LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 12/15 pp. 26-29
  • Uri l-Affezzjoni Lejn il-Membri tal-Familja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Uri l-Affezzjoni Lejn il-Membri tal-Familja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Żmien Iebes”
  • Relazzjoni tal-​Familja Eżemplari
  • L-​Affezzjoni fil-​Familja—Kif?
  • Int Tistaʼ Ssib l-​Għajnuna
  • “Ħa Jkollkom Affezzjoni Tenera Lejn Xulxin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Kif tistaʼ turi l-affezzjoni?
    Għajnuna għall-Familja
  • Uri Affezzjoni Tenera Lejn l-Aħwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Kif Ikollok Żwieġ Ferħan: Uri Affezzjoni
    Għajnuna għall-Familja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 12/15 pp. 26-29

Uri l-​Affezzjoni Lejn il-​Membri tal-​Familja

“AĦARQU jekk għandek il-​ħila! Aħarqu!” Tohru sfida lil martu, Yoko.a “U żgur li hekk se nagħmel,” wiġbitu bir-​rabja u xegħlet sulfarina biex taħraq ir-​ritratt li kienu ħadu flimkien. Imbagħad għajtet bir-​rabja kollha, “Id-​dar kollha se naħraq!” Tohru wieġeb billi taha daqqa taʼ ħarta, u b’hekk l-​argument spiċċa bil-​vjolenza.

Tliet snin qabel, Tohru u Yoko bdew il-​ħajja tagħhom flimkien bħala koppja miżżewġa ferħana. Mela, allura, x’mar ħażin? Għalkemm Tohru kien jidher li hu raġel mill-​aħjar, martu kienet tħoss li ma kienx juri affezzjoni lejha u li rari kien jinteressah mis-​sentimenti tagħha. Kien jidher qisu mhux kapaċi jirreaġixxi għall-​affezzjoni li turih. Peress li ma felħitx tkampa maʼ dan, Yoko bdiet issir irritata u rrabjata. Bdiet tbati bl-​insomnja, bl-​ansjetà, bin-​nuqqas t’aptit, bid-​dipressjoni u bdiet issir iktar sensittiva u saħansitra kellha xi attakki taʼ paniku. Madankollu, Tohru ma tantx kien jidher inkwetat dwar l-​atmosfera stressanti li kienet tiddomina lil daru. Kienet qisha xi ħaġa normali għalih.

“Żmien Iebes”

Problemi bħal dawn huma komuni llum. L-​appostlu Pawlu bassar li fi żmienna kien se jkun hawn nies li huma “bla qalb,” jew li “m’għandhom ebda affezzjoni naturali,” (NW). (2 Timotju 3:​1-5, korsiv tagħna.) Il-​kelma oriġinali bil-​Grieg tradotta “bla qalb” hawnhekk hija marbuta ħafna mal-​kelma li tiddeskrivi l-​affezzjoni naturali li tinsab fost il-​membri tal-​familja. Żgur li fi żmienna hawn nuqqas t’affezzjoni bħal din. Anki jekk ikun hemm l-​affezzjoni, il-​membri tal-​familja għandhom mnejn rari juruha lejn xulxin.

Ħafna ġenituri llum ma jafux kif juru l-​imħabba u l-​affezzjoni maʼ wliedhom stess. Xi wħud trabbew f’ambjent familjari nieqes mill-​affezzjoni u għandhom mnejn ma jirrealizzawx li l-​ħajja tistaʼ tkun iktar ferħana u pjaċevoli li kieku jesprimu u jħossu l-​affezzjoni. Milli jidher Tohru hekk ġralu. Fi tfulitu, missieru kien dejjem okkupat bix-​xogħol u kien jiġi lura d-​dar tard bil-​lejl. Rari kien jitkellem maʼ Tohru u meta jkellmu kien jispiċċa biex jgħajjat miegħu. Omm Tohru wkoll kienet taħdem full-time u ma tantx kienet tqattaʼ ħin miegħu. Il-​ġenituri ħallew f’idejn it-​televixin biex jieħu ħsiebu. Fil-​familja tiegħu la kien hemm min ifaħħru u lanqas min jikkomunika miegħu.

Il-kultura tistaʼ tkun raġuni oħra. F’xi nħawi taʼ l-​Amerika Latina, ir-​raġel irid imur kontra d-​drawwa tal-​pajjiż biex jesprimi l-​affezzjoni tiegħu għal martu. F’ħafna pajjiżi Orjentali u Afrikani hija kontra t-​tradizzjoni tal-​pajjiż li wieħed juri l-​affezzjoni tiegħu bil-​kliem u bl-​azzjoni. L-​irġiel miżżewġa jistgħu jħossuhom strambi jgħidu “Nħobbok” lil marthom jew lil uliedhom. Minkejja dan, nistgħu nitgħallmu tagħlima mill-​ewwel relazzjoni familjari li qatt eżistiet u li baqgħet b’saħħitha minkejja l-​provi.

Relazzjoni tal-​Familja Eżemplari

L-​aqwa eżempju għall-​familja jinsab fir-​relazzjoni intima bejn Alla Jehovah u l-​Iben uniġenitu tiegħu. Huma juru mħabba lejn xulxin b’mod perfett. Għal eluf taʼ snin bla għadd, meta Ġesù Kristu kien għadu ħlejqa spirtu fis-​sema, hu kien igawdi relazzjoni hienja maʼ Missieru. Hu ddeskriva din ir-​rabta b’dan il-​mod: “Jien kont . . . l-​għaxqa tiegħu, jum wara ieħor, nitliegħeb il-​ħin kollu quddiemu.” (Proverbji 8:30) L-​Iben tant kien ċert mill-​imħabba taʼ Missieru li setaʼ jiddikjara lil oħrajn li Jehovah kien jitgħaxxaq bih jum wara l-​ieħor. Hu kien jitliegħeb, jew iħossu hieni, quddiem Missieru l-​ħin kollu.

Anki meta kien fuq l-​art bħala l-​bniedem Ġesù, l-​Iben t’Alla ġie assigurat mill-​imħabba profonda taʼ Missieru. Wara li Ġesù tgħammed, hu semaʼ leħen Missieru jgħid: “Dan hu Ibni l-​għażiż: fih sibt l-​għaxqa tiegħi.” (Mattew 3:17) Kemm kienet inkuraġġanti din l-​espressjoni taʼ mħabba fil-​bidu tal-​missjoni taʼ Ġesù fuq l-​art! Żgur li messlu qalbu l-​fatt li jismaʼ lil Missieru japprovah hekk kif ftakar kollox dwar il-​ħajja tiegħu fis-​sema.

Għalhekk, Jehovah jagħti l-​aqwa eżempju f’li jesprimi bl-​aħjar mod possibbli l-​imħabba għall-​familja universali tiegħu. Jekk naċċettaw lil Ġesù Kristu, aħna wkoll nistgħu ngawdu l-​affezzjoni taʼ Jehovah. (Ġwann 16:27) Għalkemm mhux se nisimgħu xi leħen mis-​sema, se naraw l-​imħabba taʼ Jehovah espressa fin-​natura, fil-​provvediment tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, u f’modi oħrajn. (1 Ġwann 4:​9, 10) Ukoll, Jehovah jismaʼ u jwieġeb it-​talb tagħna b’tali mod li jkun l-​iktar taʼ ġid għalina. (Salm 145:18; Isaija 48:17) Hekk kif nikkultivaw relazzjoni intima maʼ Jehovah, l-​apprezzament tagħna għall-​mod kif jieħu ħsiebna bl-​imħabba se jikber.

Ġesù tgħallem minn Missieru kif juri l-​empatija, il-​konsiderazzjoni, il-​qalb tajba, u t-​tħassib profond għal oħrajn. Hu spjega: “Il-​ħwejjeġ li jagħmel il-​Missier, jagħmilhom l-​Iben ukoll, bħalu. Għax il-​Missier lill-​Iben iħobbu u jurih kull ma jagħmel.” (Ġwann 5:​19, 20) Min-​naħa tagħna, nistgħu nitgħallmu l-​arti taʼ kif nuru l-​affezzjoni billi nistudjaw l-​eżempju li ħallielna Ġesù meta kien fuq l-​art.—Filippin 1:​8, KŻ.

L-​Affezzjoni fil-​Familja—Kif?

Peress li “Alla hu mħabba” u aħna maħluqin “fuq xbihietu,” aħna kapaċi kemm inħossu kif ukoll nuru l-​imħabba. (1 Ġwann 4:8; Ġenesi 1:​26, 27) Madankollu, din il-​kapaċità ma tiġix waħedha. Sabiex nuru l-​affezzjoni, irridu l-​ewwel inħossuha lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħna u lejn uliedna. Osserva u innota xi kwalitajiet tagħhom li jqanqluk biex tħobbhom, ikunu kemm ikunu insinifikanti għall-​ewwel, u oqgħod aħseb fuqhom. Forsi tgħid, ‘M’hemm xejn li jiġbdek f’żewġi [f’marti jew fit-​tfal].’ Dawk l-​uħud miżżewġin lil xi ħadd li m’għażluhx huma jistaʼ jkun li ftit li xejn iħossu affezzjoni lejn xulxin. Oħrajn għandhom mnejn ma xtaqux ikollhom it-​tfal. Xorta waħda, ikkunsidra kif Jehovah ħassu lejn il-​mara simbolika tiegħu, il-​ġens taʼ Iżrael, fl-​għaxar seklu Q.E.K. Waqt li l-​profeta tiegħu Elija kkonkluda li ma kienx hemm aduraturi oħra taʼ Jehovah fost il-​ġens taʼ l-​għaxar tribujiet taʼ Iżrael, Jehovah għarbilhom bir-​reqqa u sab għadd taʼ nies konsiderevoli—7,000 b’kollox—li f’għajnejh kellhom kwalitajiet sbieħ. Tistaʼ int timita lil Jehovah billi tfittex it-​tajjeb fil-​membri tal-​familja tiegħek?—1 Slaten 19:​14-18.

Madankollu, sabiex il-​membri l-​oħra tal-​familja jħossu l-​affezzjoni tiegħek, trid tagħmel sforz kuxjenzjuż biex turiha. Kulmeta tinnota xi ħaġa taʼ min ifaħħarha, esprimi l-​apprezzament tiegħek bil-​kliem. Meta l-​Kelma t’Alla tiddeskrivi mara kapaċi, tinnota karatteristika interessanti fil-​familja tagħha meta tgħid: “Uliedha jqumu u hienja jsejjħulha; u żewġha wkoll ifaħħarha.” (Proverbji 31:28) Innota kemm il-​membri tal-​familja ma qagħdux lura milli jesprimu l-​apprezzament tagħhom lejn xulxin. Billi jfaħħar lil martu bil-​kliem, il-​missier jagħti eżempju mill-​aqwa lil ibnu peress li jinkuraġġih biex ikun minn taʼ quddiem biex ifaħħar lis-​sieħba tiegħu meta jiżżewweġ.

Ukoll, il-​ġenituri għandhom ifaħħru ’l uliedhom, għaliex b’dan il-​mod se jinkuraġġixxu lit-​tfal biex ikollhom rispett lejhom infushom. U verament, kif jistaʼ individwu ‘jħobb lil għajru bħalu nnifsu’ meta lanqas biss ikollu rispett lejh innifsu? (Mattew 22:39) Mill-​banda l-​oħra, jekk il-​ġenituri dejjem jikkritikaw ’l uliedhom, mingħajr ma qatt ifaħħruhom, it-​tfal malajr jistgħu jitilfu r-​rispett li jkollhom lejhom infushom u jistgħu jsibuha diffiċli biex juru l-​affezzjoni lejn oħrajn.—Efesin 4:​31, 32.

Int Tistaʼ Ssib l-​Għajnuna

Xi ngħidu jekk trabbejt ġo familja nieqsa mill-​imħabba? Xorta għadek tistaʼ titgħallem kif turi l-​affezzjoni. L-​ewwel pass li għandek tieħu hu li tagħraf li hemm problema u tifhem li għandek bżonn titjieb. Il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, tipprovdi għajnuna kbira f’dan. Tistaʼ titqabbel maʼ mera. Meta neżaminaw lilna nfusna bit-​tagħlim tal-​Bibbja li qisu mera, id-​difetti, jew id-​dgħjufijiet, fil-​ħsieb tagħna se jirriflettu lura fuqna. (Ġakbu 1:23) Fi qbil mat-​tagħlim tal-​Bibbja, nistgħu naġġustaw kull inklinazzjoni li ma tkunx xierqa. (Efesin 4:​20-24; Filippin 4:​8, 9) Irridu nagħmlu dan regolarment, mingħajr “ma negħjew qatt nagħmlu l-​ġid.”—Galatin 6:9.

Xi wħud għandhom mnejn isibuha diffiċli biex juru l-​affezzjoni minħabba t-​trobbija jew il-​kultura tagħhom. Madankollu, studji li saru dan l-​aħħar jindikaw li dawn l-​ostakli jistgħu jiġu megħluba. Dr. Daniel Goleman, speċjalista fis-​saħħa mentali, jispjega li anki ‘l-​vizzji l-​iktar fondi fil-​qalb li nitgħallmu matul it-​tfulija jistgħu jinbidlu.’ Iktar minn 19-il seklu ilu, il-​Bibbja indikat li bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu t’Alla, anki l-​iktar inklinazzjonijiet tal-​qalb li jkunu rabbew l-​għeruq fil-​fond jistgħu jitqaċċtu ’l barra. Din tħeġġiġna billi tgħidilna: “Intom . . . inżajtu l-​bniedem il-​qadim bl-​għemil kollu tiegħu, u lbistu l-​bniedem il-​ġdid.”—Kolossin 3:​9, 10.

Ladarba l-​problema tiġi identifikata, il-​membri tal-​familja jistgħu jistudjaw il-​Bibbja flimkien waqt li jżommu quddiem għajnejhom il-​bżonnijiet tagħhom. Per eżempju, jistgħu jikkunsidraw iktar eżempji tal-​kelma “affezzjoni”? Tistaʼ ssib xi skrittura bħal din: “Smajtu bis-​sabar taʼ Ġob, u tafu kif bl-​għajnuna tal-​Mulej hu għalaq jiem ħajtu; għax il-​Mulej jaf jagħder [jew “hu teneru ferm fl-​affezzjoni,” NW], u hu ħanin bil-​bosta.” (Ġakbu 5:11) Imbagħad, ikkunsidra r-​rakkont Bibliku taʼ Ġob, waqt li tiffoka fuq kif Jehovah kien teneru fl-​affezzjoni u ħanin maʼ Ġob. Żgur li trid timita lil Jehovah u tkun teneru ferm fl-​affezzjoni u l-​ħniena mal-​familja tiegħek.

Madankollu, minħabba li aħna imperfetti, bi kliemna “lkoll niżbaljaw, u taʼ sikwit.” (Ġakbu 3:2) Fil-​familja, forsi nonqsu milli nużaw kliemna b’mod li jibni. Dan huwa meta jkollna bżonn nitolbu u nistrieħu fuq Jehovah. Taqtax qalbek. ‘Itlob bla heda.’ (1 Tessalonikin 5:17) Jehovah se jgħin lil dawk li jixxennqu għall-​affezzjoni fil-​familja kif ukoll lil dawk li jixtiequ juruha iżda jsibuha bi tqila biex jagħmlu dan.

Iktar minn hekk, b’qalb tajba Jehovah offra l-​għajnuna tal-​kongregazzjoni Kristjana. Ġakbu kiteb: “Hemm xi ħadd marid [spiritwalment] fostkom? Ħalli dan isejjaħ lill-​presbiteri tal-​Knisja, biex dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-​żejt f’isem il-​Mulej.” (Ġakbu 5:14) Iva, l-​anzjani fil-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah jistgħu jgħinuhom ħafna lill-​membri tal-​familji li qed isibuha diffiċli biex juru l-​affezzjoni lejn xulxin. Għalkemm m’humiex xi tobba, l-​anzjani jistgħu bil-​paċenzja kollha jgħinu lill-​kredenti sħabhom, mhux billi jgħidulhom x’għandhom jagħmlu, iżda billi jfakkruhom fil-​ħarsa taʼ Jehovah u jitolbu magħhom u għalihom.—Salm 119:105; Galatin 6:1.

Fil-każ taʼ Tohru u Yoko, l-​anzjani Kristjani dejjem semgħu l-​problemi tagħhom u farrġuhom. (1 Pietru 5:​2, 3) Xi drabi, anzjan u martu kienu jżuruhom sabiex Yoko tkun tistaʼ tibbenefika mill-​kumpanija taʼ mara Kristjana taʼ l-​esperjenza li setgħet iddarri lil Yoko ‘tħobb lil żewġha.’ (Titu 2:​3, 4) Minħabba li l-​anzjani juru li jifhmu u jagħdru t-​tbatijiet u l-​uġigħ taʼ qalb taʼ sħabhom il-​Kristjani, huma jsiru “lqugħ għar-​riħ, u kenn fit-​tempesta.”—Isaija 32:​1, 2.

B’qalb tajba, l-​anzjani għenu lil Tohru jirrealizza li kellu problema biex jesprimi l-​emozzjonijiet tiegħu u li fiż-​żmien taʼ l-​aħħar, Satana jattakka l-​arranġament tal-​familja. (2 Timotju 3:1) Tohru ddeċieda li jiffaċċja l-​problema. Beda jirrealizza li hu naqas milli juri l-​imħabba għaliex ma esperjenzahiex fit-​trobbija tiegħu. Permezz taʼ studju tal-​Bibbja bis-​serjetà u bit-​talb, Tohru beda bil-​mod il-​mod jifhem iktar il-​bżonnijiet emozzjonali taʼ Yoko.

Għalkemm Yoko kienet irrabjata għal Tohru, meta fehmet l-​ambjent familjari li kien trabba fih u għarfet id-​dgħjufijiet tagħha, hi għamlet sforz bis-​serjetà biex tara t-​tajjeb taʼ żewġha. (Mattew 7:​1-3; Rumani 5:​12; Kolossin 3:​12-​14) Hi talbet lil Jehovah bil-​ħerqa biex jagħtiha s-​saħħa ħalli tibqaʼ tħobb lil żewġha. (Filippin 4:​6, 7) B’ferħ għal martu, Tohru beda juri l-​affezzjoni tiegħu ftit ftit.

Iva, anki jekk issibha diffiċli biex tħoss u turi l-​affezzjoni fil-​familja, żgur li tistaʼ tegħleb din il-​problema. Il-​Kelma t’Alla tagħtina gwida bnina. (Salm 19:8 [19:​7, NW]) Billi tagħraf kemm hi serja s-​sitwazzjoni, billi tipprova tara t-​tajjeb fil-​membri tal-​familja tiegħek, billi tistudja u tapplika dak li tgħid il-​Kelma t’Alla, billi tistrieħ fuq Jehovah permezz taʼ talb ħerqan, u billi tfittex l-​għajnuna taʼ anzjani Kristjani maturi, tistaʼ tegħleb dak li jidher qisu ostaklu enormi bejnek u bejn il-​familja tiegħek. (1 Pietru 5:7) Int ukoll tistaʼ tithenna, bħalma ġralu wieħed raġel miżżewweġ fl-​Istati Uniti. Hu ġie inkuraġġit juri l-​affezzjoni tiegħu lejn martu. Meta sa fl-​aħħar għamel il-​kuraġġ biex jgħidilha “Nħobbok,” hu baqaʼ skantat bil-​mod kif wiġbitu. Bid-​dmugħ taʼ ferħ nieżel minn għajnejha, hi qaltlu: “Anki jien inħobbok, iżda din hi l-​ewwel darba f’25 sena li għedthieli b’dan il-​mod.” Tistenniex daqshekk qabel ma turi l-​affezzjoni tiegħek lejn martek jew żewġek u lejn uliedek.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdula.

[Stampa f’paġna 28]

Jehovah jipprovdi l-​għajnuna fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja