Ismaʼ X’Inhu Jgħid l-Ispirtu!
“Min għandu widnejn, ħa jismaʼ x’jgħid l-ispirtu [“lill-kongregazzjonijiet,” “NW”].”—Apokalissi 3:22.
1, 2. Liema parir hu ripetut dwar il-messaġġi taʼ Ġesù lis-sebaʼ kongregazzjonijiet imsemmijin f’Apokalissi?
IL-QADDEJJA taʼ Jehovah iridu joqogħdu attenti għall-kliem li Ġesù Kristu qal bid-direzzjoni taʼ l-ispirtu qaddis lis-sebaʼ kongregazzjonijiet imsemmijin fil-ktieb Bibliku t’Apokalissi. Tabilħaqq, kull wieħed minn dawn il-messaġġi fih dan il-parir: “Min għandu widnejn, ħa jismaʼ xi jgħid l-Ispirtu [“lill-kongregazzjonijiet,” NW].”—Apokalissi 2:7, 11, 17, 29; 3:6, 13, 22.
2 Diġà kkunsidrajna l-messaġġi taʼ Ġesù lill-anġli, jew l-indokraturi, f’Efesu, Żmirna, u Pergamu. Kif nistgħu nibbenefikaw minn dak li qal bl-ispirtu qaddis lill-erbaʼ kongregazzjonijiet l-oħra?
Lill-Anġlu f’Tjatira
3. Fejn kienet Tjatira, u għal liema prodott kienet magħrufa?
3 “L-Iben taʼ Alla” jfaħħar kif ukoll iwiddeb lill-kongregazzjoni taʼ Tjatira. (Aqra Apokalissi 2:18-29.) Tjatira (issa Akhisar) inbniet tul ix-xmara żgħira li toħroġ mix-Xmara Gediz (Ermu tal-qedem) fil-punent taʼ l-Asja Minuri. Il-belt kienet magħrufa għal diversi snajjaʼ. Dawk li kienu jagħmlu ż-żebgħa kienu jużaw l-għeruq tar-robbja biex joħorġu l-famuż kulur skarlatt, jew il-vjola. Lidja, li saret Kristjana matul iż-żjara taʼ Pawlu ġewwa Filippi fil-Greċja, kienet “mara minn Tijatira, neguzjanta tal-porpra.”—Atti 16:12-15.
4. Għalxiex ġiet imfaħħra l-kongregazzjoni f’Tjatira?
4 Ġesù jfaħħar lill-kongregazzjoni taʼ Tjatira għall-għemejjel tajbin, l-imħabba, il-fidi, is-sabar, u x-xogħol fil-ministeru. Fil-fatt, ‘l-opri tagħhom taʼ l-aħħar kienu aħjar minn dawk tal-bidu.’ Madankollu, anki jekk għandna reputazzjoni tajba xorta waħda m’għandna qatt nittraskuraw il-morali tagħna.
5-7. (a) Min kienet ‘il-mara Ġeżabel’ u x’kellu jsir mill-influwenza tagħha? (b) Il-messaġġ taʼ Kristu lill-kongregazzjoni taʼ Tjatira x’jgħinhom jagħmlu lin-nisa devoti lejn Alla?
5 Il-kongregazzjoni f’Tjatira kienet qed tittollera l-idolatrija, it-tagħlim falz, u l-immoralità sesswali. F’nofshom kien hemm ‘il-mara Ġeżabel’—forsi xi grupp taʼ nisa bi drawwiet bħal dawk tar-Reġina kiefra Ġeżabel tas-Saltna b’għaxar tribujiet taʼ Iżrael. Xi studjużi jissuġġerixxu li l-‘profetessi’ taʼ Tjatira pprovaw iħajru lill-Kristjani għall-qima taʼ l-allat tax-xirka tan-negozjanti u biex jipparteċipaw fil-festi li jinvolvu sagrifiċċji taʼ l-ikel lill-idoli. Jalla ma jkun hemm ebda profetessa li taħtar lilha nfisha biex tinfluwenza lill-oħrajn fil-kongregazzjoni Kristjana llum!
6 Kristu kien ‘se jixħetha marida ġo sodda, u ’l dawk li waqgħu fiż-żína magħha jibgħat fuqhom taħbit kbir jekk ma jerġgħux lura mill-għemejjel tagħha.’ L-indokraturi ma jażżardawx iċedu għal tagħlim u influwenzi malizzjużi bħal dawn, u ebda Kristjan m’għandu għalfejn jiżni spiritwalment jew fiżikament jew jieħu sehem fl-idolatrija sabiex jirrealizza li “t-tagħlim moħbi fil-fond tax-Xitan” huwa kompletament mill-agħar. Jekk nagħtu kas it-twissija taʼ Ġesù, se nżommu tajjeb dak li diġà għandna, u d-dnub mhux se jaħkimna. Minħabba li ċaħdu prattiċi midinba, xenqiet sesswali, u ċerti miri, il-midlukin irxoxtati jirċievu “setgħa fuq il-ġnus” u se jingħaqdu maʼ Kristu biex ikissru lil dawn il-ġnus. Il-kongregazzjonijiet taʼ llum għandhom kwiekeb simboliċi, u l-midlukin se jingħataw “il-Kewkba tiddi taʼ filgħodu,” l-Għarus, Ġesù Kristu, meta jiġu rxoxtati għas-sema.—Apokalissi 22:16.
7 Il-kongregazzjoni taʼ Tjatira ġiet imwissija biex ma tittollerax l-influwenza kiefra tan-nisa apostati. Il-messaġġ imnebbaħ taʼ Ġesù lill-kongregazzjoni jgħin lin-nisa devoti llum biex iżommu posthom kif irid Alla. Huma ma jipprovawx jeżerċitaw awtorità fuq l-irġiel u ma jħajrux lill-aħwa rġiel għaż-żína spiritwali jew fiżika. (1 Timotju 2:12) Minflok, dawn in-nisa jagħtu eżempju b’għemejjel mill-aqwa u b’servizz għall-glorja t’Alla. (Salm 68:12 [68:11, NW]; 1 Pietru 3:1-6) Jekk il-kongregazzjoni tgħasses dak li għandha—it-tagħlim pur u l-kondotta u s-servizz għażiż tas-Saltna—Kristu se jiġi b’rigali meraviljużi, mhux bil-qerda.
Lill-Anġlu f’Sardi
8. (a) Fejn kienet Sardi, u x’dettalji għandna dwarha? (b) Il-kongregazzjoni f’Sardi għala kellha bżonn l-għajnuna?
8 Il-kongregazzjoni f’Sardi kellha bżonn l-għajnuna b’mod urġenti għax kienet mejta spiritwalment. (Aqra Apokalissi 3:1-6.) Sardi, madwar 50 kilometru lejn in-nofsinhar taʼ Tjatira, kienet belt prosperuża. Il-kummerċ, l-art fertili, u l-produzzjoni tad-drapp u t-twapet tas-suf għenu biex jagħmluha belt sinjura li darba kellha 50,000 resident. Skond l-istudjuż taʼ l-istorja Ġużeppi Flavju, f’Sardi kien hemm komunità Lhudija kbira fl-ewwel seklu Q.E.K. Fost il-fdalijiet li nstabu minn din il-belt hemm sinagoga u tempju t’Artemi, l-alla mara t’Efesu.
9. X’għandu jsir jekk l-attivitajiet tagħna taʼ servizz qed nagħmluhom bla ħeġġa taʼ xejn?
9 Kristu qal lill-anġlu tal-kongregazzjoni f’Sardi: “Jiena naf l-opri tiegħek, inti għandek fama li inti ħaj, iżda int mejjet.” Iżda xi ngħidu jekk għandna r-reputazzjoni li aħna mqajmin spiritwalment iżda ninsabu reqdin sew għall-privileġġi Kristjani u l-attivitajiet tas-servizz tagħna nagħmluhom bla ħeġġa, u spiritwalment ‘wasalna biex ninqerdu’? F’dan il-każ irridu ‘niftakru f’dak li rċivejna u smajna’ dwar il-messaġġ tas-Saltna, u għandna nerġgħu nibdew nistinkaw fis-servizz sagru. Żgur li għandna nibdew nieħdu sehem b’qalbna kollha fil-laqgħat Kristjani. (Lhud 10:24, 25) Kristu wissa lill-kongregazzjoni f’Sardi: “Għax jekk ma tistenbaħx, niġik bħal ħalliel, bla ma tkun taf is-siegħa li fiha niġik.” Xi ngħidu għal żmienna? Aħna dalwaqt se jkollna nagħtu kont.
10. Saħansitra f’sitwazzjoni bħal dik f’Sardi, x’jistaʼ jkun minnu għal xi ftit Kristjani?
10 Anki f’sitwazzjoni bħal dik f’Sardi, għandu mnejn ikun hemm xi ftit li ‘ma tebbgħux ilbieshom, u li jistgħu jimxu maʼ Kristu lebsin l-abjad, għax jistħoqqilhom.’ Huma jżommu l-identità Kristjana tagħhom, jibqgħu bla tebgħa, mingħajr ebda tinġis morali jew reliġjuż taʼ din id-dinja. (Ġakbu 1:27) Għalhekk, Ġesù ‘mhux talli ma jħassrilhomx isimhom minn ktieb il-ħajja, imma jistqarrilhom isimhom quddiem Missieru u quddiem l-anġli Tiegħu.’ Deskritti bħala li jixirqilhom jimxu maʼ Kristu, il-klassi taʼ l-għarusa taʼ wħud midlukin huma lebsin ilbies taʼ l-għażel li jgħammex l-għajnejn, nadif, u fin li jfisser l-għemejjel tajbin tal-qaddisin t’Alla. (Apokalissi 19:8) Il-privileġġi meraviljużi taʼ servizz li hemm jistennewhom fis-sema jqanqluhom biex joħorġu rebbiħin fuq din id-dinja. Hemm barkiet lesti wkoll għal dawk li qed jistennew li jiksbu l-ħajja taʼ dejjem fuq l-art. L-ismijiet tagħhom ukoll jinsabu miktubin fil-ktieb tal-ħajja.
11. X’għandna nagħmlu jekk qed nonogħsu spiritwalment?
11 Ħadd minna ma jrid jispiċċa fis-sitwazzjoni spiritwali tal-biki li kienet fiha l-kongregazzjoni taʼ Sardi. Iżda x’se nagħmlu jekk nindunaw li qed nonogħsu spiritwalment? Irridu naġixxu malajr għall-ġid tagħna stess. Ejja ngħidu li qed ninġibdu lejn prattiċi midinba jew qed nittraskuraw il-laqgħat jew il-ministeru. F’dan il-każ, ejja nfittxu l-għajnuna taʼ Jehovah permezz taʼ talb ħerqan. (Filippin 4:6, 7, 13) Jekk kuljum naqraw u nistudjaw il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tal-“prokuratur leali” se niġu megħjunin nibqgħu mqajmin spiritwalment. (Luqa 12:42-44, NW) Imbagħad se nkunu bħal dawk f’Sardi li kellhom l-approvazzjoni taʼ Kristu, u se nkunu taʼ barka għal sħabna fit-twemmin.
Lill-Anġlu f’Filadelfja
12. Kif tiddeskrivi s-sitwazzjoni reliġjuża f’Filadelfja tal-qedem?
12 Ġesù faħħar lill-kongregazzjoni f’Filadelfja. (Aqra Apokalissi 3:7-13.) Filadelfja (issa Alasehir) kienet iċ-ċentru prosperuż taʼ reġjun li jipproduċi l-inbid fil-punent taʼ l-Asja Minuri. Fil-fatt, l-alla prinċipali tagħha kien Djonisju, l-alla taʼ l-inbid. Jidher ċar li l-Lhud f’Filadelfja pprovaw jipperswadu lill-Kristjani Lhud t’hemmhekk biex iżommu ċerti prattiċi tal-Liġi Mosajka jew biex jerġgħu lura għalihom.
13. Kristu kif uża “l-muftieħ taʼ David”?
13 Kristu “għandu l-muftieħ taʼ David,” u għalhekk ġie fdat bl-interessi kollha tas-Saltna u bit-tmexxija tad-dar tal-fidi. (Isaija 22:22; Luqa 1:32) Ġesù uża dan il-muftieħ biex jiftaħ opportunitajiet u privileġġi tas-Saltna lill-Kristjani f’Filadelfja tal-qedem u f’postijiet oħra. Sa mill-1919, hu qiegħed quddiem “il-prokuratur leali” “bieb kbir miftuħ” li jwassal għall-ippridkar tas-Saltna li ħadd minn dawk li jopponu ma jistaʼ jagħlqu. (1 Korintin 16:9; Kolossin 4:2-4) M’għandniex xi ngħidu, il-bieb għall-privileġġi tas-Saltna ngħalaq għal dawk tas-“sinagoga tax-Xitan,” għax huma m’humiex Iżraelin spiritwali.
14. (a) Ġesù liema wegħda għamel lill-kongregazzjoni f’Filadelfja? (b) Kif nistgħu ma naqgħux fis-“siegħa tat-tiġrib”?
14 Ġesù għamel din il-wegħda lill-Kristjani f’Filadelfja tal-qedem: “Talli int ħarist it-tagħlim tiegħi dwar is-sabar, jiena wkoll inħares lilek mis-siegħa tat-tiġrib li ġejja fuq id-dinja kollha.” L-ippridkar jeħtieġ l-istess sabar li wera Ġesù. Hu qatt ma ċeda għall-għadu iżda kompla jagħmel ir-rieda taʼ Missieru. Minħabba f’hekk, Ġesù ġie rxoxtat għal ħajja immortali fis-sema. Jekk inżommu sod id-deċiżjoni tagħna li naduraw lil Jehovah u nappoġġaw is-Saltna billi nippridkaw l-aħbar tajba, se niġu mħarsin milli naqgħu matul il-perijodu taʼ prova li qed inġarrbu bħalissa, is-“siegħa tat-tiġrib.” Aħna se ‘nżommu sħiħ dak li għandna’ mingħand Kristu billi nistinkaw biex inżidu dawk l-interessi tas-Saltna. Il-fatt li l-midlukin jagħmlu dan se jwassalhom għall-kuruna imprezzabbli tas-sema u lil sħabhom leali għall-ħajja taʼ dejjem fuq l-art.
15. X’inhu meħtieġ minn dawk li jridu jkunu ‘kolonni fit-tempju t’Alla’?
15 Kristu jkompli jgħid: “Ir-rebbieħ nagħmlu kolonna fit-Tempju taʼ Alla tiegħi, . . . u fuqu nonqox isem Alla tiegħi, isem il-Belt taʼ Alla tiegħi, Ġerusalemm il-ġdida li nieżla mis-sema mingħand Alla tiegħi, u l-isem il-ġdid tiegħi.” L-indokraturi midlukin iridu jappoġġaw il-qima vera. Iridu jibqgħu jikkwalifikaw bħala membri taʼ “Ġerusalemm il-ġdida” billi jippridkaw dwar is-Saltna t’Alla u jibqgħu nodfa spiritwalment. Hekk jeħtieġ li jagħmlu jekk iridu li jkunu kolonni fit-tempju glorifikat tas-sema u jkollhom l-isem tal-belt t’Alla bħala ċ-ċittadini tagħha fis-sema u jkollhom sehem minn isem Kristu bħala l-għarusa tiegħu. U m’għandniex xi ngħidu, irid ikollhom widnejn li ‘jisimgħu xi jgħid l-ispirtu lill-kongregazzjonijiet.’
Lill-Anġlu f’Laodiċija
16. X’inhuma xi fatti dwar Laodiċija?
16 Kristu widdeb lill-kongregazzjoni taʼ Laodiċija li kienet sodisfatta biha nfisha. (Aqra Apokalissi 3:14-22.) Xi 150 kilometru lejn il-lvant t’Efesu u bejn iż-żewġ rotot prinċipali tal-kummerċ fil-wied fertili tax-Xmara Liku, kien hemm Laodiċija, belt li rnexxiet fil-manifattura u li kellha ċentru bankarju prosperuż ħafna. Il-ħwejjeġ magħmulin mis-suf iswed tar-reġjun kienu magħrufin maʼ kullimkien. Peress li fiha kien hemm skola famuża tal-mediċina, Laodiċija wisq probabbli kienet tipproduċi mediċina taʼ l-għajnejn magħrufa bħala t-trab Friġjan. Asklepju, alla tal-mediċina, kien wieħed mill-allat ewlenin tal-belt. X’aktarx li f’Laodiċija kien hemm għadd konsiderevoli taʼ Lhud, u milli jidher xi wħud minnhom kienu għonja mhux ħażin.
17. Dawk taʼ Laodiċija għala ġew imwiddba?
17 Meta kien qed jindirizza lill-kongregazzjoni taʼ Laodiċija permezz taʼ l-“anġlu” tagħha, Ġesù tkellem bl-awtorità li kellu bħala “x-Xhud fidil u veru, . . . il-bidu tal-Ħolqien t’Alla.” (Kolossin 1:13-16) Dawk taʼ Laodiċija ġew imwiddba għax ma kinux ‘la kiesħa u lanqas sħan’ spiritwalment. Talli kienu bierda, Kristu kien se jobżoqhom minn ħalqu. Ma kellux ikun diffiċli għalihom biex jifhmu l-punt tiegħu. Ħdejn Ġerapoli kien hemm nixxigħat taʼ l-ilma sħun, u Kolossi kellha l-ilma kiesaħ. Peress li l-ilma kellu jgħaddi minn ġol-kanen sa Laodiċija, li kienet ’il bogħod mhux ħażin, wisq probabbli kien jilħaq jibred sakemm jasal sal-belt. F’parti mit-triq kien jgħaddi minn akkwidott. Iktar qrib Laodiċija, kien jgħaddi minn blokok tal-ġebel imtaqqbin u mwaħħlin flimkien.
18, 19. Kif jistgħu jiġu megħjunin dawk li llum huma bħall-Kristjani f’Laodiċija?
18 Individwi li llum jixbhu lil dawk taʼ Laodiċija la huma jaħarqu b’mod li jqanqlek u lanqas kesħin b’mod li jirrifreskak. Bħall-ilma biered, huma jinbeżqu! Ġesù ma jridhomx bħala l-kelliema tiegħu, bħala “ambaxxaturi [midlukin] taʼ Kristu.” (2 Korintin 5:20) Jekk ma jindmux, huma jitilfu l-privileġġ li għandhom bħala proklamaturi tas-Saltna. Dawk taʼ Laodiċija fittxew ir-rikkezzi tad-dinja u ‘ma kinux jafu li huma kienu msejknin, taʼ min jitħassarhom, foqra, għomja, u għerja.’ Biex ineħħu l-faqar, l-għama, u l-għera spiritwali, dawk li llum huma bħalhom iridu jixtru mingħand Kristu ‘d-deheb imsoffi bin-nar’ tal-fidi li tkun ġiet imġarrba, l-“ilbies abjad” tas-sewwa, u l-‘ingwent’ taʼ l-għajnejn li jinkuraġġixxi ħarsa spiritwali. L-indokraturi Kristjani huma lesti li jgħinuhom biex ikunu attenti għall-bżonn spiritwali tagħhom ħalli “jistagħnu fil-fidi.” (Ġakbu 2:5; Mattew 5:3) Iktar minn hekk, l-indokraturi jridu jgħinuhom japplikaw l-‘ingwent’ spiritwali—jaċċettaw u jgħixu fi qbil mat-tagħlim, il-pariri, l-eżempju, u l-attitudni mentali taʼ Ġesù. Dan hu l-kura kontra “l-ġibda tal-ġisem u l-ġibda taʼ l-għajnejn u l-kburija tal-ħajja.”—1 Ġwann 2:15-17.
19 Ġesù jwiddeb u jiddixxiplina lil dawk kollha li jħobb. L-indokraturi li huma taħtu jridu jagħmlu l-istess ħaġa b’tenerezza. (Atti 20:28, 29) Dawk taʼ Laodiċija riedu jkunu kollhom ‘ħeġġa u jindmu,’ waqt li jbiddlu l-ħsibijiet u l-mod taʼ ħajja tagħhom. Per eżempju, drajna aħna xi stil taʼ ħajja li jnaqqas is-servizz sagru tagħna lil Alla u jagħmlu inqas importanti f’ħajjitna? Mela, ejja ‘nixtru l-ingwent taʼ l-għajnejn’ mingħand Ġesù ħalli b’hekk naraw l-importanza taʼ li nfittxu s-Saltna l-ewwel b’żelu kbir.—Mattew 6:33.
20, 21. Illum, min qed iwieġeb kif jixraq għat-‘taħbita’ taʼ Ġesù, u dawn lejn xiex iħarsu ’l quddiem?
20 “Ara,” jgħid Kristu, “jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi.” Ġesù spiss kien jagħti tagħlim spiritwali meta jkun qed jieħu sehem f’xi ikla. (Luqa 5:29-39; 7:36-50; 14:1-24) Issa hu jħabbat il-bieb taʼ kongregazzjoni t-tip taʼ dik taʼ Laodiċija. Kienu l-membri tagħha se jwieġbu għat-taħbita, jerġgħu jsiru jħobbuh, jilqgħuh f’nofshom, u jħalluh jgħallimhom? Jekk iva, Kristu se jiċċelebra magħhom għall-ġid spiritwali kbir tagħhom.
21 Illum, in-“nagħaġ oħra” qegħdin jiftħulu lil Ġesù b’mod simboliku, u dan l-għemil iwassal għall-ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 10:16; Mattew 25:34-40, 46) Lil kull wieħed mill-midlukin li joħroġ rebbieħ, Kristu se jagħtih l-unur li ‘joqgħod maġenbu fuq it-tron tiegħu; l-istess kif hu, meta rebaħ, qgħad maġenb Missieru fuq it-tron tiegħu.’ Iva, lill-midlukin li joħorġu rebbiħin, Ġesù jwegħedhom il-premju kbir li jagħtihom tron miegħu fuq l-id il-leminija taʼ Missieru fis-sema. In-nagħaġ oħra li joħorġu rebbieħa jħarsu ’l quddiem lejn post mill-isbaħ fuq l-art taħt il-ħakma tas-Saltna.
Tagħlimiet Għalina Lkoll
22, 23. (a) Kif jistgħu l-Kristjani kollha jibbenefikaw minn dak li qal Ġesù lis-sebaʼ kongregazzjonijiet? (b) X’għandna dejjem inkunu determinati li nagħmlu?
22 M’hemm ebda dubju li l-Kristjani kollha jistgħu jibbenefikaw ferm mill-kliem taʼ Ġesù lis-sebaʼ kongregazzjonijiet fl-Asja Minuri. Per eżempju, il-fatt li Kristu offra tifħir xieraq iqanqal lill-anzjani Kristjani kollhom imħabba biex huma wkoll ifaħħru lill-individwi u l-kongregazzjonijiet li sejrin tajjeb spiritwalment. Fejn ikun hemm id-dgħjufijiet, l-anzjani jgħinu lil sħabhom fit-twemmin biex japplikaw il-kura spiritwali. Ilkoll kemm aħna nistgħu nkomplu nibbenefikaw mid-diversi aspetti tal-parir li Ġesù ta lis-sebaʼ kongregazzjonijiet, basta nibqgħu nagħmlu dan bit-talb u mingħajr dewmien.a
23 Dan iż-żmien taʼ l-aħħar m’huwiex żmien li nkunu sodisfatti bina nfusna, materjalisti, jew xi ħaġa oħra li tistaʼ ġġagħalna nagħmlu mill-inqas fis-servizz lil Alla. Għalhekk, jalla l-kongregazzjonijiet kollha jkomplu jiddu bħall-kandelabri li Ġesù jżomm f’posthom. Bħala Kristjani leali, jalla dejjem inkunu determinati li nagħtu kas meta Ġesù jitkellem u nisimgħu dak li l-ispirtu għandu xi jgħid. Imbagħad se jkollna ferħ dejjiemi bħala dawk li jġorru d-dawl għall-glorja taʼ Jehovah.
[Noti taʼ taħt]
a Apokalissi 2:1–3:22 huwa wkoll diskuss f’kapitli 7 sa 13 tal-ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand!, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Int Kif Twieġeb?
• Min kienet ‘il-mara Ġeżabel,’ u n-nisa devoti għala ma jimitawhiex?
• F’liema kundizzjoni kienet il-kongregazzjoni taʼ Sardi, u x’nistgħu nagħmlu biex ma nsirux bħall-ħafna Kristjani li kienu jgħixu hemm?
• Ġesù x’wiegħed lill-kongregazzjoni f’Filadelfja, u dawn il-wegħdi kif japplikaw illum?
• Dawk taʼ Laodiċija għala ġew imwiddba, iżda l-Kristjani żelużi lejn xiex iħarsu ’l quddiem?
[Stampa f’paġna 16]
Il-modi kiefra tal-‘mara Ġeżabel’ iridu jiġu evitati
[Stampi f’paġna 18]
Ġesù poġġa “bieb kbir” li jwassal għall-privileġġi tas-Saltna quddiem is-segwaċi tiegħu
[Stampa f’paġna 20]
Int tilqgħu lil Ġesù u tisimgħu?