X’Tiftakar?
Ħadt gost taqra l-ħarġiet reċenti taʼ It-Torri taʼ l-Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:
• L-“għaqal” kif jistaʼ jkun taʼ protezzjoni? (Proverbji 1:4)
Jistaʼ jwissina bil-perikli spiritwali u jqanqalna biex nippjanaw kif se naġixxu b’mod għaqli, bħal per eżempju kif nevitaw tentazzjonijiet immorali fuq ix-xogħol. Jgħinna nirrikonoxxu li sħabna l-Kristjani huma imperfetti, u dan jgħinna ma nirreaġixxux taʼ malajr meta xi ħadd jipprovokana. Jistaʼ jgħinna wkoll nevitaw pressjonijiet materjalistiċi li jistgħu jiżvijawna spiritwalment.—8/15, paġni 21-4.
• Wieħed kif jistaʼ jkun taʼ ġid bħala ġâr?
Żewġ modi kif tistaʼ tkun ġâr tajjeb huma li tagħti mill-qalb u li tirċievi mill-qalb. Huwa importanti li tkun ġâr tajjeb meta jinqalaʼ l-għawġ. Ix-Xhieda taʼ Jehovah iħabirku biex ikunu ġirien tajbin billi jwissu lil oħrajn dwar il-ġrajja li dalwaqt se sseħħ, l-att t’Alla biex itemm il-ħażen.—9/1, paġni 4-7.
• Skond il-Bibbja, min huma l-qaddisin veri, u dawn kif se jgħinu lill-umanità?
Il-Kristjani tal-bidu kollha kienu qaddisin veri, u dawn intgħamlu qaddisin minn Alla u mhux mill-bniedem jew minn xi organizzazzjoni. (Rumani 1:7) Wara li jiġu rxoxtati għall-ħajja fis-sema, il-qaddisin se jieħdu sehem maʼ Kristu f’li jbierku wħud leali fuq l-art. (Efesin 1:18-21)—9/15, paġni 5-7.
• Il-fatt li l-Kristjani jkunu jafu xi ħaġa dwar l-avvenimenti atletiċi li kienu jsiru fil-Greċja tal-qedem kif se jkun t’għajnuna għalihom?
Fil-kitbiet taʼ l-appostli Pietru u Pawlu nsibu referenzi u tixbihat ibbażati fuq il-logħob tal-qedem. (1 Korintin 9:26; 1 Timotju 4:7; 2 Timotju 2:5; 1 Pietru 5:10, NW) Għal atleta tal-qedem, kien importanti li jkollu wieħed tajjeb biex iħarrġu, li jeżerċita kontroll fuqu nnifsu, u li jidderieġi l-isforzi tiegħu sew. Dan jgħodd ukoll għall-isforzi tal-Kristjani llum.—10/1, paġni 28-31.
• X’inhuma l-isfidi u l-barkiet tat-trobbija tat-tfal f’art barranija?
Ħafna tfal jitgħallmu lingwa ġdida iktar malajr mill-ġenituri tagħhom, u dawn għandhom mnejn isibuha diffiċli biex jifhmu l-mod kif jaħsbu u jirreaġixxu wliedhom. U t-tfal għandhom mnejn ma jkunux jistgħu jifhmu sew it-tagħlim Bibliku fil-lingwa tal-pajjiż li ġew minnu l-ġenituri tagħhom. Madankollu, ir-rabtiet tal-familja jistgħu jissaħħu hekk kif il-ġenituri jgħallmu lit-tfal tagħhom il-lingwa tal-pajjiż li jkunu ġejjin minnu, u b’hekk it-tfal jitgħallmu żewġ lingwi u jħossuhom parti minn żewġ kulturi.—10/15, paġni 22-6.
• Għala huwa importanti li titgħallem titlob apoloġija?
Apoloġija sinċiera spiss tkun mod biex tissewwa relazzjoni li tkun saritilha l-ħsara. Il-Bibbja tipprovdi eżempji li juru x’qawwa għandha l-apoloġija. (1 Samwel 25:2-35; Atti 23:1-5) Ħafna drabi, meta żewġ bnedmin ikunu miġġildin, ikun hemm xi naqra taʼ ħtija fuq iż-żewġ naħat. Għalhekk, jirrikjedi li t-tnejn li huma jċedu u jagħmlu apoloġiji.—11/1, paġni 4-7.
• Għala huwa l-logħob taʼ l-ażżard, anki b’ammonti żgħar taʼ flus, ħażin?
Il-logħob taʼ l-ażżard iqanqal l-egoiżmu, l-ispirtu taʼ kompetizzjoni, u r-regħba, li fil-Bibbja huma kundannati. (1 Korintin 6:9, 10) Ħafna li għandhom il-vizzju tal-logħob taʼ l-ażżard jibdew jagħmlu mħatri żgħar minn meta jkunu għadhom żgħar.—11/1, paġna 31.
• Ladarba ħafna kotba mill-Bibbja nkitbu bil-Grieg, għala kien hemm il-bżonn li l-Bibbja tiġi tradotta għall-Grieg, u b’liema riżultat?
Il-Grieg modern huwa differenti mhux ħażin mill-Grieg tat-traduzzjoni taʼ l-Iskrittura Ebrajka li tissejjaħ is-Settanta u minn dak taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana. Matul dawn l-aħħar sekli saru ħafna attentati biex jittraduċu partijiet jew il-Bibbja kollha għall-Grieg mitkellem. Illum, hemm madwar 30 traduzzjoni tal-Bibbja, sħiħa jew parti minnha, li jistgħu jinqraw mill-Griegi komuni, u waħda mill-iktar magħrufa hi n-New World Transaltion of the Holy Scriptures, pubblikata fl-1997.—11/15, paġni 26-9.
• Il-ħlas tad-dieċmi għala m’huwiex meħtieġ mill-Kristjani?
Taħt il-Liġi li ngħatat lil Iżrael tal-qedem, il-ħlas tad-dieċmi kien mezz biex huma jappoġġaw it-tribù taʼ Levi u jieħdu ħsieb dawk l-uħud fil-bżonn. (Levitiku 27:30; Dewteronomju 14:28, 29) Il-mewt taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju ħassret il-Liġi u l-ħtieġa li jitħallsu d-dieċmi. (Efesin 2:13-15) Fil-kongregazzjoni Kristjana bikrija, id-drawwa kienet li kull Kristjan jagħti skond ma jistaʼ u skond ma jidhirlu hu minn rajh. (2 Korintin 9:5, 7)—12/1, paġni 4-6.
• Ifisser Apokalissi 20:8 li fil-prova finali Satana se jiżvija lil numru kbir ħafna taʼ nies?
Il-vers jgħid li dawk li se jiġu żvijati se jkunu “daqs ir-ramel tal-baħar.” Fil-Bibbja, din l-espressjoni ħafna drabi tfisser numru mhux magħruf, mingħajr ma jissuġġerixxi li hu immens. In-nisel t’Abraham, li kellu jkun “bħar-ramel f’xatt il-baħar,” wera li kien 144,000 persuna, minbarra Ġesù Kristu. (Ġenesi 22:17; Apokalissi 14:1-4)—12/1, paġna 29.