jagħmel xi 300 kilometru bil-karozza biex jgħin lil dawn l-uħud jattendu l-laqgħat tagħna.
Għall-ewwel ftit xhur meta ma kienx għad hemm Xhieda oħra, jien u George ħadna ħsieb li nżommu l-ispiritwalità tagħna billi xorta għamilna l-laqgħat Kristjani kollha regolarment. Barra minn hekk, dejjem konna nħabirku biex insegwu l-programm li kellna kull nhar taʼ Tnejn fil-għaxija li nistudjaw l-artiklu li jkun imissna mir-rivista t-Torri taʼ l-Għassa u li nagħmlu l-qari tal-Bibbja. Konna naqraw ukoll il-ħarġiet kollha taʼ It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! malli nirċivuhom.
Missieri miet waqt li aħna konna f’Long Island. Is-sajf taʼ wara, fl-1963, għamilna l-arranġamenti meħtieġa biex ommi tiġi toqgħod qrib tagħna. Għalkemm kienet imdaħħla fiż-żmien malajr drat u baqgħet tgħix f’Long Island sakemm mietet fl-1971. Illum, f’Long Island hemm kongregazzjoni li għandha Sala tas-Saltna ġdida fjamanta.
Sfida taʼ Qsim il-Qalb
Fl-1980, George induna li saħħtu bdiet sejra lura. Dan kien il-bidu taʼ waħda mill-iktar esperjenzi taʼ qsim il-qalb f’ħajti. Bdejt nara lill-għażiż żewġi, is-sieħeb tiegħi fix-xogħol u l-akbar ħabib li kelli, jittiekel mill-marda t’Alzheimer. Il-personalità kollha tiegħu nbidlet. L-aħħar stadju u l-iktar wieħed li kiddu dam sejjer għal madwar erbaʼ snin sa ma miet fl-1987. Baqaʼ joħroġ miegħi fil-ministeru u jattendi l-laqgħat sakemm ma setax jagħmel mod ieħor, avolja ħafna drabi x’ħin kont nara xi sforz kbir kien qed jagħmel kont ninfaqaʼ nibki. L-imħabba kbira li wrew miegħi l-aħwa Kristjani kienet verament taʼ faraġ kbir għalija, però xorta għadni nħoss ħafna n-nuqqas tiegħu.
Waħda mill-iktar affarijiet prezzjużi fiż-żwieġ tiegħi maʼ George kienet il-komunikazzjoni pjaċevoli li spiss kien ikollna. Issa li George miet, jien inħossni grata iktar minn qatt qabel għall-istedina li Jehovah jagħmel lill-qaddejja tiegħu biex ‘jitolbu bla heda,’ ‘jitolbu bla waqfien,’ u jieħdu kull opportunità biex jagħmlu “kull xorta taʼ talb.” (1 Tessalonikin 5:17; Rumani 12:12; Efesin 6:18) X’faraġ kbir inħoss li nkun naf kemm Jehovah jimpurtah x’jiġri minna! Verament inħossni bħas-salmista li għanna: “Ikun imbierek Jehovah, li kuljum iġorr it-tagħbija għalina.” (Salm 68:19, NW) Sibt li l-aqwa mod kif nistaʼ ngħix hu sewwa sew bħalma qal Ġesù, jiġifieri, li nieħu l-ħajja ġurnata b’ġurnata, naċċetta l-limitazzjonijiet tiegħi, u nkun grata għall-barkiet taʼ kuljum.—Mattew 6:34.
Il-Benefiċċji Premjanti tal-Ministeru
Il-fatt li nżomm ruħi okkupata kemm jistaʼ jkun fil-ministeru Kristjan għenni biex ma noqgħodx nhewden il-ħin kollu fuq il-passat. B’hekk nistaʼ nirbaħ it-tip taʼ emozzjonijiet li jistgħu jqabbduni xi dipressjoni. Il-ferħ li nikseb milli ngħallem il-verità tal-Bibbja lil oħrajn ma nistax infissru. Dan iġagħalni nżomm rutina spiritwali tajba li tgħinni nkun organizzata u stabbli.—Filippin 3:16.
Darba minnhom ċemplitli waħda li kont tajtha l-messaġġ tas-Saltna xi 47 sena qabel. Kienet bint wieħed mill-ewwel studenti tal-Bibbja li kellna meta wasalna l-Baħamas fl-1947. Ommha, missierha, u ħutha kollha saru Xhieda taʼ Jehovah, kif ukoll ħafna mit-tfal u mit-tfal tat-tfal tagħhom. Fil-fatt, iktar minn 60 membru tal-familja taʼ din il-mara huma Xhieda. Imma hija nfisha ma kinitx aċċettat il-verità tal-Bibbja. Iżda issa, sa fl-aħħar, kienet lesta li ssir qaddejja t’Alla Jehovah. X’ferħ inħoss meta nara lil dawk il-ftit Xhieda, li sibna fil-Baħamas meta jien u George wasalna hemmhekk, jiżdiedu u jsiru iktar minn 1,400 Xhud!
Xi kultant, in-nies jistaqsuni jekk jiddispjaċinix li qatt ma kelli tfal. Naturalment, tistaʼ tkun barka li jkollok it-tfal. Madankollu, l-imħabba li kontinwament qed juruni wliedi spiritwali, flimkien maʼ wliedhom u wlied uliedhom, hija xi ħaġa li x’aktarx dawk li jkollhom it-tfal tagħhom stess qatt ma se jesperjenzawha. Verament, dawk li “jagħmlu l-ġid” u “jistagħnu b’opri tajba” huma l-iktar nies hienja. (1 Timotju 6:18) Hu għalhekk li jien nipprova, skond kemm tippermettili saħħti, inżomm ruħi okkupata kemm nistaʼ fil-ministeru.
Darba waħda, meta kont għand id-dentist, ġiet waħda żagħżugħa fuqi u qaltli, “Int lili ma tafnix, imma jien nafek, u xtaqt sempliċement ngħidlek li jien inħobbok.” Hi mbagħad kompliet tirrakkontali dwar kif saret taf il-verità tal-Bibbja u kemm kienet grata li konna morna aħna l-missjunarji fil-Baħamas.
Darb’oħra, meta kont għadni nasal lura minn vaganza, sibt warda ħamra mal-bieb tiegħi, fejn qed ngħix issa fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Nassau. Kien hemm nota miktuba magħha, “Qed nieħdu gost li erġajt ġejt lura d-dar.” Qalbi tfur bil-gratitudni, u meta nara kemm il-Kelma t’Alla, l-organizzazzjoni, u l-ispirtu tiegħu pproduċew nies mill-aħjar, dan tant iġagħalni nsir inħobb lil Jehovah! Verament, Jehovah taʼ spiss jinqeda b’dawk taʼ madwarna biex isaħħaħna.
Kemm Għandi Għalxiex Inħossni Grata!
Ħajti mhux dejjem kienet faċli, u f’ċerti affarijiet m’hijiex faċli lanqas issa. Imma għandi ħafna għalxiex inkun grata—il-ferħ fil-ministeru, l-imħabba u l-affezzjoni taʼ tant aħwa rġiel u nisa Kristjani, l-organizzazzjoni li tant tieħu ħsiebi, il-veritajiet sbieħ mill-Bibbja, it-tama li nistaʼ nkun mal-maħbubin tiegħi meta dawn jirxoxtaw, u l-memorji taʼ 42 sena taʼ żwieġ maʼ qaddej leali taʼ Jehovah. Qabel ma żżewwiġna, kont nitlob biex dejjem inkun lesta li ngħin lil żewġi jibqaʼ fil-ministeru full-time, li tant kien għal qalbu. Jehovah kien ħanin miegħi u semaʼ t-talba tiegħi. Għalhekk irrid nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn Jehovah billi nibqaʼ dejjem leali lejh.
It-turisti jħobbu ħafna jiġu l-Baħamas u jonfqu eluf taʼ liri biex ikunu jistgħu jiġu u jgawdu l-ġmiel tropikali taʼ dawn il-gżejjer. Minħabba l-għażla li għamilt biex naqdi lil Jehovah fejn tibgħatni l-organizzazzjoni tiegħu, jien setaʼ jkolli din l-esperjenza sabiħa li nivvjaġġa minn tarf sa tarf taʼ dawn il-gżejjer, inxandar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Imma l-iktar importanti, jien doqt u bdejt ngħożż l-imħabba tan-nies tal-Baħamas li tant kienu mill-aħjar u dħulin.
Inħossni grata lejn dawk li ġabu l-verità lill-ġenituri tiegħi, li min-naħa tagħhom żergħu f’moħħi u f’qalbi xewqa kbira u soda biex infittex l-ewwel is-Saltna t’Alla. Qaddejja żgħażagħ taʼ Jehovah llum jistgħu bl-istess mod jirċievu ħafna barkiet jekk huma jidħlu mill-“bieb kbir” li jwassal għal opportunitajiet grandjużi fejn jistgħu jkabbru l-ministeru tagħhom. (1 Korintin 16:9) Int ukoll se tfur bil-gratitudni jekk tuża ħajtek biex tonora lil Jehovah, dak “Alla fuq l-allat.”—Dewteronomju 10:17; Danjel 2:47.
[Stampa f’paġna 24]
Fix-xogħol fit-toroq ġewwa Victoria, B.C., fl-1944
[Stampa f’paġna 24]
Jien u George attendejna l-Iskola taʼ Gilgħad fl-1946
[Stampa f’paġna 25]
Maʼ George quddiem id-dar missjunarja f’Nassau, il-Baħamas, fl-1955
[Stampa f’paġna 26]
Id-dar missjunarja f’Deadman’s Cay, fejn qdejna mill-1961 sa l-1972