Taf Min Huma Safan u l-Familja Tiegħu?
WAQT il-qari tiegħek tal-Bibbja, qatt iltqajt maʼ l-isem taʼ Safan u taʼ xi membri tal-familja prominenti tiegħu? Min kienu? X’għamlu? X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minnhom?
Il-Bibbja tintroduċilna lil “Safan bin Asalija, bin Mesullam” f’konnessjoni maʼ meta Ġosija ġedded il-qima vera bejn wieħed u ieħor fis-sena 642 Q.E.K. (2 Slaten 22:3) Matul is-36 sena taʼ wara, sal-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K., niġu introdotti lill-erbaʼ wliedu subien, Aħikam, Elgħaxa, Gemarija, u Ġażanija, u liż-żewġ neputijiet tiegħu, Mikija u Gedalija. (Ara t-tabella.) “Il-familja taʼ Safan kellha parti importanti fit-tmexxija [fis-saltna taʼ Ġuda] u żammet il-pożizzjoni bħala skrib tas-sultan minn żmien Ġosija sa l-Eżilju,” tispjega l-Encyclopaedia Judaica. Ħarsa lejn dak li tgħid il-Bibbja dwar Safan u l-familja tiegħu se tgħinna napprezzaw kif huma appoġġaw lill-profeta Ġeremija u l-qima vera taʼ Jehovah.
Safan Jappoġġa l-Qima Vera
Fis-sena 642 Q.E.K., meta s-Sultan Ġosija kellu xi 25 sena, insibu lil Safan qed jaqdi bħala s-segretarju u l-kittieb tas-sultan. (Ġeremija 36:10) X’kien jinvolvi dan? Ix-xogħol taʼ referenza li ssemma hawn fuq jgħid li kittieb u segretarju rjali kien kunsillier qrib is-sultan, jieħu ħsieb il-finanzi, taʼ ħila fid-diplomazija, u informat tajjeb dwar l-affarijiet barranin, il-liġi internazzjonali, u l-ftehim li jsir fil-kummerċ. B’hekk, bħala segretarju rjali, Safan kien wieħed mill-iktar irġiel influwenti fis-saltna.
Għaxar snin qabel, iż-żagħżugħ Ġosija kien “beda jfittex lil Alla taʼ David, missieru.” Ovvjament, Safan kien ħafna akbar minn Ġosija, u għalhekk setaʼ jkun kunsillier spiritwali tajjeb għalih u setaʼ jappoġġa l-ewwel kampanja taʼ Ġosija biex iġedded il-qima vera.a—2 Kronaki 34:1-8.
Waqt ix-xogħol taʼ tiswija tat-tempju nstab “il-ktieb tal-liġi,” u Safan “qrah quddiem is-sultan.” Ġosija nħasad meta semaʼ dak li kien fih il-ktieb u bagħat delegazzjoni taʼ rġiel li kienu fdati għand il-profetessa Ħulda sabiex jistaqsi lil Jehovah dwar il-ktieb. Is-sultan wera l-fiduċja tiegħu f’Safan u f’ibnu Aħikam billi inkludihom fid-delegazzjoni.—2 Slaten 22:8-14; 2 Kronaki 34:14-22.
Din hija l-unika referenza fl-Iskrittura għal dak li għamel Safan innifsu. F’xi versi oħrajn tal-Bibbja ssir biss referenza għalih bħala missier jew nannu. Id-dixxendenti taʼ Safan ġew f’kuntatt mill-qrib mal-profeta Ġeremija.
Aħikam u Gedalija
Bħalma nnotajna diġà, Aħikam, bin Safan, jissemma l-ewwel f’konnessjoni mad-delegazzjoni mibgħuta għand il-profetessa Ħulda. Xogħol taʼ referenza jinnota: “Għalkemm it-titlu li kellu Aħikam ma jingħatax fil-Bibbja Ebrajka, huwa evidenti li hu kellu pożizzjoni għolja.”
Xi 15-il sena wara din il-ġrajja, il-ħajja taʼ Ġeremija kienet fil-periklu. Meta hu wissa lin-nies dwar il-ħsieb taʼ Jehovah li jeqred lil Ġerusalemm, “il-qassisin u l-profeti u l-poplu kollu, qabduh u bdew jgħajjtu: ‘Ħaqqu l-mewt.’” X’ġara mbagħad? Ir-rakkont ikompli: “Id Aħikam bin Safan, kienet maʼ Ġeremija biex ma jitilquhx f’idejn il-poplu u joqtluh.” (Ġeremija 26:1-24) X’juri dan? The Anchor Bible Dictionary jgħid: “Din il-ġrajja mhux biss turi l-influwenza li kellu Aħikam, imma wkoll tindika li hu, bħal xi membri oħrajn mill-familja taʼ Safan, kien jingwalaha maʼ Ġeremija.”
Xi 20 sena wara, wara li l-Babiloniżi kienu qerdu lil Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. u ħadu lill-biċċa l-kbira min-nies fl-eżilju, in-neputi taʼ Safan, Gedalija, bin Aħikam, inħatar gvernatur fuq il-bqija tal-Lhud. Ħa ħsiebu lil Ġeremija, bħall-membri l-oħrajn tal-familja taʼ Safan? Ir-rakkont Bibliku jgħid: “Ġeremija mar għand Gedalija bin Aħikam f’Misfa, u baqaʼ miegħu.” Wara ftit xhur Gedalija nqatel, u l-bqija tal-Lhud ħadu magħhom lil Ġeremija meta marru joqogħdu l-Eġittu.—Ġeremija 40:5-7; 41:1, 2; 43:4-7.
Gemarija u Mikija
Gemarija, bin Safan, u Mikija, in-neputi taʼ Safan, kellhom parti prominenti fil-ġrajjiet deskritti f’kapitlu 36 taʼ Ġeremija. Iż-żmien kien madwar is-sena 624 Q.E.K., fil-ħames sena tas-Sultan Ġeħojakim. Bàruk, is-segretarju taʼ Ġeremija, qara b’leħen għoli mill-ktieb il-kliem taʼ Ġeremija fid-dar taʼ Jehovah, “fil-kamra taʼ Gemarija bin Safan.” Għaldaqstant, “samaʼ Mikija bin Gemarija, bin Safan, il-kliem kollu tal-Mulej minn fuq il-ktieb.”—Ġeremija 36:9-11.
Mikija informa lil missieru u lill-prinċpijiet l-oħrajn kollha dwar ir-romblu, u kulħadd ried jismaʼ x’kien jgħid. Kif irreaġixxew? “U ġara li malli semgħu dan il-kliem kollu beżgħu, u bdew iħarsu lejn xulxin, u jgħidu lil Bàruk: ‘Ikollna ngħarrfu lis-sultan b’dan kollu.’” Madankollu, qabel ma kellmu lis-sultan, huma taw parir lil Bàruk: “Mur u nħeba, int u Ġeremija, u ħadd m’għandu jkun jaf fejn intom.”—Ġeremija 36:12-19.
Kif kien mistenni, is-sultan m’aċċettahx il-messaġġ li kien hemm fir-romblu u ħarqu biċċa biċċa. Xi prinċpijiet, inkluż Gemarija, bin Safan, “għafsu fuq is-sultan biex ma jaħraqx il-ktieb, [imma] hu ma semax minnhom.” (Ġeremija 36:21-25) Il-ktieb Jeremiah—An Archaeological Companion jikkonkludi: “Gemarija kien jappoġġa b’qawwa kbira lil Ġeremija fil-palazz tas-Sultan Ġeħojakim.”
Elgħaxa u Ġażanija
Fis-sena 617 Q.E.K., Babilonja bdiet tikkontrolla s-saltna taʼ Ġuda. Eluf taʼ Lhud, “il-kapijiet u l-qalbenin kollha taʼ l-eżerċtu . . . u l-ħaddieda u l-mastrudaxxi kollha,” ittieħdu fl-eżilju, inkluż il-profeta Eżekjel. Mattanija, li ismu nbidel għal Sedekija mill-Babiloniżi, sar is-sultan il-ġdid maħtur minnhom. (2 Slaten 24:12-17) Iktar tard, Sedekija bagħat lejn Babilonja delegazzjoni li inkludiet lil Elgħaxa, bin Safan. Ġeremija fada f’idejn Elgħaxa ittra li kien fiha messaġġ importanti mingħand Jehovah għal-Lhud eżiljati.—Ġeremija 29:1-3.
B’hekk, ir-rakkont Bibliku jindika li Safan, tlieta minn uliedu, u tnejn min-neputijiet tiegħu użaw il-pożizzjonijiet influwenti tagħhom biex jappoġġaw il-qima vera u lill-profeta leali Ġeremija. Xi ngħidu għal Ġażanija, bin Safan? Kuntrarju għall-membri l-oħrajn mill-familja taʼ Safan, hu b’mod evidenti ħa sehem fil-qima taʼ l-idoli. Fis-sitt sena taʼ l-eżilju taʼ Eżekjel f’Babilonja, jew madwar is-sena 612 Q.E.K., il-profeta kellu dehra li fiha 70 raġel offrew l-inċens lill-idoli fit-tempju f’Ġerusalemm. Fosthom kien hemm Ġażanija, l-uniku wieħed li ssemma b’ismu. Dan jistaʼ jissuġġerixxi li hu kien membru prominenti taʼ dan il-grupp. (Eżekjel 8:1, 9-12) L-eżempju taʼ Ġażanija juri li billi wieħed jitrabba ġo familja devota ma jassigurax li dak li jkun isir aduratur leali taʼ Jehovah. Kull individwu hu responsabbli għal dak li jagħmel hu.—2 Korintin 5:10.
L-Awtentiċità Storika taʼ Safan u l-Familja Tiegħu
Saż-żmien meta Safan u l-familja tiegħu kellhom parti fil-ġrajjiet li seħħew f’Ġerusalemm, l-użu tas-siġilli kien sar komuni f’Ġuda. Is-siġilli kienu jintużaw bħala xiehda jew firma għad-dokumenti u kienu jsiru minn ħaġar prezzjuż, metall, avorju, jew ħġieġ. Ġeneralment kien jitnaqqax fuqhom isem sid is-siġill, isem missieru u, kultant, it-titlu tas-sid.
Instabu mijiet taʼ marki tas-siġilli Ebrajċi fuq il-fuħħar. Il-Professur Nahman Avigad, studjuż dwar l-epigrafija (studju taʼ iskrizzjonijiet antiki) Ebrajka, innota: “L-iskrizzjonijiet tas-siġilli huma l-uniku sors epigrafiku Ebrajk li jsemmi persuni magħrufin mill-Bibbja.” Instabu xi iskrizzjonijiet tas-siġilli taʼ Safan jew tal-membri tal-familja tiegħu? Iva, l-ismijiet taʼ Safan u taʼ ibnu Gemarija jidhru fuq is-siġill muri f’paġni 19 u 21.
L-istudjużi jgħidu wkoll li x’aktarx erbaʼ membri oħrajn tal-familja ssir referenza għalihom fuq marki tas-siġill—Asalija, missier Safan; Aħikam, bin Safan; Gemarija, bin Safan; u Gedalija, li milli jidher saret referenza għalih fuq marka taʼ siġill bħala li kien “fuq id-Dar.” Ir-rabaʼ wieħed minn dawn is-siġilli huwa maħsub li kien taʼ Gedalija, neputi taʼ Safan, għalkemm missieru, Aħikam, ma jissemmiex. It-titlu tiegħu fuq il-marka tas-siġill jindika li hu kien wieħed mill-ogħla uffiċjali taʼ l-istat.
X’Nistgħu Nitgħallmu?
X’eżempju mill-aħjar taw Safan u l-familja tiegħu billi użaw il-pożizzjoni influwenti tagħhom biex jappoġġaw kemm il-qima vera kif ukoll lil Ġeremija li kien leali! Aħna wkoll nistgħu nużaw ir-riżorsi u l-influwenza tagħna biex nappoġġaw l-organizzazzjoni taʼ Jehovah u lill-aduraturi sħabna.
Ikun taʼ ġid għalina u jsaħħilna l-fidi jekk mhux biss naqraw il-Bibbja regolarment imma wkoll neżaminawha bir-reqqa u nsiru midħla taʼ xhieda taʼ Jehovah tal-qedem, bħal Safan u membri tal-familja tiegħu. Dawn ukoll jappartjenu lis-“sħaba hekk kbira taʼ xhieda” li aħna nistgħu nimitaw l-eżempji tagħhom.—Lhud 12:1.
[Nota taʼ taħt]
a Safan bilfors li kien ħafna akbar minn Ġosija, meta tqis li Aħikam, bin Safan, kien adult meta Ġosija kellu xi 25 sena.—2 Slaten 22:1-3, 11-14.
[Kaxxa f’paġna 22]
Ħulda—Profetessa Influwenti
Malli semaʼ l-qari “tal-ktieb tal-liġi” li nstab fit-tempju, is-Sultan Ġosija ordna lil Safan u lil erbaʼ uffiċjali oħrajn taʼ pożizzjoni għolja biex ‘jistaqsu lill-Mulej’ dwar il-ktieb. (2 Slaten 22:8-20) Il-membri tad-delegazzjoni fejn setgħu jsibuha r-risposta? Dak iż-żmien, Ġeremija u x’aktarx Naħum, Sofonija, u l-profeti u l-kittieba kollha tal-Bibbja kienu jgħixu f’Ġuda. Madankollu, il-membri tad-delegazzjoni avviċinaw lill-profetessa Ħulda.
Il-ktieb Jerusalem—An Archaeological Biography jikkummenta hekk: “Il-ħaġa notevoli dwar dan l-episodju hi li ma saret ebda rimarka dwar l-aspett maskil u femminil taʼ l-istorja. Ħadd ma qiesha bħala ħaġa mhix xierqa li kumitat magħmul minn irġiel biss jieħu r-Romblu tal-Liġi għand mara biex hi tiddetermina l-importanza tiegħu. Meta ddikjaratu li kien il-kelma tal-Mulej, ħadd ma ddubita l-awtorità tagħha biex tiddetermina l-kwistjoni. Dan l-episodju spiss jiġi injorat minn studjużi li jiddeterminaw l-importanza taʼ l-irwol tan-nisa f’Iżrael tal-qedem.” M’għandniex xi ngħidu, il-messaġġ li rċivew kien ġej mingħand Jehovah.
[Tabella/Stampa f’paġna 21]
L-Arblu tar-Razza taʼ Safan
Mesullam
↓
Asalija
↓
Safan
↓ ↓ ↓ ↓
Aħikam Elgħaxa Gemarija Ġażanija
↓ ↓
Gedalija Mikija
[Stampa f’paġna 20]
Gemarija u oħrajn għafsu fuq Ġeħojakim biex ma jaħraqx ir-romblu li ġie mingħand Ġeremija
[Stampa f’paġna 22]
Ġażanija, għalkemm membru mill-familja taʼ Safan, deherf’viżjoni qed iqim lill-idoli
[Sors tal-Istampa f’paġna 19]
Bil-korteżija taʼ l-Israel Antiquities Authority
[Sors tal-Istampa f’paġna 21]
Bil-korteżija taʼ l-Israel Antiquities Authority