Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ġob kemm dam isofri?
Xi wħud jaħsbu li Ġob dam isofri għal bosta snin, imma l-ktieb taʼ Ġob ma jindikax li s-sofferenza damet daqshekk.
L-ewwel fażi tas-sofferenza taʼ Ġob—meta tilef il-membri tal-familja u l-ġid li kellu—tidher li kienet qasira ġmielha. Naqraw: “Mela darba wlied Ġob, subjien u bniet, kienu qegħdin jieklu u jixorbu l-inbid għand ħuhom il-kbir.” Ġob irċieva rapport wara l-ieħor li kien ġarrab xi telfa—il-gniedes tiegħu, il-ħmir tiegħu, l-imrieħel tiegħu, l-iġmla tiegħu, u l-qaddejja li kienu qegħdin jieħdu ħsieb dawn l-annimali. Milli jidher, eżatt wara dan, Ġob sar jaf bil-mewt taʼ wliedu subien u bniet, li “kienu qegħdin jieklu u jixorbu l-inbid għand ħuhom il-kbir.” Donnu li dan kollu seħħ f’jum wieħed.—Korsiv tagħna; Ġob 1:13-19.
It-tieni fażi tas-sofferenza taʼ Ġob bilfors li ħadet iktar żmien. Satana resaq quddiem Jehovah u sostna li Ġob ma kienx se jżomm l-integrità jekk is-sofferenza tolqtu personalment—tolqot lil ġismu stess. Imbagħad Ġob intlaqat “bi nfafet qalila minn qiegħ riġlejh sal-qorriegħa taʼ rasu.” Biex din il-marda tinfirex maʼ ġismu kollu setaʼ ħa ftit taż-żmien. U x’aktarx li kellu jgħaddi ż-żmien biex l-aħbar taʼ “dan l-hemm kollu” tasal għand it-taparsi farraġa tiegħu, li qabdu t-triq għal għandu.—Ġob 2:3-11.
Elifaż kien minn Teman fil-pajjiż t’Edom, u Sofar kien minn inħawi fil-majjistral taʼ l-Għarabja, u għalhekk it-territorji taʼ pajjiżhom ma kinux ’il bogħod minn dawk taʼ Ġob f’Għus, li x’aktarx kienet fit-tramuntana taʼ l-Għarabja. Madankollu, Bildad kien Suħi, u huwa mifhum li n-nies tiegħu kienu jgħixu max-xtut taʼ l-Ewfrat. Jekk Bildad kien f’pajjiżu dak iż-żmien, riedu jgħaddu l-ġimgħat jew ix-xhur biex jismaʼ bis-sitwazzjoni taʼ Ġob u biex jivvjaġġa lejn Għus. M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun li t-tlieta li huma kienu fil-viċinanza taʼ Ġob meta bdiet is-sofferenza tiegħu. Kien x’kien il-każ, meta t-tlett iħbieb taʼ Ġob waslu ħdejh, huma “qagħdu fl-art maġenbu għal sebat ijiem u sebat iljieli” mingħajr ma lissnu kelma.—Ġob 2:12, 13.
Imbagħad waslet l-aħħar fażi tas-sofferenza taʼ Ġob. Id-dettalji taʼ din il-fażi jimlew ħafna kapitli tal-ktieb. Kien hemm sensiela taʼ dibattiti jew diskorsi minn dawk it-taparsi farraġa, u Ġob spiss weġibhom. Meta spiċċa dan, iż-żagħżugħ Eliħu offra xi twiddib, u Jehovah kkorieġa lil Ġob mis-smewwiet.—Ġob 32:1-6; 38:1; 40:1-6; 42:1.
Għaldaqstant, is-sofferenza taʼ Ġob u s-soluzzjoni tagħha għandhom mnejn seħħew fi ftit xhur, forsi f’inqas minn sena. Int x’aktarx li taf mill-esperjenza li ż-żminijiet diffiċli donnhom ma jispiċċaw qatt. Madankollu, ma rridux ninsew li jispiċċaw, bħalma spiċċaw taʼ Ġob. Idumu kemm idumu sejrin is-sofferenzi li niffaċċjaw, ejja nżommu f’moħħna l-appoġġ t’Alla, kif inhu rifless fil-kliem ispirat: “Id-daqsxejn taʼ tbatija tagħna taʼ issa tħejjilna kobor taʼ glorja bla qjies għal dejjem.” (2 Korintin 4:17) L-appostlu Pietru kiteb: “Mbagħad, wara li tkunu batejtu għal ftit żmien, Alla li jagħti kull grazzja, li sejjħilkom għall-glorja tiegħu taʼ dejjem fi Kristu, hu nnifsu jerġaʼ jġeddidkom, iwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħedkom fis-sod.”—1 Pietru 5:10.