“Issa Tistaʼ Tweġġaʼ Daqsxejn”
QATT qaluhulek dan il-kliem? Forsi xi tabib jew infermier qalhomlok qabel ma tak il-kura li kellek bżonn.
X’aktarx li ma rrifjutajtx li toqgħod għall-kura sempliċement biex tevita l-uġigħ li kont taf li se tbati. Minflok, issaportejt l-uġigħ sabiex tikseb il-benefiċċji taʼ saħħa aħjar iktar tard. F’każijiet gravi, li taċċetta jew tirrifjuta kura li tikkawża wġigħ tistaʼ tkun kwistjoni taʼ ħajja jew mewt.
Għalkemm mhux dejjem ikollna bżonn l-għajnuna taʼ tabib, ilkoll kemm aħna bħala bnedmin imperfetti ma nistgħux noqogħdu mingħajr id-dixxiplina, jew il-korrezzjoni, anki dik li, xi kultant, tistaʼ tweġġagħna. (Ġeremija 10:23) Biex tenfasizza l-importanza tad-dixxiplina għat-tfal, il-Bibbja tgħid: “Il-bluha mqabbda maʼ qalb taʼ tifel, iżda l-ħatar tat-twiddib ibegħidha minnu.”—Proverbji 22:15, Saydon.
Il-ħatar f’dan il-każ jissimbolizza l-awtorità tal-ġenituri. Veru, ftit huma t-tfal li jħobbu d-dixxiplina. Jekk din tinkludi xi tip taʼ kastig, jistgħu jobogħduha. Madankollu, ġenituri għaqlin u kollhom imħabba ma jaħsbux biss dwar jekk it-tfal hux se jħossuhom imweġġgħin iżda dwar il-ġid li se jiksbu minnha fl-aħħar mill-aħħar. Il-ġenituri Kristjani jafu li dak li tgħid il-Kelma t’Alla hu minnu meta tgħid: “Bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott taʼ ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja.”—Lhud 12:11; Proverbji 13:24.
Dażgur, mhux it-tfal biss għandhom bżonn id-dixxiplina. Il-kbar għandhom bżonnha wkoll. Il-Bibbja qed titkellem mal-kbar meta tgħid: “Aqbad mad-dixxiplina; titlaqhiex. Issalvagwardjaha, għax hija nfisha hija ħajtek.” (Proverbji 4:13, NW) Iva, min hu għaqli—kemm jekk żgħir jew kbir—se jgħożż ħafna d-dixxiplina bbażata fuq il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, għax jekk jagħmel hekk, fl-aħħar mill-aħħar, din se ssalvalu ħajtu.