Il-Magħmudija taʼ Klovis 1,500 Sena taʼ Kattoliċiżmu fi Franza
“F’ISEM il-Papa, bumm.” Hekk kien jgħid messaġġ maʼ bomba finta li nstabet ġewwa knisja fi Franza; fil-fatt, din kienet l-ewwel knisja li kien se jżur il-Papa Ġwanni Pawlu II f’Settembru 1996. Dan kien eżempju estrem taʼ l-oppożizzjoni li spikkat fil-ħames żjara tiegħu fi Franza. Minkejja dan, madwar 200,000 ruħ marru fil-belt Franċiża taʼ Reims dik is-sena biex jikkommemoraw mal-papa l-1,500 anniversarju mill-konverżjoni tar-Re Klovis tal-Franki għall-Kattoliċiżmu. Min kien dan ir-re li l-magħmudija tiegħu ssejħet il-magħmudija taʼ Franza? U l-kommemorazzjoni taʼ dan l-avveniment għala qajmet daqstant kontroversja?
L-Imperu Jaqbad it-Triq tan-Niżla
Klovis twieled għall-ħabta tas-sena 466 E.K., bin Kilderik I, re tal-Franki Saljani. Wara li waqaʼ taħt idejn ir-Rumani fis-sena 358 E.K., dan it-tribù Ġermaniku tħalla jokkupa l-art fejn issa hemm il-Belġju, bil-patt li jiddefendi l-fruntiera u jipprovdi suldati għall-armata Rumana. Dan ġab kuntatt mill-qrib mal-popolazzjoni lokali taʼ Rumani minn Gallja u wassal biex dawn il-Franki bil-mod il-mod jieħdu l-karatteristiċi Rumani. Kilderik I kien alleat tar-Rumani u kien jiġġieled kontra l-invażjonijiet taʼ tribujiet Ġermaniċi oħrajn, bħall-Viżigoti u s-Sassoni. Dan ġablu l-gratitudni tal-popolazzjoni Rumana taʼ Gallja.
Il-provinċja Rumana taʼ Gallja kienet mifruxa mix-Xmara Renu, fit-tramuntana, sal-Pirinej, fin-nofsinhar. Madankollu, wara l-mewt tal-Ġeneral Ruman Azju fis-sena 454 E.K., fil-pajjiż ma kienx hemm awtorità li tiggverna. Iktar minn hekk, il-waqgħa taʼ Romulu Awgustulu, l-aħħar imperatur f’Ruma, fis-sena 476 E.K., u t-tmiem tal-parti fil-punent taʼ l-Imperu Ruman ġabu nuqqas kbir taʼ stabbiltà politika fir-reġjun. B’riżultat taʼ dan, il-Gallja saret bħal frotta misjura lesta biex tinqataʼ minn wieħed mit-tribujiet li kienu jgħixu fiha. Ma niskantawx li Klovis, meta laħaq flok missieru, beda jfittex kif ikabbar il-fruntieri taʼ saltnatu. Fis-sena 486 E.K., hu għeleb f’battalja ħdejn il-belt taʼ Soissons lill-aħħar rappreżentant taʼ Ruma f’Gallja. Din ir-rebħa tatu l-kontroll tat-territorju kollu bejn ix-xmara Somme, fit-tramuntana, u x-xmara Loire, f’Gallja ċentrali u tal-punent.
Ir-Raġel li Kien Se Jsir Re
Kuntrarju għat-tribujiet Ġermaniċi l-oħrajn, il-Franki kienu baqgħu pagani. Madankollu, iż-żwieġ taʼ Klovis maʼ Klotilda, prinċipessa Borgoniża, kellu effett profond fuq ħajtu. Klotilda, li kienet Kattolika ferventi, ipprovat bla waqfien tikkonverti lil żewġha. Skond l-istorja li nkitbet fis-sitt seklu E.K. minn Girgor taʼ Tours, kien fis-sena 496 E.K., fil-battalja taʼ Tolbiac (Zülpich, il-Ġermanja) kontra t-tribù taʼ l-Alemanni, li Klovis wiegħed li jabbanduna l-paganiżmu jekk dak Alla taʼ Klotilda jagħtih ir-rebħa. Għalkemm it-truppi taʼ Klovis kienu kważi megħlubin, ir-re taʼ l-Alemanni nqatel u l-armata tiegħu ċediet. Skond l-opinjoni taʼ Klovis, kien dak Alla taʼ Klotilda li tah ir-rebħa. It-tradizzjoni tgħid li Klovis tgħammed minn “San” Remiġ fil-katidral taʼ Reims, fil-25 taʼ Diċembru tas-sena 496 E.K. Madankollu, xi wħud jaħsbu li huwa iktar probabbli li dan seħħ iktar tard, fis-sena 498/9 E.K.
L-attentati taʼ Klovis biex jaħtaf is-saltna Borgoniża, li kienet fuq in-naħa tax-xlokk, fallew. Imma l-kampanja tiegħu kontra l-Viżigoti kellha suċċess meta, fis-sena 507 E.K., hu għelibhom ġewwa Vouillé, ħdejn Poitiers, rebħa li biha ħa l-kontroll taʼ kważi l-lbiċ tal-Gallja kollu. B’rikonoxximent taʼ din ir-rebħa, Klovis intgħamel konslu onorarju minn Anastasju, l-imperatur taʼ l-Imperu Ruman tal-Lvant. B’hekk, hu kellu pożizzjoni fuq is-slaten tal-punent l-oħrajn kollha, u l-kariga tiegħu bħala re ġiet rikonoxxuta f’għajnejn il-popolazzjoni Rumana taʼ Gallja.
Wara li ġab taħt il-ħakma tiegħu t-territorju tal-Franki li kienu jgħixu fuq ix-xtut tax-xmara Renu lejn il-lvant, Klovis għamel lil Pariġi l-kapitali tiegħu. Fl-aħħar snin taʼ ħajtu, hu saħħaħ is-saltna tiegħu billi taha kodiċi tal-liġi miktuba, il-Lex Salica, u billi laqqaʼ konċilju tal-knisja f’Orléans biex ifisser ir-relazzjonijiet taʼ bejn il-Knisja u l-Istat. Sa mewtu, li x’aktarx seħħet fis-27 taʼ Novembru tas-sena 511 E.K., hu kien il-ħakkiem assolut taʼ tliet kwarti minn Gallja.
The New Encyclopædia Britannica ssejjaħ il-konverżjoni taʼ Klovis għar-reliġjon Kattolika “mument deċiżiv fl-istorja taʼ l-Ewropa tal-punent.” Il-konverżjoni taʼ dan ir-re pagan għala kienet daqshekk importanti? Is-sinifikat qiegħed fil-fatt li Klovis għażel il-Kattoliċiżmu bħala oppost għall-Arjaniżmu.
Il-Kontroversja Arjana
Madwar is-sena 320 E.K., Arju, qassis f’Lixandra, l-Eġittu, beda jxerred ideat radikali dwar it-Trinità. Arju ċaħad li l-Iben kien taʼ l-istess essenza, jew sustanza, bħall-Missier. L-Iben ma setax ikun Alla jew daqs il-Missier peress li kellu bidu. (Kolossin 1:15) Dwar l-ispirtu qaddis, Arju kien jemmen li kien persuna imma li kien inferjuri kemm għall-Missier u kemm għall-Iben. Dan it-tagħlim, li kiseb popolarità kbira, qajjem oppożizzjoni ħarxa ġewwa l-knisja. Fis-sena 325 E.K., fil-Konċilju taʼ Niċea, Arju ġie eżiljat u t-tagħlim tiegħu kundannat.a
Madankollu, dan ma temmx il-kontroversja. Il-kriżi duttrinali baqgħet sejra għal xi 60 sena, b’imperaturi wieħed wara l-ieħor jappoġġa naħa jew oħra. Fl-aħħar, fis-sena 392 E.K., l-Imperatur Teodosju I għamel li r-reliġjon taʼ l-Istat għall-Imperu Ruman tkun il-Kattoliċiżmu tradizzjonali bid-duttrina tiegħu tat-Trinità. Sadattant il-Goti kienu ġew konvertiti għall-Arjaniżmu minn Ulfila, isqof Ġermaniku. Tribujiet Ġermaniċi oħrajn malajr adottaw din l-għamla taʼ “Kristjanità.”b
Sa żmien Klovis, il-Knisja Kattolika f’Gallja kienet fi kriżi. Il-Viżigoti Arjani kienu qed jipprovaw irażżnu l-Kattoliċiżmu billi ma jħallux il-postijiet taʼ l-isqfijiet li jmutu jerġgħu jimtlew. Barra minn hekk, il-knisja kienet għaddejja minn taqbida bejn żewġ xiżmi papali, u l-qassisin min-naħat opposti kienu qed joqtlu lil xulxin f’Ruma. Biex iżidu mal-konfużjoni, xi kittieba Kattoliċi kienu ppreżentaw l-idea li s-sena 500 E.K. kienet timmarka t-tmiem tad-dinja. B’hekk, il-konverżjoni tal-konkwistatur tal-Franki għall-Kattoliċiżmu kienet meqjusa bħala ġrajja taʼ riżq li tħabbar “il-millennju l-ġdid tal-qaddisin.”
Imma x’kienu l-motivi taʼ Klovis? Filwaqt li ma nistgħux neliminaw il-motivi reliġjużi, hu żgur li kellu miri politiċi f’moħħu. Billi għażel il-Kattoliċiżmu, Klovis kiseb il-favur tal-popolazzjoni Rumana taʼ Gallja li kienet fil-biċċa l-kbira Kattolika. Hu kiseb ukoll l-appoġġ tal-ġerarkija tal-knisja li kellha influwenza kbira. Dan tah vantaġġ qawwi fuq l-għedewwa politiċi tiegħu. The New Encyclopædia Britannica tinnota li “l-konkwista tiegħu taʼ Gallja kienet gwerra taʼ liberazzjoni mill-madmad taʼ l-eretiċi Arjani mibgħudin.”
X’Tip taʼ Persuna Kien Verament Klovis?
Fiż-żmien taʼ qabel il-kommemorazzjoni taʼ l-1996, Gérard Defois, l-arċisqof taʼ Reims, iddeskriva lil Klovis bħala “s-simbolu taʼ konverżjoni maħsuba tajjeb u responsabbli.” Madankollu, Ernest Lavisse, studjuż Franċiż taʼ l-istorja, ikkummenta: “Il-konverżjoni taʼ Klovis bl-ebda mod ma biddlet il-karattru tiegħu; il-morali ġwejdin u taʼ paċi taʼ l-Evanġelju ma messewlux qalbu.” Studjuż taʼ l-istorja ieħor iddikjara: “Minflok lil Odin [alla tat-Tramuntana], hu talab lil Kristu u baqaʼ l-istess.” Simili għall-kondotta taʼ Kostantinu wara l-hekk imsejħa konverżjoni tiegħu għall-Kristjanità, Klovis beda jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala re billi elimina wieħed wieħed ir-rivali kollha għat-tron. Hu qatel lil qrabatu kollha, anki dawk li kienu jiġu minnu mill-bogħod.
Wara l-mewt taʼ Klovis bdew jinħolqu ħrejjef bil-ħsieb li minn gwerrier krudili jibdluh f’qaddis taʼ fama. Ir-rakkont taʼ Girgor taʼ Tours, miktub kważi seklu wara, huwa meqjus bħala sforz intenzjonat biex jidentifika lil Klovis maʼ Kostantinu, l-ewwel imperatur Ruman li aċċetta l-“Kristjanità.” U billi jgħid li Klovis kellu 30 sena fil-magħmudija tiegħu, Girgor jidher li qed jipprova jipparagunah maʼ Kristu.—Luqa 3:23.
Dan il-proċess kompla fid-disaʼ seklu minn Inkmar, isqof taʼ Reims. Fi żmien meta l-katidrali kienu qed jikkompetu min l-iktar jiġbed pellegrini, il-bijografija li kiteb dwar “San” Remiġ, li kien isqof qablu, x’aktarx li kienet intenzjonata biex tagħmel iktar magħrufa u iktar sinjura l-knisja tiegħu. Fir-rakkont tiegħu, ħamiema bajda ġabet vażett biż-żejt biex tidlek lil Klovis fil-magħmudija tiegħu—referenza ċara għad-dlik taʼ Ġesù bl-ispirtu qaddis. (Mattew 3:16) Inkmar b’hekk stabbilixxa rabta bejn Klovis, Reims, u l-monarkija u inkuraġġixxa t-twemmin fl-idea li Klovis kien il-midluk tal-Mulej.c
Kommemorazzjoni li Qajmet Kontroversja
L-ex-president Franċiż Charles de Gaulle darba qal: “Għalija, l-istorja taʼ Franza tibda bi Klovis, magħżul bħala re taʼ Franza mit-tribù tal-Franki, li taw isimhom lil Franza.” Iżda mhux kulħadd jaħsibha hekk. Il-kommemorazzjoni taʼ l-1,500 anniversarju mill-magħmudija taʼ Klovis kienet kontroversjali. F’nazzjon fejn il-Knisja u l-Istat ilhom separati uffiċjalment mill-1905, ħafna kkritikaw il-parteċipazzjoni taʼ l-Istat f’dik li huma qisuha bħala kommemorazzjoni reliġjuża. Meta l-kunsill tal-belt taʼ Reims ħabbar il-pjanijiet li jħallas għall-palk li kien se jintuża matul iż-żjara tal-papa, waħda mill-assoċjazzjonijiet opponiet u waqqfet din id-deċiżjoni bil-qorti bħala li ma kinitx taqbel mal-kostituzzjoni. Oħrajn ħassew li l-knisja kienet qed tipprova timponi mill-ġdid l-awtorità morali u temporali tagħha fuq Franza. Biex jikkomplika iżjed il-kommemorazzjoni kien hemm il-fatt li Klovis intuża bħala simbolu tal-Front Nazzjonali tal-lemin estrem u taʼ gruppi Kattoliċi fundamentalisti.
Oħrajn ikkritikaw il-kommemorazzjoni minn ħarsa storika. Huma qalu li l-magħmudija taʼ Klovis ma kkonvertietx lil Franza għall-Kattoliċiżmu, ladarba din ir-reliġjon kienet diġà miżrugħa fis-sod fil-popolazzjoni Rumana taʼ Gallja. U sostnew li lanqas il-magħmudija tiegħu ma timmarka t-twelid taʼ Franza bħala nazzjon. Huma ħassew li dan iktar għandu jitqies b’mod xieraq bħala li seħħ fil-qasma tas-saltna taʼ Karlumanju fis-sena 843 E.K., u b’hekk jgħidu li Karlu l-Qargħi, u mhux Klovis, kien l-ewwel re taʼ Franza.
1,500 Sena taʼ Kattoliċiżmu
Kif inhu sejjer illum il-Kattoliċiżmu fi Franza wara iktar minn 1,500 sena bħala t-“tifla l-kbira tal-Knisja”? Franza kellha l-akbar għadd taʼ Kattoliċi mgħammdin fid-dinja sa l-1938. Issa tinsab fis-sitt pożizzjoni, wara pajjiżi bħall-Filippini u l-Istati Uniti. U filwaqt li hemm 45 miljun Kattoliku fi Franza, 6 miljuni biss jattendu l-Quddies regolarment. Stħarriġ reċenti li sar fost il-Kattoliċi Franċiżi wera li 65 fil-mija “ma jagħtux kas it-tagħlim tal-Knisja dwar kwistjonijiet sesswali,” u għal 5 fil-mija minnhom, Ġesù ma jirrappreżenta “assolutament xejn.” Dawn ix-xejriet negattivi ġagħlu lill-papa biex matul iż-żjara tiegħu fi Franza fl-1980 jistaqsi: “Franza, x’għamilt bil-wegħdi tal-magħmudija tiegħek?”
[Noti taʼ taħt]
a Ara The Watchtower taʼ l-1 t’Awissu, 1984, paġna 24.
b Ara The Watchtower tal-15 taʼ Mejju, 1994, paġni 8-9.
c L-isem Lwiġi ġej minn Klovis, li għalih kienu msemmijin 19-il re Franċiż (inkluż Lwiġi XVII u Lwiġi-Filippu).
[Mappa f’paġna 27]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
SASSONI
Xmara Renu
Xmara Somme
Soissons
Reims
Pariġi
GALLJA
Xmara Loire
Vouillé
Poitiers
PIRINEJ
VIŻIGOTI
Ruma
[Stampa f’paġna 26]
Il-magħmudija taʼ Klovis kif tidher f’manuskritt tas-seklu 14
[Sors]
© Cliché Bibliothèque nationale de France, Pariġi
[Stampa f’paġna 28]
Skultura tal-magħmudija taʼ Klovis (il-figura fin-nofs) fuq il-faċċata tal-Katidral taʼ Reims, Franza
[Stampa f’paġna 29]
Iż-żjara taʼ Ġwanni Pawlu II fi Franza biex jikkommemora l-magħmudija taʼ Klovis qajmet kontroversja