Kif Tistaʼ Tibqaʼ Ħaj fl-Aħħar taʼ Din id-Dinja?
IL-BIBBJA tpinġi t-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet bħala “jum taʼ korla . . . , jum taʼ dwejjaq u niket, jum taʼ qerda u diqa, jum taʼ dlam u swied, jum imsaħħab u taʼ ċpar magħqud.” (Sofonija 1:15) Żgur li dan m’huwiex it-tip taʼ jum li s-soltu tħares ’il quddiem għalih! Madankollu, l-appostlu Pietru wissa lill-Kristjani sħabu biex ‘jistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum taʼ Alla. Hu minħabba f’dan il-Jum li s-smewwiet jinħarqu u jinħallu, u l-elementi tad-dinja jinqerdu bin-nar. Imma aħna, skond il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.’—2 Pietru 3:12, 13.
Hawnhekk Pietru ma kienx qed jitkellem dwar il-qerda tas-smewwiet u l-art letterali. Is-“smewwiet” u l-“art” li Pietru qed jirreferi għalihom fil-kuntest jissimbolizzaw lill-gvernijiet umani korrotti u lis-soċjetà taʼ bnedmin taʼ mingħajr Alla. “Jum il-Mulej” mhux se jeqred lill-art infisha iżda se “jeqred minnha l-midinbin.” (Isaija 13:9) Għaldaqstant, għal dawk li qed “inewħu u jitniehdu minħabba l-mistkerrhiet kollha” li qed isiru fis-soċjetà umana ħażina taʼ llum, il-jum taʼ Jehovah se jkun jum taʼ salvazzjoni.—Eżekjel 9:4, Saydon.
Allura, kif jistaʼ individwu jsalva f’“Jum il-Mulej, kbir u tal-biżaʼ”? “Il-kelma tal-Mulej” li ngħatat lill-wieħed mill-profeti tiegħu tipprovdi r-risposta għal din il-mistoqsija: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej [“Jehovah,” NW] jinħeles.” (Ġoel 1:1; 3:4, 5 [2:31, 32, NW]) Ix-Xhieda taʼ Jehovah se jieħdu pjaċir jgħinuk titgħallem xi jfisser li ssejjaħ isem Jehovah.