LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 11/15 pp. 18-23
  • Ippriedka biex Tagħmel Dixxipli

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ippriedka biex Tagħmel Dixxipli
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iffoka fuq in-​Nies
  • Tgħallem mill-​Eżempju t’Għalliema Oħrajn
  • Oħloq Opportunitajiet biex Tagħmel Dixxipli
  • Ibqaʼ Fittex lil Dawk li Jixirqilhom
  • Il-Kristjani Għandhom Bżonn Xulxin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • “Jinfirex Ħafna u Jeffettwa Iktar u Iktar Nies” Minkejja l-Oppożizzjoni
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Ibqaʼ Ibni lill-Kongregazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Ibbenefika bis-Sħiħ mill-Qari tal-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 11/15 pp. 18-23

Ippriedka biex Tagħmel Dixxipli

‘[Meta] Prixxilla u Akwila semgħu [lil Apollo], ħaduh magħhom u fissrulu t-​Triq taʼ Alla iktar bir-​reqqa.’​—Atti 18:26.

1. Għalkemm kien “jitkellem b’ħeġġa kbira” taʼ l-​ispirtu, Apollo x’kellu bżonn?

PRIXXILLA u Akwila, koppja miżżewġa Kristjana fl-​ewwel seklu, osservaw lil Apollo jagħmel diskors f’sinagoga ġewwa l-​belt taʼ Efesu. Peress li kien jinqalaʼ biex jitkellem u jipperswadi lin-​nies, Apollo rnexxielu jżomm l-​attenzjoni taʼ l-​udjenza tiegħu. Hu kien “jitkellem b’ħeġġa kbira” taʼ l-​ispirtu u kien “jgħallem fuq Ġesù.” Madankollu, kien jidher ċar li Apollo “kien jaf biss bil-​magħmudija taʼ Ġwanni.” Dak li Apollo ppriedka dwar Kristu kien minnu, però kien limitat. Il-​problema kienet li l-​għarfien li kellu ma kienx komplut. Apollo kellu bżonn iżid l-​għarfien tiegħu dwar l-​irwol li kellu Ġesù Kristu fit-​twettiq taʼ l-​iskop t’Alla.​—Atti 18:​24-26.

2. Prixxilla u Akwila għal liema sfida daħlu?

2 Bla ebda dewmien, Prixxilla u Akwila offrew lilhom infushom sabiex jgħinu lil Apollo jsir wieħed li setaʼ jħares “dak kollu” li kkmanda Kristu. (Mattew 28:​19, 20) Ir-​rakkont jgħid li huma ħadu lil Apollo “magħhom u fissrulu t-​Triq taʼ Alla iktar bir-​reqqa.” Madankollu, kien hemm xi fatti dwar Apollo li kienu se jġagħlu lil xi Kristjani joqogħdu lura milli jgħallmuh. Liema fatti? U x’nistgħu nitgħallmu mill-​isforzi li Prixxilla u Akwila għamlu biex jiddiskutu l-​Iskrittura m’Apollo? Ħarsa lejn dan ir-​rakkont storiku, kif tistaʼ tgħinna niffokaw fuq li nibdew studji tal-​Bibbja fid-​djar?

Iffoka fuq in-​Nies

3. L-​isfond t’Apollo għala ma żammitx lil Prixxilla u lil Akwila milli jgħallmuh?

3 Apollo, li kien taʼ dixxendenza Lhudija, milli jidher kien trabba fil-​belt taʼ Lixandra. Lixandra dak iż-​żmien kienet il-​belt kapitali taʼ l-​Eġittu u ċentru t’edukazzjoni għolja, magħrufa għal-​librerija kbira li kellha. Il-​belt kellha popolazzjoni kbira taʼ Lhud, fosthom xi studjużi. Għalhekk, it-​traduzzjoni Griega taʼ l-​Iskrittura Ebrajka magħrufa bħala s-​Settanta saret hemmhekk. Mhux taʼ b’xejn li Apollo kien “għaref fl-​Iskrittura”! Akwila u Prixxilla kienu jagħmlu t-​tined. Il-​fatt li Apollo kien jinqalaʼ bħala kelliemi ġagħalhom iħossuhom mhux addattati biex jgħinuh? Le. L-​imħabba qanqlithom biex jikkunsidraw lilu bħala persuna, il-​bżonnijiet tiegħu, u kif setgħu jgħinuh.

4. Apollo fejn u kif irċieva l-​għajnuna li kellu bżonn?

4 Minkejja kemm kien jinqalaʼ biex jitkellem, Apollo xorta kellu bżonn min jgħallmu. L-​għajnuna li kellu bżonn ma kienet tinstab fl-​ebda università imma fost il-​membri mseħbin fil-​kongregazzjoni Kristjana. Apollo ma damx ma beda jibbenefika minn punti li kienu se jwasslu għal fehma iktar eżatta dwar l-​arranġament t’Alla għas-​salvazzjoni. Prixxilla u Akwila “ħaduh magħhom u fissrulu t-​Triq taʼ Alla iktar bir-​reqqa.”

5. X’tistaʼ tgħid dwar l-​ispiritwalità taʼ Prixxilla u Akwila?

5 Prixxilla u Akwila kienu b’saħħithom spiritwalment u kellhom pedament sod fil-​fidi. Wisq probabbli, ‘kienu dejjem lesti biex jagħtu tweġiba lil kull min jitlobhom il-​għala tat-​tama li kellhom,’ sew jekk kienu sinjuri, fqar, studjużi, jew inkella lsiera. (1 Pietru 3:15) Akwila u martu kienu kapaċi ‘jxandru bir-​reqqa l-​kelma tal-​verità.’ (2 Timotju 2:​15) Milli jidher, huma kienu studenti serji taʼ l-​Iskrittura. Apollo ħass qalbu titqanqal profondament mit-​tagħlim ibbażat fuq il-​‘kelma taʼ Alla, li hi ħajja u teżerċita l-​qawwa,’ u li teffettwa l-​qalb.​—Lhud 4:​12.

6. Kif nafu li Apollo kien grat għall-​għajnuna li rċieva?

6 Apollo kien grat għall-​eżempju taʼ l-​għalliema tiegħu u sar saħansitra iktar kapaċi jgħin lin-​nies isiru dixxipli. Hu uża l-​għarfien tiegħu bl-​aħjar mod sabiex jipproklama l-​aħbar tajba, speċjalment fost il-​popolazzjoni Lhudija. Apollo kien utli b’mod eċċezzjonali biex jipperswadi lil-​Lhud dwar Kristu. Billi kien “qawwi fl-​iskrittura,” hu kien kapaċi jagħtihom prova li l-​profeti kollha tal-​qedem ħarsu ’l quddiem lejn il-​miġja taʼ Kristu. (Atti 18:​24, KŻ) Ir-​rakkont ikompli li mbagħad Apollo mar Akaja, u “bis-​saħħa tal-​grazzja li kellu, kien taʼ għajnuna kbira għal dawk li kienu emmnu. U bil-​qawwa kollha kien jagħlaq ħalq il-​Lhud quddiem kulħadd billi jurihom mill-​Iskrittura li Ġesù hu l-​Messija.”​—Atti 18:​27, 28.

Tgħallem mill-​Eżempju t’Għalliema Oħrajn

7. Akwila u Prixxilla kif saru għalliema tas-​sengħa?

7 Akwila u Prixxilla kif saru għalliema kapaċi tal-​Kelma t’Alla? Minbarra li kienu beżlin sew fl-​istudju persunali u fl-​attendenza għal-​laqgħat, żgur li s-​sħubija mill-​qrib maʼ l-​appostlu Pawlu għenithom ħafna wkoll. Għal 18-il xahar, Pawlu qagħad għand Prixxilla u Akwila ġewwa Korintu. Huma ħadmu flimkien fix-​xogħol li jagħmlu t-​tined. (Atti 18:​2, 3) Immaġina kemm kien ikollhom diskussjonijiet fil-​fond dwar affarijiet spiritwali. U min jaf din is-​sħubija maʼ Pawlu kemm saħħitilhom l-​ispiritwalità tagħhom! “Min jagħmilha maʼ l-​għaref, isir għaref, min imur mal-​boloh, jaqaʼ fl-​hemm,” jgħid Proverbji 13:20. Sħubija tajba kellha effett tajjeb fuq id-​drawwiet spiritwali li kellhom.​—1 Korintin 15:33.

8. Prixxilla u Akwila x’tgħallmu billi osservaw lil Pawlu fil-​ministeru tiegħu?

8 Meta Prixxilla u Akwila kienu josservaw lil Pawlu bħala proklamatur tas-​Saltna, kienu jaraw b’għajnejhom eżempju eċċellenti t’għalliem tajjeb. Ir-​rakkont taʼ l-​Atti jistqarr li Pawlu “kull nhar taʼ Sibt kien imur jiddiskuti fis-​sinagoga [f’Korintu] u jfittex li jipperswadi lil-​Lhud u l-​Griegi.” Iktar tard, meta ngħaqdu miegħu Sila u Timotju, Pawlu “ta ruħu kollu kemm hu għax-​xandir tal-​kelma, u kien jixhed lil-​Lhud li Ġesù huwa l-​Messija.” Meta l-​membri tas-​sinagoga ma tantx kienu juru interess, Prixxilla u Akwila nnotaw li Pawlu telaq minn fejn kien u mar jippriedka f’post iktar favorevoli, f’dar maġenb is-​sinagoga. Hemmhekk Pawlu setaʼ jgħin lil Krispu, “il-​kap tas-​sinagoga,” biex isir dixxiplu. Probabbilment, Prixxilla u Akwila nnotaw li l-​fatt li dan id-​dixxiplu partikulari kellu effett kbir u produttiv fuq it-​territorju. Ir-​rakkont jistqarr: “Krispu . . . u l-​familja tiegħu kollha emmnu fil-​Mulej, u ħafna mill-​Korintin, li kienu jisimgħu lil Pawlu, emmnu huma wkoll u tgħammdu.”​—Atti 18:​4-8.

9. Prixxilla u Akwila kif irreaġixxew għall-​eżempju taʼ Pawlu?

9 L-eżempju taʼ Pawlu fil-​ministeru taʼ lgħalqa ġie imitat minn proklamaturi tas-​Saltna oħrajn bħal Prixxilla u Akwila. L-​appostlu ħeġġeġ lil Kristjani oħrajn: “Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu.” (1 Korintin 11:1) Fi qbil maʼ l-​eżempju taʼ Pawlu, Prixxilla u Akwila għenu lil Apollo jifhem it-​tagħlim Kristjan b’mod iktar korrett. Imbagħad, hu għen biex jissoda lil oħrajn. Prixxilla u Akwila bla dubju għenu biex jagħmlu dixxipli f’Ruma, f’Korintu, u f’Efesu.​—Atti 18:​1, 2, 18, 19; Rumani 16:​3-5.

10. X’tgħallimt minn Atti kapitlu 18 li se jgħinek fix-​xogħol taʼ li tagħmel dixxipli?

10 X’nistgħu nitgħallmu meta nikkunsidraw Atti kapitlu 18? Sewwa, bħalma Akwila u Prixxilla setgħu tgħallmu minn Pawlu, aħna nistgħu ntejbu l-​abbiltà tagħna biex nagħmlu dixxipli billi nimitaw l-​eżempju t’għalliema effettivi tal-​Kelma t’Alla. Aħna nistgħu nissieħbu maʼ dawk li huma ‘okkupati intensament bil-​kelma,’ u li qed ‘jippridkaw bir-​reqqa’ lil oħrajn. (Atti 18:​5, Kingdom Interlinear Translation) Nistgħu nosservaw kif huma jilħqu l-​qlub tan-​nies billi jużaw l-​abbiltajiet tagħhom biex jgħallmu b’mod persważiv. Abbiltajiet bħal dawn jistgħu jgħinuna nagħmlu dixxipli. Meta xi ħadd ikun qed jistudja l-​Bibbja magħna, nistgħu nissuġġerulu biex jistieden lil membri oħrajn tal-​familja tiegħu jew xi ġirien biex jingħaqdu miegħu għall-​istudju. Jew nistgħu nistaqsuh jekk jafx b’xi oħrajn li nistgħu noffrulhom studju tal-​Bibbja.​—Atti 18:​6-8.

Oħloq Opportunitajiet biex Tagħmel Dixxipli

11. Fejn jistgħu jinstabu dixxipli ġodda?

11 Pawlu u sħabu l-​Kristjani fittxew li jagħmlu dixxipli billi jippridkaw minn dar għal dar, fis-​suq, u fil-​vjaġġi tagħhom​—tabilħaqq, kullimkien. Tistaʼ int bħala ħaddiem żeluż tas-​Saltna li qed tipprova tagħmel dixxipli żżid l-​attivitajiet tiegħek fis-​servizz taʼ l-​għalqa? Tistaʼ tieħu vantaġġ minn xi opportunitajiet biex tfittex lil uħud li jixirqilhom u tippridkalhom? X’inhuma xi modi kif xi wħud minn sħabna l-​pubblikaturi taʼ l-​aħbar tajba sabu d-​dixxipli? Ejja l-​ewwel nagħtu ħarsa lejn l-​aspett taʼ l-​għoti taʼ xiehda bit-​telefon.

12-14. Biex turi l-​benefiċċji taʼ l-​għoti taʼ xiehda bit-​telefon, irrakkonta xi esperjenza li kellek int personalment jew waħda li tinsab f’dawn il-​paragrafi.

12 Waqt li kienet qed tagħti xiehda minn dar għal dar fil-​Brażil, waħda Kristjana li se nsejħulha Maria tat fuljett lil waħda mara żagħżugħa li kienet ħierġa minn blokk t’appartamenti. Billi użat it-​titlu tal-​fuljett bħala introduzzjoni, Maria staqsiet, “Tixtieq tkun taf iżjed dwar il-​Bibbja?” Il-​mara wieġbet: “Nixtieq ħafna. Il-​problema hi li jien għalliema, u ma tantx ikolli ħin peress li nagħti l-​lezzjonijiet.” Maria spjegatilha li setgħu jiddiskutu xi suġġetti mill-​Bibbja minn fuq it-​telefon. Il-​mara tat in-​numru tat-​telefon tagħha lil Maria, u dik il-​lejla stess bdiet studju tal-​Bibbja billi użat il-​browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? a

13 Waqt li kienet qed tagħti xiehda bit-​telefon, waħda li taqdi bħala ministru full-time fl-​Etjopja nħasdet meta kellmet lil wieħed raġel u semgħet ħafna storbju fl-​isfond. Ir-​raġel staqsiha biex iċċempillu iktar tard. Meta għamlet hekk, hu skuża ruħu u qalilha li x’ħin kienet ċemplitlu, hu u l-​mara tiegħu kienu f’nofs tilwima taħraq. L-​oħt użat din ir-​risposta bħala opportunità biex tiġbed l-​attenzjoni lejn il-​gwida għaqlija li tagħti l-​Bibbja biex wieħed jimmaniġġa l-​problemi tal-​familja. Hi qaltlu li ħafna familji ġew megħjunin mill-​pubblikazzjoni Is-​Sigriet Taʼ L-​Hena Fil-​Familja, ktieb pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Ftit jiem wara li kienet ħallietlu l-​ktieb, l-​oħt reġgħet ċemplet lir-​raġel. Kollu mgħaġġeb hu qalilha: “Dan il-​ktieb salvali ż-​żwieġ tiegħi!” Fil-​fatt, hu kien laqqaʼ l-​familja tiegħu biex jgħidilhom bil-​punti tajbin li kien qara fil-​ktieb. Inbeda studju tal-​Bibbja fid-​dar, u dan ir-​raġel ma damx ma beda jattendi l-​laqgħat regolarment.

14 Proklamatriċi tas-​Saltna ġewwa d-​Danimarka li bdiet studju tal-​Bibbja permezz taʼ l-​għoti taʼ xiehda bit-​telefon qalet: “L-​indokratur tas-​servizz ħeġġiġni biex nieħu sehem fl-​għoti taʼ xiehda bit-​telefon. Għall-​ewwel żammejt lura u għedt: ‘Dan ma jgħoddx għalija.’ Madankollu, ġurnata minnhom għamilt kuraġġ u bdejt inċempel lill-​ewwel inkwilin. Sonja rrispondiet, u wara konversazzjoni qasira qablet biex tibda tirċievi letteratura bbażata fuq il-​Bibbja. Lejla minnhom iddiskutejna s-​suġġett tal-​ħolqien, u riedet taqra l-​ktieb Life​—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation.b Jien għedtilha li tkun xi ħaġa sabiħa kieku nistgħu niltaqgħu wiċċ imbwiċċ u niddiskutu dan is-​suġġett. Hi qablet. X’ħin wasalt, Sonja kienet lesta għall-​istudju, u minn dakinhar bqajna nistudjaw kull ġimgħa.” Din l-​oħt Kristjana tagħlaq billi tgħid: “Għal ħafna snin kont nitlob għal studju tal-​Bibbja, imma ma stennejtx li se nibda wieħed billi nagħti xiehda bit-​telefon.”

15, 16. Liema esperjenzi tistaʼ tirrakkonta biex turi l-​benefiċċju taʼ li tkun b’għajnejk miftuħa għal modi differenti biex tibda studji tal-​Bibbja?

15 Ħafna qegħdin ikollhom suċċess għax qed japplikaw is-​suġġerimenti biex jagħtu xiehda lil nies kulfejn ikunu. Mara Kristjana fl-​Istati Uniti waqqfet il-​karozza tagħha ħdejn vann kummerċjali f’parkeġġ. Meta l-​mara taʼ ġol-​vann ratha, l-​oħt bdiet tispjegalha x’jinvolvi x-​xogħol tagħna biex ngħallmu lin-​nies dwar il-​Bibbja. Il-​mara qagħdet tismaʼ, ħarġet mill-​vann u daħlet fil-​karozza taʼ l-​oħt. Hi qaltilha: “Kemm qed nieħu pjaċir li waqaft tkellimni. Ilu ma jkolli xi ħaġa mil-​letteratura tagħkom żmien twil. Barra minn hekk, nixtieq nerġaʼ nistudja l-​Bibbja. Kieku tistudja miegħi int?” B’dan il-​mod oħtna ħolqot sitwazzjoni favorevoli biex taqsam l-​aħbar tajba.

16 Oħt ġewwa l-​Istati Uniti kellha din l-​esperjenza meta żaret dar tax-​xjuħ. Hi avviċinat lil wieħed direttur taʼ ċerti attivitajiet fil-​faċilità u qaltlu li xtaqet tgħin volontarjament biex tilħaq il-​bżonnijiet spiritwali tar-​residenti. Oħtna kompliet tgħid li xtaqet tikkonduċi studju tal-​Bibbja bla ħlas maʼ dawk kollha li xtaqu jattendu. Id-​direttur taha permess biex iżżur il-​kmamar taʼ diversi residenti. Fi żmien qasir, hi kienet qed tikkonduċi studju tal-​Bibbja tliet darbiet fil-​ġimgħa maʼ total taʼ 26 resident, li minnhom, wieħed jiflaħ jattendi għal-​laqgħat regolarment.

17. Ħafna drabi, liema mod huwa effettiv biex jinbdew studji tal-​Bibbja?

17 Għal xi proklamaturi tas-​Saltna, offerta diretta għal studju tal-​Bibbja tħalli riżultati tajbin. Għodwa waħda, kongregazzjoni taʼ 105 pubblikaturi għamlet sforz speċjali biex kulħadd joffri studju tal-​Bibbja maʼ kulmin jiltaqaʼ. Sitta u tmenin pubblikatur ħadu sehem fis-​servizz taʼ l-​għalqa, u wara li qattgħu sagħtejn fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, huma sabu li mill-​inqas kienu nbdew 15-il studju ġdid tal-​Bibbja.

Ibqaʼ Fittex lil Dawk li Jixirqilhom

18, 19. Liema direzzjoni importanti mingħand Ġesù għandna nżommu f’moħħna, u biex insegwuha x’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

18 Bħala proklamatur tas-​Saltna, għandek mnejn tkun tixtieq tipprova s-​suġġerimenti msemmijin f’dan l-​artiklu. Ovvjament, ikun għaqli li tqis id-​drawwiet lokali meta tikkunsidra xi metodi taʼ għoti taʼ xiehda. Fuq kollox, ejja nżommu f’moħħna d-​direzzjoni li tana Ġesù biex infittxu lil dawk li jixirqilhom u ngħinu lil individwi bħal dawn biex isiru dixxipli.​—Mattew 10:11; 28:19.

19 Għal dan l-​għan, jalla ‘nimmaniġġaw sew il-​kelma t’Alla.’ Nistgħu nagħmlu dan billi nużaw il-​persważjoni bbażata fis-​sod fuq l-​Iskrittura. Dan se jgħinna biex nilħqu l-​qlub taʼ dawk li jaċċettaw u nqanqluhom biex jieħdu azzjoni. Hekk kif nistrieħu bit-​talb fuq Jehovah, jistaʼ jkollna sehem biex ngħinu lil xi wħud isiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu. U kemm hu premjanti dan ix-​xogħol! Għalhekk, ejja ‘nagħmlu ħilitna biex nippreżentaw lilna nfusna approvati quddiem Alla,’ billi dejjem nonoraw lil Jehovah bħala proklamaturi żelużi tas-​Saltna li jippridkaw bl-​iskop li jagħmlu dixxipli.​—2 Timotju 2:​15.

[Noti taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Tiftakar Int?

• Apollo għala kellu bżonn li jkollu t-​triq t’Alla spjegata b’mod iktar komplut?

• Prixxilla u Akwila b’liema mod tgħallmu mill-​appostlu Pawlu?

• X’tgħallimt int dwar ix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli minn Atti kapitlu 18?

• Kif tistaʼ toħloq opportunitajiet biex tagħmel dixxipli?

[Stampa f’paġna 18]

Prixxilla u Akwila lil Apollo “fissrulu t-​Triq taʼ Alla iktar bir-​reqqa”

[Stampa f’paġna 20]

Apollo sar iktar kapaċi biex jgħin lin-​nies isiru dixxipli

[Stampa f’paġna 21]

Pawlu ppriedka kulfejn mar

[Stampi f’paġna 23]

Oħloq opportunitajiet biex tippriedka

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja