LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 4/1 pp. 11-14
  • Il-Qorti Suprema Tappoġġa l-Qima Vera fl-“Art taʼ Ararat”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Qorti Suprema Tappoġġa l-Qima Vera fl-“Art taʼ Ararat”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Jibda l-​Proċess
  • Il-​Prosekuzzjoni Tkompli
  • Il-​Każ Jersaq Quddiem il-​Qorti Suprema taʼ l-​Armenja
  • L-​Effetti tad-​Deċiżjoni
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 4/1 pp. 11-14

Il-​Qorti Suprema Tappoġġa l-​Qima Vera fl-​“Art taʼ Ararat”

Raġel b’xagħru griż mill-​Armenja, missier taʼ tlett itfal, jinsab bil-​wieqfa quddiem il-​qorti suprema f’pajjiżu. Il-​libertà tiegħu u dik taʼ ħafna minn sħabu fit-​twemmin hija fil-​periklu. Il-​Qorti tismaʼ waqt li hu jikkwota mill-​Bibbja biex jagħti spjegazzjoni tat-​twemmin tiegħu. Biex nifhmu kif dan il-​proċess fil-​qorti rriżulta f’rebħa kbira għall-​qima vera f’dan il-​pajjiż, ejja neżaminaw l-​iżviluppi li wasslu għal dan il-​proċess.

L-​ARMENJA tinsab lejn il-​lvant tat-​Turkija u ftit ’l isfel mill-​grupp kbir tal-​muntanji Kawkasu. Il-​popolazzjoni hi taʼ iktar minn tliet miljun ruħ. Il-​belt kapitali tal-​pajjiż, Yerevan, għandha veduta impressjonanti ħafna taż-​żewġ qċaċet tal-​Muntanja Ararat, fejn, skond it-​tradizzjoni, l-​arka taʼ Noè waqfet wara d-​Dilluvju globali.​—Ġenesi 8:4.a

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ilhom iwettqu l-​attività Kristjana tagħhom fl-​Armenja mill-​1975 ’l hawn. Wara li l-​Armenja ħadet l-​indipendenza minn dik li qabel kienet l-​Unjoni Sovjetika fl-​1991, ġie fformat Kunsill taʼ l-​Istat għall-​Affarijiet Reliġjużi biex jirreġistra l-​organizzazzjonijiet reliġjużi. Madankollu, dan il-​kunsill għal darba wara l-​oħra rrifjuta li jirreġistra lix-​Xhieda taʼ Jehovah, l-​iżjed minħabba l-​kwistjoni tan-​newtralità Kristjana. Minħabba f’hekk, mill-​1991 ’l hawn iktar minn 100 Xhud żagħżugħ fl-​Armenja nstabu ħatjin u f’ħafna każi mitfugħin il-​ħabs minħabba l-​waqfa li ħadu bbażata fuq il-​Bibbja dwar il-​kwistjoni tas-​servizz militari.

Il-Kunsill talab ukoll biex l-​uffiċċju tal-​prosekutur tal-​gvern jinvestiga l-​attività reliġjuża taʼ Lyova Margaryan, anzjan Kristjan u avukat li jaħdem iebes f’impjant lokali taʼ l-​enerġija atomika. Maż-​żmien, Ħuna Margaryan ġie akkużat skond l-​Artiklu 244, parti minn liġi tal-​passat li s-​Sovjetiċi għaddew fl-​era taʼ Khrushchev, bl-​iskop li jfixklu u fl-​aħħar mill-​aħħar jeliminaw lix-​Xhieda taʼ Jehovah u gruppi reliġjużi oħra.

Skond din il-​liġi huwa reat li torganizza jew tmexxi grupp reliġjuż li, bl-​iskuża li jxandar twemmin reliġjuż, ‘iħajjar liż-​żgħażagħ biex jattendu laqgħat reliġjużi taʼ reliġjon mhix reġistrata’ u ‘jinfluwenza lill-​membri biex jirrifjutaw id-​dmirijiet ċivili tagħhom.’ Biex isaħħaħ l-​akkuża tiegħu, il-​prosekutur iffoka fuq il-​preżenza taʼ tfal taħt l-​età fil-​laqgħat li kien qed jikkonduċi Ħuna Margaryan fil-​belt taʼ Metsamor. Il-​prosekutur allega wkoll li Ħuna Margaryan kien ġagħal lil membri żgħażagħ tal-​kongregazzjoni biex jirrifjutaw is-​servizz militari.

Jibda l-​Proċess

Il-​proċess beda l-​Ġimgħa, 20 taʼ Lulju, 2001, fil-​qorti tad-​distrett taʼ Armavir u tmexxa mill-​Imħallef Manvel Simonyan. Il-​proċess baqaʼ għaddej kważi tul Awissu kollu. Huma u jixhdu, ix-​xhieda tal-​prosekuzzjoni eventwalment ammettew li membri tal-​Ministeru tas-​Sigurtà Nazzjonali (li qabel kien imsejjaħ KGB) kienu qalulhom x’jiktbu f’parti mill-​istqarrijiet kontra Ħuna Margaryan u kienu ġagħluhom jiffirmaw dawk l-​istqarrijiet. F’każ minnhom, waħda mara ammettiet li ċertu uffiċjal tal-​Ministeru tas-​Sigurtà kien taha istruzzjoni biex tgħid li “x-​Xhieda taʼ Jehovah huma kontra l-​gvern u r-​reliġjon tagħna.” Il-​mara ammettiet li ma kienet taf lil ħadd mix-​Xhieda taʼ Jehovah personalment imma kienet biss semgħet akkużi kontrihom fuq it-​televixin nazzjonali.

Meta kien imissu jitkellem, Ħuna Margaryan xehed li t-​tfal taħt l-​età li jattendu l-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Jehovah kienu jiġu bil-​permess tal-​ġenituri tagħhom. Hu spjega wkoll kif is-​servizz militari huwa deċiżjoni persunali. Il-​kontro-eżami tal-​prosekutur dam għaddej għal diversi ġranet. Ħuna Margaryan, bl-​użu tal-​Bibbja, wieġeb bil-​kalma kollha l-​mistoqsijiet dwar it-​twemmin tiegħu, waqt li l-​prosekutur iċċekkja r-​referenzi Skritturali fil-​Bibbja tiegħu stess.

Fit-18 taʼ Settembru, 2001, l-​imħallef iddikjara lil Margaryan “mhux ħati,” billi qal li ma kien hemm “ebda ħjiel taʼ kriminalità” fl-​attività tiegħu. Fl-​Associated Press deher rapport li kixef ħafna affarijiet dwar il-​każ. Kien hemm miktub: “Mexxej tax-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Armenja ġie liberat illum mill-​akkuża taʼ proselitiżmu u li qed iġiegħel liż-​żgħażagħ jaħarbu s-​servizz militari. Wara proċess taʼ xahrejn, il-​Qorti qalet li ma kienx hemm biżżejjed evidenza kontra l-​mexxej, Levon Markarian [Lyova Margaryan]. Hu ffaċċja l-​possibbiltà li jiġi mitfugħ il-​ħabs għal ħames snin. . . . Għalkemm il-​Kostituzzjoni taʼ l-​Armenja tiggarantixxi l-​libertà reliġjuża, huwa diffiċli li gruppi ġodda jiġu reġistrati u r-​regoli jiffavorixxu l-​Knisja Appostolika Armenjana li tiddomina.” Fl-​istqarrija uffiċjali lill-​mezzi tax-​xandir tat-​18 taʼ Settembru, 2001, l-​Organizzazzjoni għas-​Sigurtà u Kooperazzjoni fl-​Ewropa (Organization for Security and Cooperation in Europe [OSCE]) stqarret: “Għalkemm aċċettaw il-​verdett bi pjaċir, l-​Uffiċċju taʼ l-​OSCE jkompli jiddispjaċih li l-​prosekuzzjoni kellha biss tibda.”

Il-​Prosekuzzjoni Tkompli

Minkejja dan, il-​prosekuturi appellaw, u l-​appell dam sejjer erbaʼ xhur oħra. Fil-​bidu tal-​proċess, meta wasal il-​ħin biex jixhed Ħuna Margaryan, l-​ewwel mistoqsija tressqet quddiemu minn imħallef fil-​panel. Malli Ħuna Margaryan kien se jibda jwieġeb, iċ-​chairperson interrompiet u sfidatu. Wara dan, ma ħallietx lil Ħuna Margaryan jispiċċa t-​tweġiba għall-​ebda waħda mill-​mistoqsijiet. Mingħajr ma tat raġunijiet, hi ħalliet barra mir-​rekord ukoll ħafna mill-​mistoqsijiet li staqsieh id-​difensur. Matul il-​proċess, fanatiċi reliġjużi kontra x-​Xhieda mlew l-​awla, u darba wara l-​oħra insultaw lil Ħuna Margaryan b’abbuż verbali. Wara s-​sessjoni, ħafna rapporti foloz u mgħawġin fuq il-​proċess ixxandru fuq it-​televixin, per eżempju, billi qalu li Ħuna Margaryan fil-​fatt kien ammetta hu stess li kien ħati.

F’nofs il-​proċess, iċ-​chairperson tal-​panel magħmul minn tliet imħallfin ħasdet lill-​ispettaturi billi ppreżentat ittra mingħand il-​Kunsill taʼ l-​Istat għall-​Affarijiet Reliġjużi li fiha ntalab li l-​uffiċċju tal-​prosekuturi jieħu miżuri kontra Ħuna Margaryan. Dan il-​pass ħasad lill-​ispettaturi internazzjonali fil-​proċess. Dan għaliex fl-​applikazzjoni tagħha biex tidħol membru fil-​Kunsill taʼ l-​Ewropa, l-​Armenja aċċettat id-​dmir tagħha li “tkun żgura li l-​Knejjes jew il-​komunitajiet reliġjużi kollha, b’mod partikulari dawk li huma magħrufin bħala ‘mhux tradizzjonali,’ jistgħu jipprattikaw ir-​reliġjon tagħhom mingħajr diskriminazzjoni.”

Waqt li l-​proċess baqaʼ għaddej għal diversi ġimgħat, l-​atmosfera saret iktar intensa. Dawk li jopponu baqgħu jaħqru u jattakkaw lix-​Xhieda kemm ġewwa l-​qorti u kemm barra. Xhieda taʼ Jehovah nisa qalgħu daqqiet taʼ sieq fil-​qasba taʼ sieqhom. Meta Xhud wieħed issawwat imma rrifjuta li jagħti lura, ġew minn warajh, tawh daqqa fis-​sinsla taʼ dahru u kellu jittieħed l-​isptar.

Sadattant, inħatar imħallef ġdid biex imexxi l-​każ. Minkejja l-​isforzi taʼ xi wħud fl-​udjenza biex ibeżżgħu lill-​avukat difensur, dan iċ-​chairman il-​ġdid żamm il-​kontroll, u saħansitra ordna lill-​pulizija biex ikeċċu mara mill-​qorti li kienet qed tgħajjat u thedded lill-​avukat difensur.

Il-​Każ Jersaq Quddiem il-​Qorti Suprema taʼ l-​Armenja

Fl-​aħħar, fis-​7 taʼ Marzu, 2002, il-​qorti taʼ l-​appell qablet mal-​verdett taʼ l-​ewwel qorti. Ħaġa taʼ l-​iskantament kienet li fil-​ġurnata taʼ qabel ma ġie annunzjat il-​verdett, il-​Kunsill taʼ l-​Istat għall-​Affarijiet Reliġjużi sfaxxa. Għal darb’oħra, il-​prosekuzzjoni appellat id-​deċiżjoni, din id-​darba lill-​Qorti Suprema taʼ l-​Armenja​—il-​Qorti tal-​Kassazzjoni. Il-​prosekuturi issa talbu lill-​Qorti biex terġaʼ tipproċessa l-​każ u “tagħti verdett taʼ ħtija.”

Panel taʼ sitt imħallfin, immexxi mill-​Imħallef Mher Khachatryan, iltaqaʼ fil-​ħdax taʼ fil-​għodu tad-​19 t’April, 2002. Fl-​istqarrija tal-​ftuħ, wieħed mill-​prosekuturi wera l-​għadab kbir tiegħu għaż-​żewġ qrati taʼ qabel li ma sabux lil Ħuna Margaryan ħati. Din id-​darba, però, kien il-​prosekutur li ġie interrott u ġie mistoqsi mistoqsijiet diretti minn erbgħa mill-​imħallfin. Wieħed mill-​imħallfin ċanfar lill-​prosekutur talli kien qed jipprova jġiegħel lill-​Qorti turi preġudizzju billi inkluda x-​xogħol taʼ l-​ippridkar u l-​istat mhux reġistrat tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​preżentazzjoni tiegħu kontra Ħuna Margaryan—li ebda wieħed minnhom ma kien reat skond l-​Artiklu 244. L-​imħallef imbagħad iddeskriva l-​azzjonijiet tal-​prosekutur bħala li huma “persekuzzjoni permezz taʼ każ kriminali.” Imħallef ieħor semma diversi każijiet fil-​Qorti Ewropea li fihom ix-​Xhieda taʼ Jehovah ġew rikonoxxuti bħala “reliġjon magħrufa” li għandha dritt għal protezzjoni mill-​Konvenzjoni Ewropea dwar id-​Drittijiet Umani. Waqt dan kollu, qassis fl-​awla għajjat u qal li x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu qed jifirdu n-​nazzjon. Il-​Qorti ordnatlu jibqaʼ siket.

L-imħallfin imbagħad sejħu lil Lyova Margaryan mill-​udjenza​—azzjoni li qatt ma saret qabel f’din il-​qorti suprema. Ħuna Margaryan ta xiehda mill-​aqwa dwar il-​pożizzjoni Kristjana tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’diversi kwistjonijiet. (Mark 13:9) Wara deliberazzjoni qasira, il-​Qorti rritornat u unanimament żammet mal-​verdett “mhux ħati.” Ħuna Margaryan kien jidher li ħa r-​ruħ meta semaʼ dan. Fid-​deċiżjoni miktuba, il-​Qorti stqarret: “Din l-​attività [taʼ Lyova Margaryan] m’hijiex att kriminali fil-​liġi preżenti, u dan it-​tip taʼ akkuża jikkontradixxi l-​Artiklu 23 tal-​Kostituzzjoni taʼ l-​Armenja u l-​Artiklu 9 tal-​Konvenzjoni Ewropea.”

L-​Effetti tad-​Deċiżjoni

Kieku l-​prosekuzzjoni rnexxiet, kienet tħalli l-​bieb miftuħ għal azzjoni legali kontra anzjani oħra tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’kongregazzjonijiet madwar l-​Armenja kollha. Nittamaw li minħabba d-​deċiżjoni ċara li ttieħdet mill-​Qorti, ix-​Xhieda taʼ Jehovah mhux se jiġu turmentati iktar. Deċiżjoni mhux favorevoli setgħet ukoll tkun skuża biex tibqaʼ ma tiġix aċċettata r-​reġistrazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Inħossuna grati ħafna li l-​Qorti issa neħħiet din l-​iskuża falza.

Maż-żmien se nkunu nafu jekk hix se tingħata reġistrazzjoni lil iktar minn 7,000 Xhud taʼ Jehovah f’dan il-​pajjiż. Sadattant, il-​qima vera għadha ħajja u b’saħħitha fl-​“art taʼ Ararat.”

[Nota taʼ taħt]

a Din hi raġuni waħda għala n-​nies taʼ l-​Armenja jassoċjaw pajjiżhom mal-​Muntanja Ararat. Fl-​imgħoddi, l-​Armenja kienet saltna vasta li t-​territorju tagħha kien jinkludi dawn il-​muntanji. B’hekk, fit-​traduzzjoni Biblika tas-​Settanta Griega f’Isaija 37:38 l-​espressjoni “l-​art taʼ Ararat” hija tradotta bħala “Armenja.” Il-​Muntanja Ararat issa tinsab fit-​Turkija, ħdejn il-​fruntiera tal-​lvant.

[Stampa f’paġna 12]

Lyova Margaryan waqt il-​proċess tiegħu

[Stampa f’paġna 13]

Ħuna Margaryan u l-​familja tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja