LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 8/1 pp. 8-13
  • Jehovah Jirrivela l-Glorja Tiegħu lill-Umli

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Jirrivela l-Glorja Tiegħu lill-Umli
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Umiltà—Kwalità Divina
  • Il-​Glorja Divina Rivelata lill-​Umli
  • Ikkultiva l-​Umiltà u Gawdi l-​Approvazzjoni t’Alla
  • Ikkultiva Umiltà Ġenwina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Ġeħova japprezza lill-qaddejja umli tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Kif Tistaʼ Turi Umiltà Vera?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Ġesù Ħallielna l-Mudell tal-Umiltà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 8/1 pp. 8-13

Jehovah Jirrivela l-​Glorja Tiegħu lill-​Umli

“Min jiċċekken u jibżaʼ mill-​Mulej, jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja.”—PROVERBJI 22:4.

1, 2. (a) Il-​ktieb taʼ l-​Atti kif juri li Stiefnu kien “bniedem mimli bil-​fidi u bl-​Ispirtu s-​Santu”? (b) Liema evidenza hemm li Stiefnu kien umli?

STIEFNU kien “bniedem mimli bil-​fidi u bl-​Ispirtu s-​Santu.” Hu kien ukoll “kollu grazzja u qawwa.” Bħala wieħed mill-​ewwel dixxipli taʼ Ġesù, hu kien jagħmel sinjali u mirakli kbar fost in-​nies. Darba waħda, ċerti rġiel qamu biex jargumentaw miegħu, “imma ma kellhomx ħila jiqfulu għall-​għerf u għall-​Ispirtu li bih kien jitkellem.” (Atti 6:5, 8-10) Jidher ċar li Stiefnu kien student tajjeb tal-​Kelma t’Alla, u b’sengħa kbira hu ddefendieha quddiem il-​mexxejja reliġjużi Lhud taʼ żmienu. Ix-​xiehda dettaljata tiegħu, imniżżla f’Atti kapitlu 7, tixhed li hu kien jinteressah ferm fil-​mod kif Alla kien se jirrivela l-​iskop tiegħu.

2 Stiefnu kien umli mhux bħal dawk il-​mexxejja reliġjużi li minħabba l-​pożizzjoni u l-​għarfien tagħhom ħassewhom superjuri għan-​nies komuni. (Mattew 23:2-7; Ġwanni 7:49) Għalkemm kien jafha sew l-​Iskrittura, hu kien tassew kuntent li ġie inkarigat biex ‘jaqdi fl-​imwejjed’ ħalli l-​appostli jkunu jistgħu jagħtu ruħhom “għat-​talb u għall-​ministeru tal-​kelma.” Stiefnu kellu reputazzjoni tajba fost l-​aħwa, u għalhekk intgħażel biex ikun wieħed mis-​sebaʼ rġiel b’isem tajjeb li kellhom jieħdu ħsieb it-​tqassim taʼ l-​ikel kuljum. Hu aċċetta l-​inkarigu bl-​umiltà kollha.—Atti 6:1-6.

3. Stiefnu esperjenza liema turija li tispikka tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla?

3 Jehovah innota l-​attitudni umli taʼ Stiefnu, kif ukoll l-​ispiritwalità u l-​integrità tiegħu. Meta Stiefnu kien qed jagħti xiehda lill-​folla aggressiva taʼ mexxejja Lhud fis-​Sinedriju, dawk li opponewh “rawlu wiċċu qisu wiċċ taʼ anġlu.” (Atti 6:15) Id-​dehra taʼ wiċċu kienet dik taʼ messaġġier t’Alla, bis-​sliem li kien ġej minn Alla tal-​glorja, Jehovah. Wara li ta xiehda bil-​qlubija lill-​membri tas-​Sinedriju, Stiefnu esperjenza turija li tispikka tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. “Imma hu, mimli bl-​Ispirtu s-​Santu u b’għajnejh fis-​sema, ra l-​glorja taʼ Alla u lil Ġesù qiegħed fuq il-​lemin taʼ Alla.” (Atti 7:55) Għal Stiefnu, din il-​viżjoni spettakolari kkonfermat mill-​ġdid il-​pożizzjoni taʼ Ġesù bħala l-​Iben t’Alla u l-​Messija. Din saħħet lill-​umli Stiefnu u serviet biex żguratu li Jehovah kien japprovah.

4. Jehovah lil min jirrivela l-​glorja tiegħu?

4 Bħalma turi l-​viżjoni li ra Stiefnu, Jehovah jirrivela l-​glorja u l-​iskop tiegħu lil uħud umli li jibżgħu minn Alla u li japprezzaw ir-​relazzjoni tagħhom miegħu. “Min jiċċekken u jibżaʼ mill-​Mulej, jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja,” tgħid il-​Bibbja. (Proverbji 22:4) Għalhekk, hu vitali li nifhmu x’inhi l-​umiltà vera, kif nistgħu nikkultivaw din il-​kwalità importanti, u kif nibbenefikaw meta nuruha f’kull aspett tal-​ħajja.

L-​Umiltà—Kwalità Divina

5, 6. (a) X’inhi l-​umiltà? (b) Jehovah kif wera l-​umiltà? (ċ) L-​umiltà taʼ Jehovah kif għandha teffettwana?

5 Xi wħud għandhom mnejn jibqgħu skantati meta jsiru jafu li Alla Jehovah, l-​ogħla wieħed u l-​iktar wieħed glorjuż fl-​univers, hu l-​aqwa eżempju t’umiltà. Is-​Sultan David qal lil Jehovah: “Int tajtni t-​tarka tas-​salvazzjoni tiegħek, lemintek għenitni, [“l-​umiltà,” NW] tiegħek kabbritni.” (Salm 18:36 [18:35, NW]) Meta kien qed jiddeskrivi lil Jehovah bħala umli, David uża kelma li toriġina mill-​Ebrajk u li tfisser “tkun qed tmil.” Minbarra l-​kelma “umiltà,” kliem ieħor li jiġi mill-​istess kelma oriġinali jinkludi “li titbaxxa,” “li tkun ġwejjed,” u “li tiċċekken.” Mela Jehovah kien qed jumilja ruħu meta tbaxxa biex ikollu kuntatt persunali mal-​bniedem imperfett David u meta użah bħala s-​sultan li jirrappreżenta Lilu. Bħalma turi s-​sopraskrizzjoni mniżżla f’Salm 18:1, Jehovah ipproteġa u appoġġa lil David, u ħelsu “minn id l-​għedewwa kollha tiegħu u minn Sawl.” Mill-​banda l-​oħra, David kien jaf li kull kobor u glorja li setaʼ jikseb bħala sultan kien se jiġi biss minħabba li Jehovah umilment jaġixxi għan-​nom tiegħu. Dan il-​ħsieb għen lil David jibqaʼ umli.

6 Xi ngħidu għalina? Jehovah għażel li jgħallimna l-​verità, u hu għandu mnejn tana privileġġi speċjali taʼ servizz permezz taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu, jew forsi użana b’xi mod ħalli jwettaq ir-​rieda tiegħu. Kif għandna nħossuna dwar dan kollu? M’għandniex numiljaw ruħna? M’għandniex inkunu grati għall-​umiltà taʼ Jehovah u nevitaw il-​kburija, li żgur twassal għal diżastru?—Proverbji 16:18; 29:23.

7, 8. (a) Jehovah kif wera l-​umiltà tiegħu fil-​mod kif ittratta lil Manasse? (b) Kemm Jehovah kif ukoll Manasse b’liema mod jagħtuna eżempju fl-​umiltà biex aħna nsegwuh?

7 Jehovah mhux biss wera umiltà kbira billi kellu kuntatt maʼ bnedmin imperfetti imma hu wera wkoll li kien dejjem lest li juri ħniena lejn dawk li jiċċekknu, saħansitra jgħolli, jew jeżalta, lil dawk li jumiljaw ruħhom. (Salm 113:4-7) Per eżempju, nistgħu nieħdu l-​każ tas-​Sultan Manasse taʼ Ġuda. Hu uża ħażin il-​pożizzjoni għolja tiegħu bħala sultan biex jippromwovi l-​qima falza u “għamel kemm felaħ il-​ħażin f’għajnejn il-​Mulej, tant li nkurlah sewwa.” (2 Kronaki 33:6) Fl-​aħħar mill-​aħħar, Jehovah ikkastiga lil Manasse billi ħalla lis-​sultan taʼ l-​Assirja jneħħih minn fuq it-​tron. Fil-​ħabs, Manasse “talab il-​ħniena mill-​Mulej Alla tiegħu, u umilja ruħu sewwa,” u għalhekk Jehovah reġaʼ tah it-​tron f’Ġerusalemm, u Manasse “għaraf li l-​Mulej hu Alla.” (2 Kronaki 33:11-13) Iva, fl-​aħħar, lumiltà li wera Manasse għoġbot lil Jehovah, li min-​naħa tiegħu wera l-​umiltà billi ħafirlu u reġaʼ ħatru bħala sultan.

8 Il-​fatt li Jehovah kien lest li jaħfer u l-​attitudni niedma taʼ Manasse jipprovdulna tagħlimiet importanti dwar l-​umiltà. Għandna dejjem inżommu f’moħħna li l-​mod kif nittrattaw lil dawk li forsi jkunu weġġgħuna u l-​attitudni li nuru meta nidinbu jistgħu jeffettwaw il-​mod kif Jehovah jittratta lilna. Jekk minn qalbna naħfru n-​nuqqasijiet taʼ l-​oħrajn u bl-​umiltà nammettu l-​iżbalji tagħna, imbagħad nistgħu nduru lejn Jehovah u nitolbuh ħniena.—Mattew 5:23, 24; 6:12.

Il-​Glorja Divina Rivelata lill-​Umli

9. Hija l-​umiltà sinjal taʼ dgħjufija? Spjega.

9 Madankollu, l-​umiltà u kwalitajiet simili m’għandhomx bi żball jittieħdu bħala sinjal taʼ dgħjufija jew bħala tendenza li dak li jkun jaqbel mal-​ħażin. Bħalma tixhed l-​Iskrittura Mqaddsa, Jehovah hu umli, u madankollu hu juri rabja ġusta u qawwa li ma bħalha meta jkun hemm bżonn. Minħabba l-​umiltà tiegħu, Jehovah jagħti attenzjoni favorevoli, jew konsiderazzjoni speċjali, lil dawk li huma umli, u jitbiegħed minn dawk li huma kburin. (Salm 138:6) Jehovah kif wera konsiderazzjoni speċjali lill-​qaddejja umli tiegħu?

10. Jehovah x’jirrivela lill-​umli, bħalma jindika l-​1 Korintin 2:6-10?

10 Meta jara li wasal il-​waqt u bil-​mezz taʼ komunikazzjoni li jagħżel hu, Jehovah jirrivela lill-​umli dettalji dwar it-​twettiq taʼ l-​iskopijiet tiegħu. Dawn l-​affarijiet glorjużi jibqgħu moħbija minn dawk li bil-​kburija jistrieħu fuq l-​għerf u l-​ħsieb tal-​bniedem jew li b’ras iebsa jibqgħu jagħmlu dawn l-​affarijiet. (1 Korintin 2:6-10) Imma l-​umli, ladarba ngħataw fehma eżatta dwar l-​iskop taʼ Jehovah, jitqanqlu biex ifaħħru lil Jehovah għaliex huma japprezzaw saħansitra iktar il-​glorja impressjonanti tiegħu.

11. Xi wħud fl-​ewwel seklu kif urew nuqqas t’umiltà, u dan kif kien taʼ ħsara għalihom?

11 Fl-​ewwel seklu, ħafna, inkluż dawk li qalu li huma Kristjani, urew nuqqas t’umiltà u tfixklu minħabba dak li qalilhom l-​appostlu Pawlu dwar l-​iskop t’Alla. Pawlu sar “appostlu tal-​Ġnus,” imma dan ma kienx minħabba n-​nazzjonalità, l-​edukazzjoni, l-​età, jew l-​għemejjel mill-​aqwa tiegħu. (Rumani 11:13, Saydon) Spiss, individwi li ma japprezzawx l-​affarijiet spiritwali jħarsu lejn dawn l-​affarijiet biex jiddeterminaw lil min għandu juża Jehovah bħala l-​għodda tiegħu. (1 Korintin 1:26-29; 3:1; Kolossin 2:18) Madankollu, Pawlu kien magħżul minn Jehovah, fi qbil mal-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​iskop ġust Tiegħu. (1 Korintin 15:8-10) Dawk li Pawlu ddeskriviehom bħala “appostli kbar,” jew raffinati żżejjed, kif ukoll oħrajn li opponew, ma ridux jaċċettaw lil Pawlu u l-​mod kif irraġuna mill-​Iskrittura. Minħabba li ma kinux umli, huma tilfu ċ-​ċans li jiksbu l-​għarfien u l-​fehma dwar il-​mod glorjuż kif Jehovah iwettaq l-​iskop tiegħu. Jalla qatt ma nuru nuqqas t’apprezzament jew niġġudikaw lil dawk li Jehovah jagħżel biex jużahom ħalli jwettqu r-​rieda tiegħu.—2 Korintin 11:4-6.

12. L-​eżempju taʼ Mosè kif juri li Jehovah japprova lil min hu umli?

12 Mill-​banda l-​oħra, hemm ħafna eżempji fil-​Bibbja li jenfasizzaw kif in-​nies umli jiġu mberkin billi jaraw ftit mill-​glorja t’Alla. Mosè, “l-​aktar umli” fost il-​bnedmin, ra l-​glorja t’Alla u gawda relazzjoni intima miegħu. (Numri 12:3) Dan ir-​raġel umli li qattaʼ 40 sena bħala sempliċi ragħaj, probabbilment il-​maġġor parti minnhom fuq il-​Peniżola Għarbija, kien tabilħaqq approvat mill-​Ħallieq b’diversi modi. (Eżodu 6:12, 30) Bl-​għajnuna taʼ Jehovah, Mosè sar il-​kelliemi għall-​ġens taʼ Iżrael u l-​organizzatur ewlieni tiegħu. Hu kellu komunikazzjoni reċiproka m’Alla. Permezz taʼ viżjoni, hu ra “s-​sura tal-​Mulej.” (Numri 12:7, 8; Eżodu 24:10, 11) Dawk li aċċettaw lil dan il-​qaddej u rappreżentant umli t’Alla ġew imbierka huma wkoll. Bl-​istess mod, aħna se nitbierku jekk naċċettaw u nobdu lill-​profeta li hu akbar minn Mosè, Ġesù, kif ukoll lill-​“ilsir leali u diskret” maħtur minnu.—Mattew 24:45, 46, NW; Atti 3:22.

13. Il-​glorja taʼ Jehovah kif ġiet rivelata lil rgħajja umli fl-​ewwel seklu?

13 Lil min ‘iddiet il-​glorja tal-​Mulej’ bil-​bxara anġelika taʼ l-​aħbar tajba dwar it-​twelid taʼ “Salvatur, li hu l-​Messija, il-​Mulej”? Mhux lill-​mexxejja reliġjużi arroganti jew lin-​nies importanti li kellhom xi pożizzjoni prominenti imma lil rgħajja umli “fir-​rabaʼ, għassa mal-​merħla tagħhom billejl.” (Luqa 2:8-11) Dawn l-​individwi ma tantx kienu stmati għall-​kwalifiki tagħhom jew għal xogħolhom. Madankollu, huma kienu dawk li Jehovah innotahom u għażilhom biex ikunu l-​ewwel nies li jiġu informati bit-​twelid tal-​Messija. Iva, Jehovah jirrivela l-​glorja tiegħu lill-​umli u lil dawk li jibżgħu minnu.

14. Alla kif ibierek lil min hu umli?

14 X’jgħallmuna dawn l-​eżempji? Dawn juruna li Jehovah japprova lill-​umli u jirrivelalhom l-​għarfien u l-​fehma dwar l-​iskop tiegħu. Hu jagħżel individwi li forsi m’humiex tal-​livell li jistennew il-​bnedmin u jużahom bħala l-​mezz tiegħu biex juri lil oħrajn x’inhu l-​iskop glorjuż tiegħu. Dan għandu jqanqalna biex inkomplu nduru lejn Jehovah, il-​Kelma profetika tiegħu, u l-​organizzazzjoni tiegħu għad-​direzzjoni. Nistgħu nkunu ċerti li Jehovah se jżomm lill-​qaddejja umli tiegħu informati dwar kif se jiżvolġi l-​iskop grandjuż tiegħu. Il-​profeta Għamos iddikjara: “Ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-​Mulej, jekk ma jurix il-​ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-​qaddejja tiegħu l-​profeti.”—Għamos 3:7.

Ikkultiva l-​Umiltà u Gawdi l-​Approvazzjoni t’Alla

15. Għala rridu naħdmu biex nibqgħu umli, u dan kif jispikka fil-​każ tas-​Sultan Sawl taʼ Iżrael?

15 Irridu nibqgħu umli jekk irridu ngawdu l-​approvazzjoni divina għal dejjem. Ladarba nkunu umli ma jfissirx li se nibqgħu dejjem hekk. Individwu jistaʼ ma jibqax umli u jibda jitkabbar u jintefaħ bih innifsu, u mbagħad isir prużuntuż u jispiċċa ħażin. Sawl, l-​ewwel sultan midluk taʼ Iżrael, hekk għamel. Meta għall-​ewwel intgħażel, hu ħassu ‘ċkejken f’għajnejh stess.’ (1 Samwel 15:17) Madankollu, wara li kien ilu jaħkem sentejn biss hu aġixxa b’mod prużuntuż. Hu wera diżrispett lejn l-​arranġament taʼ Jehovah li ħatar lill-​profeta Samwel biex joffri s-​sagrifiċċji, u vvinta l-​iskużi biex jiġġustifika l-​fatt li qabad u offra s-​sagrifiċċju hu stess. (1 Samwel 13:1 [nota taʼ taħt; 13:1, NW], 8-14) Dan kien il-​bidu taʼ ħafna ġrajjiet li b’mod ċar urew kemm ma kienx umli. Ir-​riżultat kien li tilef l-​ispirtu u l-​approvazzjoni taʼ Jehovah, u dan eventwalment wassal għall-​mewta t’għajb tiegħu. (1 Samwel 15:3-19, 26; 28:6; 31:4) It-​tagħlima hi ċara: Irridu naħdmu biex nibqgħu umli u sottomessi waqt li noħonqu sentimenti li jġagħluna nħossuna importanti, u b’hekk nevitaw kull tip taʼ għemil prużuntuż li jwassal għad-​diżapprovazzjoni taʼ Jehovah.

16. Jekk nirriflettu fuq ir-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah u maʼ bnedmin oħra kif se niġu megħjunin nikkultivaw l-​umiltà?

16 Għalkemm l-​umiltà m’hijiex imniżżla bħala parti mill-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla, din hija kwalità divina li għandna nikkultivaw. (Galatin 5:22, 23; Kolossin 3:10, 12) Peress li l-​umiltà tinvolvi stat mentali—jiġifieri, kif inħarsu lejna nfusna u lejn oħrajn—biex niżviluppawha rridu nagħmlu sforz minn jeddna. Jekk naħsbu bis-​serjetà u nimmeditaw fuq ir-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah u maʼ bnedmin oħra se niġu megħjunin biex nibqgħu umli. F’għajnejn Alla, il-​bnedmin imperfetti kollha huma bħall-​ħaxix aħdar li jikber għal xi żmien, imbagħad jinxef u jidbiel. Il-​bnedmin huma bħal sempliċi ġradijiet fir-​rabaʼ. (Isaija 40:6, 7, 22) Għandha sempliċi ħaxixa waħda għalfejn titkabbar minħabba li hi daqsxejn itwal minn ħaxix ieħor? Għandu ġurad għalfejn jiffanfra għaliex jaqbeż daqsxejn iktar ’il bogħod minn ġradijiet oħra? Anki li taħseb fuq ħaġa bħal din hija bluha. Għalhekk, l-​appostlu Pawlu fakkar lill-​Kristjani sħabu: “Min hu li għażlek? X’għandek li ma ngħatalikx? U jekk ingħatalek, l-​għala tiftaħar bħallikieku ma ngħatalek xejn?” (1 Korintin 4:7) Jekk nirriflettu fuq versi Bibliċi bħal dawn se niġu megħjunin biex nikkultivaw u nuru l-​umiltà.

17. X’għen lill-​profeta Danjel biex jikkultiva l-​umiltà, u x’jistaʼ jgħinna nagħmlu l-​istess ħaġa?

17 Il-​profeta Ebrew Danjel ġie dikjarat bħala “raġel għażiż” f’għajnejn Alla għax hu ‘ċċekken,’ jiġifieri, għax kien umli. (Danjel 10:11, 12) X’għen lil Danjel biex jikkultiva l-​umiltà? L-​ewwelnett, hu straħ kompletament fuq Jehovah, billi resaq lejh bit-​talb regolarment. (Danjel 6:11, 12 [6:10, 11, NW]) Barra minn hekk, Danjel kien jistudja l-​Kelma t’Alla b’mod diliġenti u b’motiv xieraq, u dan għenu biex jibqaʼ ffokat fuq l-​iskop glorjuż t’Alla. Hu kien lest ukoll li jirrikonoxxi n-​nuqqasijiet tiegħu, mhux biss dawk taʼ ġensu. U hu kien interessat sinċerament li jappoġġa l-​ġustizzja t’Alla, mhux tiegħu stess. (Danjel 9:2, 5, 7) Nistgħu aħna nitgħallmu mill-​eżempju li jispikka taʼ Danjel u nistinkaw biex nikkultivaw u nuru l-​umiltà f’kull aspett taʼ ħajjitna?

18. X’ġieħ jew glorja hemm lesta għal dawk li juru l-​umiltà llum?

18 “Min jiċċekken u jibżaʼ mill-​Mulej, jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja,” jgħid Proverbji 22:4. Iva, Jehovah japprova lil dawk li huma umli, u r-​riżultat hu ġieħ u ħajja. Is-​salmista Asaf kien kważi se jitlaq is-​servizz tiegħu lil Alla imma mbagħad Jehovah għenu jirranġa l-​ħsibijiet tiegħu. Wara dan hu ammetta bl-​umiltà kollha: “Skond il-​ħsieb tiegħek tmexxini, mbagħad fis-​sebħ tilqagħni.” (Salm 73:24) Xi ngħidu għal-​lum? X’ġieħ jew glorja hemm lesta għal dawk li juru l-​umiltà? Minbarra li jgawdu relazzjoni approvata u mbierka maʼ Jehovah, huma jistgħu jħarsu ’l quddiem biex jaraw it-​twettiq tal-​kliem ispirat tas-​Sultan David: “Il-​ġwejdin għad jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” Futur glorjuż tabilħaqq!—Salm 37:11.

Tiftakar Int?

• Stiefnu kif inhu eżempju taʼ xi ħadd umli li lilu Jehovah irrivela l-​glorja Tiegħu?

• Alla Jehovah b’liema modi wera l-​umiltà?

• Liema eżempji juru li Jehovah jirrivela l-​glorja tiegħu lill-​umli?

• L-​eżempju taʼ Danjel kif jistaʼ jgħinna nikkultivaw l-​umiltà?

[Kaxxa f’paġna 12]

Sod imma Umli

Fil-​konvenzjoni taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja (illum magħrufin bħala x-​Xhieda taʼ Jehovah) li saret fl-​1919 f’Cedar Point, Ohio, l-​Istati Uniti, J. F. Rutherford, li kellu 50 sena u li dak iż-​żmien kien qed jindokra x-​xogħol, minn qalbu offra ruħu volontarjament biex iġorr il-​bagalji taʼ dawk li attendew il-​konvenzjoni u jgħinhom jsibu l-​kmamar tagħhom. Fl-​aħħar jum tal-​konvenzjoni, hu għaġġeb lill-​udjenza taʼ 7,000 ruħ bil-​kliem: “Int ambaxxatur tas-​Sultan tas-​slaten u taʼ Sid is-​sidien, li tħabbar lin-​nies . . . is-​saltna glorjuża taʼ Sidna.” Ħuna Rutherford kien raġel li kellu konvinzjonijiet sodi, magħruf għall-​mod qawwi kif kien jitkellem u għall-​fatt li ma kienx lest jagħmel kompromess f’dik li kien jemmen li hi l-​verità. Hu kellu wkoll umiltà ġenwina quddiem Alla, u din spiss kienet tidher fit-​talb tiegħu li kien jgħid fil-​qima taʼ fil-​għodu f’Betel.

[Stampa f’paġna 9]

Stiefnu, li kien jaf l-​Iskrittura sew, kien jaqdi fl-​imwejjed bl-​umiltà kollha

[Stampa f’paġna 10]

L-​umiltà li wera Manasse għoġbot lil Jehovah

[Stampa f’paġna 12]

Danjel għala kien “raġel għażiż”?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja