“Ejjew Għandi, . . . U Jiena Nserraħkom”
‘Ix-Xandir tal-Kelma’ Jġib is-Serħan
KIEN raġel perfett b’missjoni importanti. Il-metodi li kien juża biex jgħallem tant kienu effettivi li “n-nies baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu.” (Mattew 7:28) Ukoll, ma kienx jegħja jippriedka. Il-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi tiegħu kien jużahom primarjament biex jippriedka dwar is-Saltna t’Alla. Fil-fatt, Ġesù Kristu vvjaġġa minn naħa s’oħra taʼ pajjiżu bħala predikatur u għalliem uniku.—Mattew 9:35.
Il-missjoni urġenti taʼ Ġesù kienet li jippriedka “l-Evanġelju tas-Saltna” lin-nies taʼ żmienu u jħarreġ lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-istess xogħol fuq skala globali. (Mattew 4:23; 24:14; 28:19, 20) Kienu s-segwaċi tiegħu, bl-imperfezzjonijiet u l-limitazzjonijiet kollha tagħhom, se jħossuhom ma jafux fejn se jaqbdu jagħtu rashom bir-responsabbiltà tqila u l-urġenza taʼ l-inkarigu tagħhom taʼ l-ippridkar? U kienu se jħossu li din l-attività kienet waħda kbira ħafna għalihom?
Żgur li le! Wara li istruwixxa lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu lil “Sid il-ħsad,” Alla Jehovah, għal iktar ħaddiema, Ġesù bagħathom jedukaw lin-nies. (Mattew 9:38; 10:1) Imbagħad żgurahom li r-responsabbiltà li jkunu s-segwaċi tiegħu—inkluż l-inkarigu li jippridkaw—kien se jġibilhom serħan u faraġ veru. Ġesù qal: “Ejjew għandi, . . . u jiena nserraħkom.”—Mattew 11:28.
Sors taʼ Ferħ
Kemm tirrifletti mogħdrija, imħabba, u qalb tajba din l-istedina! Tesprimi t-tħassib sensittiv li għandu Ġesù għas-segwaċi tiegħu. Id-dixxipli tiegħu jsibu serħan meta jwettqu r-responsabbiltà tagħhom li jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Dan iġibilhom ferħ u sodisfazzjon veru.—Ġwann 4:36.
Ħafna qabel ma Ġesù kien fuq l-art, l-Iskrittura enfasizzat li l-ferħ għandu jkun karatteristika tas-servizz sagru lil Alla. Dan ħareġ ċar meta s-salmista kanta: “Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha taʼ l-art, aqdu bil-ferħ lill-Mulej, idħlu quddiemu b’għana ferrieħi.” (Salm 100:1, 2) Illum, nies minn kull ġens jifirħu f’Jehovah, u jesprimu t-tifħir tagħhom bħalma armata vittorjuża tgħajjat bir-rebħa. Dawk li tassew huma devoti lejn Alla jiġu fil-preżenza tiegħu “b’għana ferrieħi.” U dan jixraq, tabilħaqq, għax Jehovah huwa “Alla hieni,” li jrid lill-qaddejja tiegħu jwettqu d-dedikazzjoni tagħhom lejh bil-ferħ.—1 Timotju 1:11, NW.
Il-Ministri Jsibu Serħan
Kif jistaʼ jkun li xogħol iebes fil-ministeru taʼ l-għalqa ma jifliġniex imma fil-fatt iserraħna? Sewwa, għal Ġesù, li jagħmel ix-xogħol taʼ Jehovah kien bħal ikel li jagħti s-saħħa mill-ġdid. Hu qal: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda taʼ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu.”—Ġwann 4:34.
B’mod simili, il-Kristjani li jippridkaw b’żelu llum iħossu l-ferħ hekk kif ‘ixandru l-kelma.’ (2 Timotju 4:2) Connie, Kristjana taʼ mezz’età li tqattaʼ iktar minn 70 siegħa fix-xahar fix-xogħol taʼ l-ippridkar, tgħid: “Wara li nkun ħadt sehem fil-ministeru, inħoss sens taʼ sodisfazzjon u kuntentizza, avolja nkun għajjiena fl-aħħar tal-ġurnata.”
Xi ngħidu jekk il-messaġġ tas-Saltna ma jintlaqax tajjeb? Connie tissokta: “Iwieġbu kif iwieġbu n-nies, qatt ma kien hemm xi darba fejn iddispjaċieni li ħadt sehem fil-ministeru. Minbarra li naf li qed nagħmel dak li jogħġob lil Jehovah, jien nitgħaxxaq nitkellem dwar il-verità għax waqt li nagħmel dan, it-tama taʼ l-għaġeb li hemm fil-Bibbja tissaħħaħ ġewwa qalbi.”
Oħrajn isibu li waqt li jgħinu lin-nies jiksbu l-għarfien eżatt dwar Alla, dan jagħtihom tifsir f’ħajjithom stess. Meloney, żagħżugħa li tqattaʼ regolarment iktar minn 50 siegħa kull xahar fix-xogħol taʼ l-ippridkar, tikkummenta: “Il-ministeru jġibli serħan għax jagħti direzzjoni u skop lil ħajti. Il-problemi persunali u l-ansjetajiet taʼ kuljum isiru inqas importanti meta nieħu sehem fis-servizz.”
Millicent, ministru żeluża oħra tax-Xhieda taʼ Jehovah, tgħid: “Bil-ministeru, ikun hemm iżjed tifsir f’kull ġurnata li nqattaʼ nitkellem m’oħrajn dwar l-iskop t’Alla għall-bnedmin u nispjegalhom kif l-art se terġaʼ tiġi Ġenna. Dan jgħinni biex Jehovah ikun reali għalija kull jum u jagħtini paċi u hena ġewwieni li ma jistgħu jinkisbu bl-ebda mod ieħor.”
Dawk li Jilqgħu l-Kelma Jsibu Serħan
Il-predikaturi tas-Saltna żgur li jsibu serħan bil-ministeru Kristjan, u dawk li jaċċettaw il-messaġġ li jagħti l-ħajja jħossuhom imfarrġin. Għalkemm kienet ġiet imħarrġa mis-sorijiet u l-qassisin, ċerta għalliema fi skola fil-Portugall ħasset li l-bżonnijiet spiritwali tagħha ma kinux qed jiġu ssodisfati mill-knisja tagħha. Kienet għadha ma ngħatatx tweġibiet għall-mistoqsijiet li kellha dwar il-Bibbja. Meta bdiet studju tal-Bibbja regulari maʼ waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, bdiet tikseb dehen Skritturali b’mod progressiv. L-għalliema ħassitha eċċitata. “Kont nistennieh bil-ħerqa l-istudju tiegħi kull nhar taʼ Erbgħa,” qalet hi, “għax il-mistoqsijiet li kelli kienu jiġu mweġbin waħda waħda bi provi mill-Bibbja li kienu jikkonvinċuni.” Illum, din il-mara hija qaddejja dedikata taʼ Jehovah, u hi wkoll qed tgħin lil oħrajn isibu serħan bil-verità tal-Bibbja.
Mela jidher ċar li x-Xhieda taʼ Jehovah ma jħossuhomx li ma jafux fejn se jaqbdu jagħtu rashom minħabba s-serjetà taʼ l-inkarigu tagħhom li jippridkaw jew minħabba li t-territorju tagħhom mad-dinja kollha huwa daqstant vast. Lanqas ma jħallu l-apatija u l-oppożizzjoni jiskuraġġuhom. Huma ngħataw b’ruħhom u b’ġisimhom biex iwettqu l-inkarigu tagħhom li jippridkaw is-Saltna. Dawn jaqsmu l-aħbar tajba man-nies kulfejn jistgħu jinstabu—f’post fl-Istati Uniti fejn jieqfu t-trakkijiet (1), f’ajruport fil-Korea (2), fl-Andes (3), jew f’ħanut f’Londra (4). Is-segwaċi taʼ Ġesù llum ikomplu jwettqu x-xogħol premjanti tagħhom mad-dinja kollha bil-ferħ. U fi qbil mal-wegħda tiegħu, Ġesù serraħhom u użahom biex iserrħu lil ħafna oħrajn.—Apokalissi 22:17.