LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 12/15 pp. 8-13
  • “Ersqu Lejn Alla”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ersqu Lejn Alla”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Komplu Ħudu Għarfien dwar Alla
  • Esprimi Mħabbtek Lejn Jehovah
  • Ibni l-​Intimità Permezz tat-​Talb
  • Kif Tistaʼ Tersaq Qrib Lejn Alla
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • “Hu Jersaq Lejkom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Kemm hi reali r-relazzjoni li għandek maʼ Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 12/15 pp. 8-13

“Ersqu Lejn Alla”

“Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.”​—​ĠAKBU 4:8.

1, 2. (a) Liema stqarrija taʼ spiss jagħmlu xi nies? (b) Ġakbu liema twissija ta, u għala kienet meħtieġa?

“ALLA magħna.” Dan il-​kliem żejjen emblemi nazzjonali u saħansitra uniformijiet tas-​suldati. Il-​kliem “In God we trust” (F’Alla nafdaw) jidher fuq għadd taʼ muniti u karti tal-​flus fi żmienna. Taʼ spiss tismaʼ nies jistqarru li għandhom relazzjoni intima m’Alla. Iżda, ma taqbilx int li biex attwalment ikollok relazzjoni bħal din trid wisq iktar milli sempliċement titkellem dwarha jew tikteb xi frażi li tkun tistaʼ tinqara minn ħafna nies?

2 Il-​Bibbja turi li huwa possibbli li jkollna relazzjoni m’Alla. Iżda dan jeħtieġ sforz. Anki xi Kristjani midlukin fl-​ewwel seklu kellhom bżonn isaħħu r-​relazzjoni tagħhom m’Alla Jehovah. L-​indokratur Kristjan Ġakbu kellu jwissi lil xi wħud rigward it-​tendenzi taʼ ġisimhom u l-​fatt li ma kinux baqgħu nodfa spiritwalment. Fost il-​pariri li tahom kien hemm din it-​twissija li taqtaʼ fil-​laħam il-​ħaj: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:​1-12) Ġakbu x’ried ifisser bil-​kelma “ersqu”?

3, 4. (a) Dawk li qraw l-​ittra taʼ Ġakbu fl-​ewwel seklu, dwar liema ħaġa setgħu ġew imfakkrin mill-​espressjoni “ersqu lejn Alla”? (b) Għala nistgħu nibqgħu ċerti li huwa possibbli li nersqu lejn Alla?

3 Ġakbu uża espressjoni li kienet familjari maʼ ħafna minn dawk li qraw l-​ittra tiegħu. Il-​Liġi Mosajka tat lill-​qassisin istruzzjonijiet speċifiċi dwar kif setgħu “jersqu lejn,” jew javviċinaw lil, Jehovah għan-​nom tal-​poplu tiegħu. (Eżodu 19:22) Dawk li qraw l-​ittra taʼ Ġakbu setgħu b’hekk jiġu mfakkrin li ma kinitx xi ħaġa taċ-​ċajt li tavviċina lil Jehovah. Jehovah għandu l-​ogħla pożizzjoni taʼ dinjità fl-​univers.

4 Mill-​banda l-​oħra, bħalma jinnota wieħed studjuż tal-​Bibbja, “din it-​twissija [f’Ġakbu 4:8] tirrivela ottimiżmu qawwi.” Ġakbu kien jaf li Jehovah dejjem stieden bl-​imħabba kollha lill-​bnedmin imperfetti biex jersqu qrib Tiegħu. (2 Kronaki 15:2) Is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù fetħilna t-​triq biex inkunu nistgħu nersqu lejn Alla f’sens iktar sħiħ. (Efesin 3:​11, 12) Illum, din it-​triq infetħet għal miljuni taʼ nies biex huma wkoll ikollhom l-​opportunità li jersqu lejn Alla! Iżda, kif nistgħu aħna nieħdu vantaġġ minn din l-​opportunità meraviljuża? Issa, se nikkunsidraw fil-​qosor tliet modi li bihom nistgħu nersqu qrib lejn Alla Jehovah.

Komplu Ħudu Għarfien dwar Alla

5, 6. L-eżempju taż-​żagħżugħ Samwel kif juri x’hemm involut f’li nieħdu għarfien dwar Alla?

