Il-Popli li Oriġinaw fil-Messiku Jisimgħu l-Aħbar Tajba
FL-10 taʼ Novembru, 2002, grupp taʼ Mixe, poplu li oriġina fil-Messiku, inġabar f’San Miguel, ġo Quetzaltepec. Din hi belt fl-istat mill-isbaħ taʼ Oaxaca li jinsab fin-nofsinhar. Il-grupp kien qed jattendi konvenzjoni distrettwali tax-Xhieda taʼ Jehovah. Fil-programm taʼ dik l-għodwa kienet tispikka drama Biblika.
Meta nstemgħu l-ewwel ftit kliem tad-drama Biblika, dawk fl-udjenza baqgħu mbellha. F’daqqa waħda qabdu jċapċpu kemm jifilħu, ħafna minnhom bid-dmugħ f’għajnejhom. Id-drama ġiet preżentata bil-lingwa tal-Mixe! Meta spiċċat, ħafna wrew apprezzament profond għal din il-barka mhux mistennija. “Għall-ewwel darba stajt nifhem id-drama. Messitli qalbi,” qalet waħda. “Issa nistaʼ mmut kuntenta għaliex Jehovah ippermettieli nismaʼ d-drama bil-lingwa tiegħi stess,” qalet oħra.
Dak li seħħ dakinhar kien parti minn sforz kbir li għamlu dan l-aħħar ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Messiku, sabiex jilħqu lin-nies tal-post bl-aħbar tajba tas-Saltna.—Mattew 24:14; 28:19, 20.
Jehovah Semaʼ t-Talb
Hemm iktar minn 6,000,000 ruħ li joriġinaw u jgħixu fil-Messiku—biżżejjed biex jifformaw ġens waħedhom, ġens kollu kulturi bi 62 lingwa differenti. Ħmistax minn dawn il-lingwi huma mitkellma minn iktar minn 100,000 ruħ kull waħda. Iktar minn 1,000,000 persuna tal-post ma jitkellmux bl-Ispanjol, il-lingwa uffiċjali tal-Messiku. U ħafna minn dawk li jitkellmu bl-Ispanjol jistgħu jitgħallmu l-verità Biblika iktar faċilment bil-lingwa tagħhom stess. (Atti 2:6; 22:2) Xi wħud studjaw il-Bibbja u attendew il-laqgħat Kristjani lealment għal ħafna snin, però dak li setgħu jifhmu kien limitat. Għalhekk, ilhom ħafna jitolbu biex ikollhom il-messaġġ tal-verità bil-lingwa tagħhom.
Biex jiffaċċja din l-isfida, fl-1999, l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Messiku beda jħejji laqgħat tal-kongregazzjoni bil-lingwi tal-post. Ġew ifformati wkoll it-timijiet tat-traduzzjoni. Mis-sena 2000 ’il quddiem, id-drama tal-konvenzjoni distrettwali bdiet tiġi preżentata bil-Maja u iktar tard b’diversi lingwi oħra.
Imbagħad kien imiss li ssir it-traduzzjoni tal-letteratura tax-Xhieda taʼ Jehovah bħala għajnuna fl-istudju tal-Bibbja. L-ewwel, il-browxer Gawdi l-Ħajja fuq l-Art Għal Dejjem! ġie tradott bil-lingwi Huave, Maja, Mazatec, Totonac, Tzeltal, u Tzotzil. Wara dan ħarġu iktar pubblikazzjonijiet, inkluż ħarġa regulari tal-Ministeru tas-Saltna bil-Maja. Ġew rekordjati wkoll xi pubblikazzjonijiet fuq l-awdjokasetts. Biex jgħallmu lin-nies tal-post jaqraw u jiktbu bil-lingwa tagħhom, browxer li jismu Apply Yourself to Reading and Writing qed jiġi addattat biex jintuża lokalment. Il-letteratura Biblika bħalissa qed issir bi 15-il lingwa tal-post, u dalwaqt joħorġu iktar pubblikazzjonijiet.
“Jagħmlu Kull Sforz”
Ix-xogħol tat-traduzzjoni ma kienx faċli. Waħda mir-raġunijiet hi li ma tantx hemm letteratura sekulari pubblikata bil-lingwi li oriġinaw fil-Messiku. F’ħafna każi, kienet taʼ sfida biex jinstabu d-dizzjunarji. Imbagħad hemm il-ħafna djaletti taʼ wħud mil-lingwi. Per eżempju, fil-lingwa taz-Zapotec biss, hemm mill-inqas ħames djaletti. Dawn id-djaletti tant saru differenti minn xulxin li xi wħud miz-Zapotec minn inħawi differenti ma jistgħux jifhmu lil xulxin.
Iktar minn hekk, meta ma jkunx hemm livelli stabbiliti għal xi lingwa, it-tradutturi jkollhom jistabbilixxu ċerti livelli għalihom stess. Dan jeħtieġ ħafna tiftix u konsultazzjoni. Mhux taʼ b’xejn li, għall-ewwel, ħafna minnhom ħassewhom bħal Élida mit-tim tal-Huave. Hi tiftakar: “Meta stidnuni fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Messiku biex nagħmel ix-xogħol tat-traduzzjoni, ħassejtni b’żewġ modi—ferħana u mbeżżgħa.”
It-tradutturi jridu wkoll jitgħallmu jħaddmu l-kompjuter, jimxu maʼ ċerti skedi u proċeduri tat-traduzzjoni. Tabilħaqq, l-inkarigu kien tassew taʼ sfida għalihom. Kif iħossuhom dwaru? Gloria, membru tat-tim tal-Maja, twieġeb: “M’għandniex kliem biex niddeskrivu l-ferħ tagħna minħabba s-sehem li għandna fit-traduzzjoni tal-letteratura Biblika bil-Maja, il-lingwa oriġinali tagħna.” U dwar it-tradutturi, indokratur fid-Dipartiment tat-Traduzzjoni josserva: “Ix-xewqa li jkollhom il-letteratura Biblika bil-lingwa tagħhom tant hi qawwija li qed jagħmlu kull sforz biex jiffaċċjaw l-isfida.” Sewa xi ħaġa l-isforz tagħhom?
“Grazzi, Jehovah!”
Il-barka taʼ Jehovah tidher ċara fix-xogħol li qed isir fost in-nies tal-post. L-attendenza għal-laqgħat Kristjani u l-assembleat immultiplikat. Per eżempju, fl-2001, il-223 Xhud li jitkellmu bil-Mixe ltaqgħu għall-osservanza tat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu. Madankollu, l-attendenza b’kollox kienet taʼ 1,674 ruħ—sebaʼ darbiet u nofs iktar mill-għadd taʼ Xhieda!
Xi wħud minn dawk li jaċċettaw il-verità issa jistgħu jifhmuha sew mill-bidunett. Mirna tiftakar xi ġralha qabel ma l-laqgħat bdew isiru bil-Maja. “Tgħammidt wara li kont ili nistudja l-Bibbja tliet xhur,” tgħid hi. “Kont naf li għandi nitgħammed, imma jkolli ngħid li ma kontx nifhem sew il-veritajiet tal-Bibbja daqskemm suppost. Naħseb li r-raġuni hi li l-lingwa oriġinali tiegħi hi l-Maja, u l-Ispanjol ma kontx nifhmu ħafna. Domt daqsxejn biex fhimt sew il-verità.” Illum, hi u żewġha jinsabu kuntenti li jagħmlu parti mit-tim tat-traduzzjoni tal-Maja.
Dawk kollha li huma fil-kongregazzjonijiet tgħidx kemm jifirħu meta jirċievu pubblikazzjonijiet bil-lingwa tagħhom. Meta ħareġ il-browxer Gawdi l-Ħajja fuq l-Art Għal Dejjem!, li kien għadu kif ġie tradott bil-lingwa Tzotzil, mara li kienet bdiet tattendi l-laqgħat Kristjani għannqitu u qalet: “Grazzi, Jehovah!” Ir-rapporti juru li ħafna studenti tal-Bibbja qed jaslu għall-magħmudija iktar malajr, pubblikaturi inattivi qed jerġgħu jsiru attivi, u ħafna aħwa Kristjani issa jħossuhom kwalifikati biex jaċċettaw ir-responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni. Xi inkwilini huma iktar lesti li jaċċettaw il-letteratura Biblika bil-lingwa tagħhom stess u jistudjawha.
F’każ minnhom, waħda Xhud marret tikkonduċi studju tal-Bibbja, imma l-istudenta ma kinitx id-dar. Meta żewġha fetaħ il-bieb, hi offriet li taqralu minn browxer. Hu weġibha: “Ma rrid xejn.” L-oħt qaltlu bit-Totonac li l-browxer kien bil-lingwa tagħhom. Malli semaʼ dan, ir-raġel ġibed bank u poġġa bil-qiegħda. Hekk kif kienet qed taqralu, hu beda jgħid: “Dan hu minnu. Iva, dan hu minnu.” Issa hu qed jattendi l-laqgħat Kristjani.
F’Yucatán, ir-raġel taʼ waħda Xhud kien jopponi l-verità u kultant kien isawwat lil martu meta din kienet tiġi lura d-dar mil-laqgħat. Meta bdew isiru l-laqgħat bil-Maja, hi ddeċidiet li tistiednu. Hu mar, u tassew ħa pjaċir bihom. Issa qed jattendi l-laqgħat regolarment, qed jistudja l-Bibbja u, m’għandniex xi ngħidu, m’għadux isawwat lil martu.
Raġel li jitkellem bit-Totonac qal lil żewġ Xhieda li hu qatt ma kien jitlob minħabba li l-qassis Kattoliku qallu li Alla jismaʼ t-talb bl-Ispanjol biss. Fil-fatt, hu kellu jħallas lill-qassis biex jitlob għan-nom taʼ dawk li jitkellmu bit-Totonac. Ix-Xhieda spjegawlu li Alla jismaʼ t-talb bil-lingwi kollha, u tawh browxer bit-Totonac, li hu aċċettah b’ferħ kbir.—2 Kronaki 6:32, 33; Salm 65:3, 4a (65:2, NW).
“Kualtsin Tajtoua”
Ferħanin b’dawn l-iżviluppi, ħafna pubblikaturi tas-Saltna qed jistinkaw biex jitgħallmu lingwa tal-post jew biex itejbu waħda li diġà jafu. Dan hu eżatt dak li qed jagħmel indokratur tas-circuit li jaqdi f’ħames kongregazzjonijiet li jitkellmu bin-Nahuatl fi Puebla tat-tramuntana. Hu jgħid: “It-tfal li qabel kienu jorqdu fil-laqgħat qegħdin joqogħdu verament attenti u qed jisimgħu b’attenzjoni meta nitkellem bin-Nahuatl. Wara waħda mil-laqgħat, tifel t’erbaʼ snin ġie fuqi u qalli: ‘Kualtsin tajtoua’ (titkellem sabiħ). Dan ġagħalni nħoss li l-isforz tiegħi kien tassew siewi.”
Iva, it-territorju tal-lingwi tal-post huma bħal għelieqi li verament “bjadu għall-ħsad,” u dawk kollha li jieħdu sehem f’dan ix-xogħol iħossuhom tabilħaqq inkuraġġiti. (Ġwanni 4:35) Roberto, li ħadem biex jorganizza t-timijiet tat-traduzzjoni, jiġbor kollox b’dan il-kliem: “Qatt ma se ninsa l-mument li rajt id-dmugħ taʼ ferħ nieżel maʼ wiċċ ħutna, hekk kif bdew jisimgħu l-verità bil-lingwa oriġinali tagħhom u jifhmuha. Meta naħseb dwar dan titlagħli bħal għoqla fi griżmejja.” Żgur li l-għajnuna li tingħata lil uħud sinċieri biex jieħdu l-pożizzjoni tagħhom favur is-Saltna ġġib ferħ kbir lil qalb Jehovah.—Proverbji 27:11.
[Kaxxa f’paġna 10, 11]
Niltaqgħu maʼ Xi Tradutturi
● “Minn dejjem niftakarni niġi mgħallma l-verità mill-ġenituri tiegħi. B’sogħba, meta kelli 11-il sena, missieri telaq il-kongregazzjoni Kristjana. Sentejn wara, ommi abbandunatna. Peress li jien il-kbira minn ħamest itfal, kelli nġorr ir-responsabbiltajiet taʼ ommi, avolja kont għadni mmur l-iskola.
“Kellna l-appoġġ kollu mħabba taʼ ħutna spiritwali, imma ma kinitx ħajja faċli. Kultant kont naħseb bejni u bejn ruħi: ‘Għala qed jiġrili hekk? Għadni tant żgħira!’ Kien biss bl-għajnuna taʼ Jehovah li stajt inkampa. Wara li ggradwajt mill-iskola sekondarja, sirt ministru full-time, u dan għenni ferm. Meta t-tim tat-traduzzjoni tan-Nahuatl ġie fformat, ġejt mistiedna nkun parti minnu.
“Missieri issa reġaʼ lura lejn il-kongregazzjoni, u ħuti ż-żgħar qed jaqdu lil Jehovah. Ma jiddispjaċini xejn li għamilt l-isforz biex nibqaʼ leali lejn Jehovah. Hu bierek il-familja tiegħi bil-kbir.”—Alicia.
● “Xhud fl-istess klassi tiegħi tat taħdita dwar l-oriġini tal-ħajja. Ma kontx preżenti għal dik il-lezzjoni u kont inkwetat dwar l-eżami fuq dan is-suġġett, allura tlabtha tispjegali s-suġġett. Jien dejjem xtaqt inkun naf għala n-nies imutu. Meta offrietli l-ktieb Creationa u studju tal-Bibbja, jien aċċettajt. L-iskopijiet u l-imħabba tal-Ħallieq laqtuni profondament.
“Meta spiċċajt l-iskola kelli l-opportunità li nsir għalliem taʼ żewġ lingwi, l-Ispanjol u t-Tzotzil. Imma dan kien jeħtieġ li mmur noqgħod ’il bogħod, nieħu iktar lezzjonijiet fi tmiem il-ġimgħa, u nitlef il-laqgħat Kristjani. Minflok, bdejt naħdem bħala bennej. Missieri, li ma kienx Xhud, xejn ma ħa pjaċir bid-deċiżjoni tiegħi. Iktar tard, meta bdejt naqdi bħala pijunier, ġie organizzat tim biex tiġi tradotta l-letteratura Biblika bit-Tzotzil. Ħassejtni mqanqal biex nieħu sehem fit-traduzzjoni.
“Nistaʼ nara li meta l-aħwa jkollhom pubblikazzjonijiet bil-lingwa tagħhom iħossuhom apprezzati u rispettati. Dan iġib sodisfazzjon kbir. Inħossni privileġġat ħafna li għandi dan l-inkarigu.”—Humberto.
● “Meta kelli sitt snin, ommi abbandunatna. Fi żmien l-adoloxxenza tiegħi, missieri beda jistudja max-Xhieda taʼ Jehovah. Darba minnhom oħt offrietli studju tal-Bibbja li kien jinkludi pariri għaż-żgħażagħ. Bħala adoloxxenti mingħajr omm, ħassejt li dan kien eżatt dak li kelli bżonn. Tgħammidt meta kelli 15-il sena.
“Fl-1999, missieri nqatel minn xi nies mill-agħar li riedu l-artijiet tiegħu. Ħassejtni mkissra. Waqajt f’dipressjoni qawwija u ħassejt li ma stajtx nibqaʼ ngħix. Imma bqajt nitlob lil Jehovah għas-saħħa. L-indokratur li jivvjaġġa u martu inkuraġġewni ħafna. Ma domtx ma sirt pijuniera regulari.
“Darba minnhom rajt lil xi wħud li kienu mxew xi sitt sigħat biex jisimgħu taħdita taʼ 20 minuta bit-Totonac, avolja l-bqija tal-laqgħa kienet bl-Ispanjol, li ma setgħux jifhmuh. Għalhekk, tgħidx kemm fraħt meta stidnuni biex ngħin fit-traduzzjoni tal-letteratura Biblika bit-Totonac.
“Kont ngħid lil missieri li l-ħolma tiegħi hi li naqdi fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah. Hu kien qalli li din ma kinitx xi ħaġa faċli għal tfajla waħedha taʼ l-età tiegħi. Kemm se jifraħ la jiġi rxoxtat u jsir jaf li rnexxieli nagħmel dan billi nittraduċi l-letteratura Biblika bil-lingwa tagħna!”—Edith.
[Nota taʼ taħt]
a Life—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation? pubblikat fl-1985 mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Stampa f’paġna 9]
Membri tat-tim tat-traduzzjoni tat-Tzotzil jiddiskutu kelma li hi diffiċli biex tiġi tradotta