5 Skond Ġwann 17:​3, Ġesù qal: “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” Ġesù x’ried ifisser meta tkellem dwar “li jagħrfu” lil Alla jew li jieħdu għarfien dwaru? Numru taʼ studjużi jinnotaw li s-​sens tal-​kelma użata fil-​Grieg oriġinali jinvolvi xi ħaġa iktar​—proċess kontinwu, wieħed li jistaʼ saħansitra jwassal biex tnejn isiru jafu lil xulxin b’mod intimu.

6 L-​idea li ssir taf lil Alla b’mod intimu ma kinitx xi ħaġa ġdida fi żmien Ġesù. Per eżempju, fl-​Iskrittura Ebrajka naqraw li meta Samwel kien daqsxejn taʼ tifel, hu “kien għadu ma għarafx il-​Mulej.” (1 Samwel 3:7) Kien dan ifisser li Samwel kien jaf ftit li xejn dwar Alla tiegħu? Le. Il-​ġenituri tiegħu u l-​qassisin żgur li kienu għallmuh ħafna dwaru. Madankollu, il-​kelma Ebrajka użata f’dan il-​vers tistaʼ, skond ċertu studjuż, tiġi “użata għall-​ħbiberija mill-​iktar intima.” Samwel kien għadu ma sarx jafu b’mod intimu lil Jehovah, bħalma kien se jsir jafu iktar tard meta kien qed jaqdi bħala l-​kelliemi tiegħu. Hekk kif Samwel kompla jikber, hu sar verament jaf lil Jehovah, u b’hekk daħal f’relazzjoni persunali miegħu.​—1 Samwel 3:​19, 20.

7, 8. (a) Għala m’għandniex inħallu t-​tagħlim iktar profond tal-​Bibbja jaqtgħalna qalbna? (b) X’inhuma xi veritajiet profondi tal-​Kelma t’Alla li nagħmlu tajjeb li nistudjawhom?

7 Qiegħed int tieħu għarfien dwar Jehovah sabiex tkun tistaʼ ssir tafu b’mod intimu? Biex tagħmel dan, jeħtieġlek tibda ‘tixxennaq’ għall-​ikel spiritwali li jipprovdi Alla. (1 Pietru 2:2) Tkunx sodisfatt bit-​tagħlim bażiku. Qis li tieħu wkoll mit-​tagħlim iktar profond tal-​Bibbja. (Lhud 5:​12-14) Qiegħed dan it-​tagħlim jaqtagħlek qalbek għax tassumi li hu diffiċli wisq biex tifhmu? Jekk inhu hekk, ftakar li Jehovah hu l-​“Imgħallem” Grandjuż. (Isaija 30:20) Hu jaf kif ifiehem veritajiet profondi lill-​imħuħ taʼ bnedmin imperfetti. U jistaʼ jbierek l-​isforzi sinċieri tiegħek biex tifhem dak li qed jgħallmek Hu.​—Salm 25:4.

8 Għala ma teżaminax lilek innifsek rigward xi ftit mill-​affarijiet profondi t’Alla? (1 Korintin 2:10) Dawn m’humiex xi suġġetti monotoni bħal dawk li jħobbu jiddibattu dwarhom it-​teoloġi u l-​membri tal-​kleru. Huma duttrini ħajjin li permezz tagħhom nitgħallmu ħafna affarijiet interessanti dwar x’jaħseb u xi jħoss Missierna li tant iħobbna. Per eżempju, il-​fidwa, il-​“misteru,” jew sigriet sagru, u d-​diversi pattijiet li Jehovah uża biex ibierek lill-​poplu tiegħu u jwettaq l-​iskopijiet tiegħu—dawn u ħafna oħrajn simili huma suġġetti li tibbenefika minnhom u tieħu gost tagħmel riċerka persunali dwarhom.​—1 Korintin 2:7.

9, 10. (a) Il-kburija għala hija perikoluża, u x’se jgħinna nevitawha? (b) Meta niġu għall-​għarfien dwar Jehovah, għala għandna nagħmlu ħilitna kollha biex nibqgħu umlin?

9 Hekk kif tkompli żżid l-​għarfien tiegħek dwar veritajiet spiritwali profondi, oqgħod attent mill-​periklu li jġib miegħu l-​għarfien​—il-​kburija. (1 Korintin 8:1) Il-​kburija hija perikoluża, għax din tbiegħed lill-​bniedem minn Alla. (Proverbji 16:5; Ġakbu 4:6) Żomm dejjem f’moħħok li ebda bniedem m’għandu għalfejn jiftaħar bl-​għarfien li jkollu. Biex nagħtu eżempju, ikkunsidra dan il-​kliem meħud mill-​introduzzjoni taʼ ktieb li jitkellem dwar l-​avanzi iktar reċenti li l-​bniedem irnexxielu jagħmel fix-​xjenza: “Iktar ma nsiru nafu affarijiet, iktar nirrealizzaw kemm ma nafu xejn. . . . Kulma tgħallimna m’hu xejn meta jitqabbel maʼ dak li għad baqgħalna nitgħallmu.” Kemm hi sabiħa din l-​umiltà! Issa, meta niġu għall-​aqwa għarfien li jistaʼ jkollna​—l-​għarfien dwar Alla Jehovah​—kemm iktar għandna għalfejn nibqgħu umlin. Għala?

10 Innota xi ftit stqarrijiet li l-​Bibbja tagħmel dwar Jehovah. “Kemm huma għolja ħsibijietek!” (Salm 92:6 [92:​5, NW]) “Bla tarf id-​dehen [taʼ Jehovah].” (Salm 147:5) “L-​għerf [taʼ Jehovah] ma ssibx tarfu.” (Isaija 40:28) “Kemm huma kbar l-​għana, l-​għerf u l-​għaqal [jew l-​għarfien] taʼ Alla!” (Rumani 11:33) Jidher ċar li qatt ma nistgħu niskopru kollox dwar Jehovah. (Koħèlet 3:11) Hu għallimna ħafna affarijiet taʼ l-​għaġeb, iżda dejjem se jkollna ammont bla tarf t’għarfien li għad irridu nitgħallmu minnu. Ma ssibx int li dan il-​prospett iġagħlek tħossok eċċitat kif ukoll umli? Mela, hekk kif inkomplu nitgħallmu, ħalli dejjem nużaw l-​għarfien bħala bażi biex nersqu qrib Jehovah u ngħinu lil oħrajn jagħmlu hekk ukoll​—u qatt ma nużaw dan l-​għarfien bħala mezz biex nitgħollew fuq ħaddieħor.​—Mattew 23:12; Luqa 9:48.

Esprimi Mħabbtek Lejn Jehovah

11, 12. (a) Kif għandu jeffettwana l-​għarfien li nieħdu dwar Jehovah? (b) X’inhu li jiddetermina jekk l-​imħabba li xi ħadd ikollu għal Alla hijiex ġenwina jew le?

11 B’mod xieraq, l-​appostlu Pawlu għamel konnessjoni bejn l-​għarfien u l-​imħabba. Hu kiteb: “Jien dan nitlob: li l-​imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-​għerf u b’kull dehen.” (Filippin 1:9) Minflok ma ġġagħalna nitkabbru, kull verità prezzjuża li nitgħallmu dwar Jehovah u dwar l-​iskopijiet tiegħu għandha tkabbrilna mħabbitna lejn Missierna tas-​sema.

12 M’għandniex xi ngħidu, mhux kulmin jgħid li jħobb lil Alla tassew iħobbu. Wieħed jistaʼ jkun sinċier u konvint minn dak li jħoss fil-​fond taʼ qalbu. Sentimenti bħal dawn huma tajbin, saħansitra taʼ min ifaħħarhom, meta jkunu fi qbil maʼ l-​għarfien eżatt. Però ma jfissirx li kulmin għandu dawn is-​sentimenti għandu l-​imħabba vera għal Alla. Għala le? Innota x’tifsira tagħti l-​Kelma t’Alla taʼ din l-​imħabba: “Għax din hi l-​imħabba taʼ Alla, li nżommu l-​kmandamenti tiegħu.” (1 Ġwann 5:3) Mela, l-​imħabba għal Jehovah hija ġenwina biss meta wieħed jesprimiha billi jaġixxi b’ubbidjenza.

13. Il-​biżaʼ t’Alla kif se jgħinna nuru l-​imħabba tagħna lejn Jehovah?

13 Il-​biżaʼ t’Alla se jgħinna nobdu lil Jehovah. Dan il-​biżaʼ kbir u r-​rispett profond lejn Jehovah jiġu billi nieħdu għarfien dwaru, nitgħallmu dwar il-​kwalitajiet infiniti tiegħu taʼ qdusija, glorja, qawwa, ġustizzja, għerf, u mħabba. Biżaʼ bħal dan hu kruċjali biex wieħed jersaq qrib lejh. Fil-​fatt, innota x’jgħid Salm 25:14: “Midħla l-​Mulej taʼ dawk li jibżgħu minnu.” Għalhekk, nistgħu nersqu qrib lejn Missierna tas-​sema biss jekk ikollna biżaʼ xieraq li ma nogħġbuhx. Il-​biżaʼ t’Alla se jgħinna nagħtu kas il-​parir għaqli mniżżel fi Proverbji 3:6: “Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” Dan xi jfisser?

14, 15. (a) X’inhuma xi deċiżjonijiet li aħna niffaċċjaw fil-​ħajja taʼ kuljum? (b) Kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet b’mod li juri li għandna l-​biżaʼ t’Alla?

14 Kuljum ikollna nieħdu xi deċiżjoni jew oħra, kemm jekk tkun kbira u kemm jekk tkun żgħira. Per eżempju, fuq xiex se titkellem maʼ sħabek fuq ix-​xogħol, fl-​iskola, jew mal-​ġirien? (Luqa 6:45) Se tistinka fix-​xogħol li tiġi mqabbad biex tagħmel, jew se tara kif tagħmel biex kemm jistaʼ jkun ma titħabatx? (Kolossin 3:23) Se tagħmilha iktar maʼ dawk li neqsin mill-​imħabba lejn Jehovah, jew se tfittex li ssaħħaħ ir-​relazzjonijiet tiegħek maʼ wħud spiritwali? (Proverbji 13:20) X’se tagħmel, anki f’affarijiet żgħar, biex iġġib ’il quddiem l-​interessi tas-​Saltna t’Alla? (Mattew 6:33) Jekk tħalli prinċipji Skritturali, bħal dawk imsemmijin hawn, jiggwidawk f’kull deċiżjoni li tieħu kuljum, mela int qiegħed tabilħaqq tagħti kas Jehovah “f’kull ma tagħmel.”

15 Fil-​fatt, f’kull deċiżjoni li nieħdu, għandna niġu gwidati minn dan il-​ħsieb: ‘Jehovah xi jridni nagħmel? Liema triq togħġbu l-​iktar?’ (Proverbji 27:11) Meta nuru l-​biżaʼ t’Alla b’dan il-​mod inkunu qed nesprimu l-​imħabba lejn Jehovah b’mod eċċellenti. Il-​biżaʼ t’Alla se jqanqalna wkoll nibqgħu nodfa​—spiritwalment, moralment, u fiżikament. Ftakar, fl-​istess vers li fih Ġakbu jħeġġeġ lill-​Kristjani biex ‘jersqu lejn Alla,’ hu jwissi wkoll: “Midinbin, naddfu jdejkom; nies taʼ moħħ imħawwad, saffu qlubkom.”—Ġakbu 4:8.

16. Billi nagħtu lil Jehovah, x’ma nistgħu qatt inwettqu, iżda x’jalla dejjem jirnexxilna nagħmlu?

16 M’għandniex xi ngħidu, li nesprimu mħabbitna lejn Jehovah jinvolvi wisq iktar milli sempliċement ma nagħmlux dak li hu ħażin. L-​imħabba tqanqalna wkoll nagħmlu dak li hu tajjeb. Per eżempju, aħna kif nirreaġixxu għall-​ġenerożità tant kbira taʼ Jehovah? Ġakbu kiteb: “Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-​sema, jinżel mingħand il-​Missier, l-​għajn tad-​dawl.” (Ġakbu 1:17) Veru li meta nagħtu lil Jehovah minn dak li għandna, m’aħniex se nagħmluh iktar sinjur. L-​affarijiet u r-​riżorsi kollha li jeżistu huma diġà kollha tiegħu. (Salm 50:12) U meta lil Jehovah nagħtuh mill-​ħin u mill-​enerġija tagħna, ma nkunux qed inwettqu xi ħaġa li ma jistax iwettaqha b’mod ieħor. Anki kieku kellna nirrifjutaw li nxandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, hu jistaʼ jġiegħel lill-​ġebel jitkellem! Mela, għalfejn nagħtu mill-​affarijiet materjali, mill-​ħin, u mill-​enerġija tagħna lil Jehovah? Primarjament, għaliex b’hekk nesprimu mħabbitna lejh b’qalbna, b’ruħna, b’moħħna, u b’saħħitna kollha.​—Mark 12:​29, 30.

17. X’jistaʼ jqanqalna biex nagħtu bil-​ferħ lil Jehovah?

17 Meta nagħtu lil Jehovah, għandna nagħmlu dan minn qalbna, “għax Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.” (2 Korintin 9:7) Il-​prinċipju li nsibu f’Dewteronomju 16:17 jistaʼ jgħinna nagħtu bil-​ferħ: “Kulħadd jagħti kemm jistaʼ skond il-​barka li jkun tak il-​Mulej, Alla tiegħek.” Meta nirriflettu ftit dwar kemm Jehovah hu ġeneruż magħna, inkunu nixtiequ nagħtuh kulma nistgħu minn qalbna. Dan l-​għoti jferraħlu qalbu, l-​istess bħalma rigal żgħir mingħand daqsxejn taʼ tifel iferraħ qalb il-​ġenitur tiegħu li tant iħobbu. Meta nesprimu mħabbitna b’dan il-​mod aħna se nersqu eqreb lejn Jehovah.

Ibni l-​Intimità Permezz tat-​Talb

18. Għala jkun siewi li nikkunsidraw kif nistgħu ntejbu l-​kwalità tat-​talb tagħna?

18 Il-​mumenti li nqattgħu f’talb privat jipprovdulna opportunità imprezzabbli​—okkażjonijiet għal diskursati intimi u kunfidenzjali maʼ Missierna tas-​sema. (Filippin 4:6) Ladarba t-​talb huwa mezz vitali kif nersqu qrib lejn Alla, nagħmlu tajjeb li nieqfu ftit u nikkunsidraw xi kwalità taʼ talb qed noffru. Dan ma jfissirx li t-​talb tagħna għandu jispikka fil-​kliem u fl-​għamla tiegħu, imma meta nitolbu għandna nesprimu ruħna b’espressjonijiet sinċieri li jiġu minn qalbna. Kif nistgħu ntejbu l-​kwalità tat-​talb tagħna?

19, 20. Għala huwa tajjeb li nimmeditaw qabel nitolbu, u x’inhuma xi suġġetti xierqa li nistgħu nimmeditaw dwarhom?

19 Forsi nipprovaw nimmeditaw ftit qabel nitolbu. Jekk nimmeditaw qabel, it-​talb tagħna jistaʼ jsir iktar speċifiku u sinifikanti, u b’hekk ma niħduhiex drawwa li nirrepetu xi frażijiet familjari jew li jiġu malajr f’moħħna. (Proverbji 15:​28, 29) Forsi jkun t’għajnuna li nirriflettu ftit dwar xi affarijiet li Ġesù semma fit-​talba mudell tiegħu u mbagħad nikkunsidraw kif nistgħu napplikawhom fiċ-​ċirkustanzi tagħna stess. (Mattew 6:​9-13) Per eżempju, forsi nistaqsu lilna nfusna x’sehem żgħir nittamaw li jkollna fit-​twettiq tar-​rieda taʼ Jehovah hawn fuq l-​art. Nistgħu aħna nuru lil Jehovah dwar ix-​xewqa tagħna li nkunu utli għalih bl-​iktar mod possibbli u nitolbu l-​għajnuna tiegħu biex inwettqu kwalunkwe inkarigu li jistaʼ jagħtina? Inħossuna aħna mtaqqlin minħabba tħassib dwar bżonnijiet materjali? Dwar liema dnubiet jeħtieġ li nitolbu maħfra, u lejn min għandna bżonn nuru iktar maħfra? Maʼ liema tentazzjonijiet irridu nħabbtu wiċċna, u nirrealizzaw aħna kemm għandna bżonn urġenti tal-​protezzjoni taʼ Jehovah f’dan ir-​rigward?

20 Barra minn hekk, nistgħu niftakru f’nies li nafu li għandhom bżonn partikulari taʼ l-​għajnuna taʼ Jehovah. (2 Korintin 1:11) Iżda, m’għandniex ninsew nirringrazzjaw lil Alla. Jekk nieqfu ftit u naħsbu dwar dan, żgur li se niftakru f’ħafna raġunijiet għala għandna nirringrazzjaw lil Jehovah u nfaħħruh kuljum għat-​tjubija kbira li juri magħna. (Dewteronomju 8:10; Luqa 10:21) Meta nagħmlu dan se nibbenefikaw b’mod ieħor għax dan se jgħinna biex ikollna attitudni iktar pożittiva u t’apprezzament lejn il-​ħajja.

21. Liema huma xi eżempji Skritturali, li meta nistudjaw dwarhom, jistgħu jgħinuna meta nersqu lejn Jehovah bit-​talb?

21 L-​istudju wkoll jistaʼ jgħin it-​talb tagħna. Fil-​Bibbja nistgħu nsibu talb impressjonanti taʼ rġiel u nisa leali. Per eżempju, jekk quddiemna titfaċċa problema diffiċli li ġġagħalna nkunu ansjużi u saħansitra nibżgħu li se jiġri xi ħaġa lilna jew lill-​għeżież tagħna, nistgħu naqraw it-​talba li qal Ġakobb qabel ma mar jiltaqaʼ maʼ ħuh Għesaw li tant kien vendikattiv. (Ġenesi 32:​10-13 [32:​9-12, NW]) Jew forsi nistgħu nimmeditaw fuq it-​talba li lissen is-​Sultan Asa meta armata taʼ madwar miljun Etjopjan kienet qed thedded lill-​poplu t’Alla. (2 Kronaki 14:​10, 11 [14:​11, 12, NW]) Jekk inkunu inkwetati minħabba xi problema li tistaʼ ġġib tmaqdir fuq l-​isem tajjeb taʼ Jehovah, allura nagħmlu sew li nikkunsidraw it-​talba li Elija talab quddiem l-​aduraturi taʼ Bagħal fuq il-​Muntanja tal-​Karmel, kif ukoll it-​talba taʼ Neħemija rigward l-​istat tal-​biki li Ġerusalemm kienet tinsab fih. (1 Slaten 18:​36, 37; Neħemija 1:​4-11) Meta naqraw u nimmeditaw fuq talb bħal dan, il-​fidi tagħna se tissaħħaħ u dan jagħtina ideat dwar kif nistgħu nersqu lejn Jehovah b’dak kollu li jkun qed itaqqalna.

22. X’inhi l-​iskrittura għas-​sena 2003, u x’nistgħu nistaqsu lilna nfusna minn żmien għal żmien matul is-​sena?

22 Jidher ċar li m’hemm ebda unur akbar, ebda mira aqwa, milli nagħtu kas il-​parir taʼ Ġakbu biex ‘nersqu lejn Alla.’ (Ġakbu 4:8) Jalla nagħmlu dan billi nkomplu nimxu ’l quddiem fl-​għarfien tagħna dwar Alla, billi nfittxu li nesprimu iktar u iktar imħabbitna lejh, u billi niżviluppaw intimità miegħu permezz tat-​talb. Matul is-​sena 2003, filwaqt li nżommu f’moħħna Ġakbu 4:8 bħala l-​iskrittura tas-​sena, ejja nkomplu neżaminaw lilna nfusna jekk aħniex tabilħaqq qed nersqu qrib lejn Jehovah. Iżda, xi ngħidu dwar l-​aħħar parti taʼ din l-​istqarrija? F’liema sens Jehovah se ‘jersaq lejna,’ u dan x’barkiet se jġibilna? Dan se nikkunsidrawh fl-​artiklu li jmiss.

Tiftakar Int?

• Għala għandna nieħdu bis-​serjetà li nersqu qrib lejn Jehovah?

• X’inhuma xi miri li nistgħu nagħmlu rigward li nieħdu għarfien dwar Jehovah?

• Kif nistgħu nuru li għandna mħabba ġenwina lejn Jehovah?

• B’liema modi jistaʼ jkollna iktar intimità maʼ Jehovah permezz tat-​talb?

[Kumment f’paġna 12]

L-​iskrittura għas-​sena 2003 se tkun: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” ​—Ġakbu 4:8.

[Stampa f’paġna 9]

Iktar ma kiber, Samwel iktar sar jaf lil Jehovah b’mod intimu

[Stampa f’paġna 12]

It-​talba li Elija lissen fuq il-​Muntanja tal-​Karmel hija eżempju tajjeb għalina

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja